Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mark 3: 22-30
L-Evanġelju skond San Mark 3: 22-30
[Mk:3:22] Il-kittieba li kienu niżlu minn Ġerusalemm bdew jgħidu: “Dan għandu fih lil Begħelżebul,” u wkoll, “Dan bis-saħħa tal-Prinċep tax-xjaten qiegħed ikeċċihom ix-xjaten.”
[Mk:3:23] Hu sejjħilhom lejh u beda jkellimhom bil-parabboli: “Kif jista’ x-Xitan ikeċċi x-Xitan?
[Mk:3:24] Jekk saltna tinqasam fiha nfisha, dik is-saltna ma tistax iżżomm wieqfa.
[Mk:3:25] U jekk familja tinqasam fiha nfisha, dik il-familja ma tistax iżżomm wieqfa.
[Mk:3:26] Li kieku mela x-Xitan qam kontra tiegħu nnifsu u nfired, ma kienx jista’ jżomm sħiħ, imma jkun wasal fit-tmiem.
[Mk:3:27] Ħadd ma jista’ jidħol fid-dar ta’ wieħed qawwi u jaħtaflu ġidu jekk qabel ma jkunx rabat lil dak il-qawwi; mbagħad id-dar jaħtafhielu żgur.
[Mk:3:28] Tassew ngħidilkom, kollox jinħafrilhom lil ulied il-bniedem, id-dnubiet u d-dagħa kollu li jidgħu.
[Mk:3:29] Imma min jieqaf lill-Ispirtu s-Santu ma jkollu qatt maħfra; jibqa’ ħati għal dejjem.”
[Mk:3:30] Għax kienu qalu: “Għandu fih spirtu ħażin.”
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
Għandek protezzjoni tajba kontra l-ħażin u l-periklu spiritwali?
Meta Ġesu’ kien ittentat mix-xitan fid-deżert hu rebaħlu permezz tal-ubbidjenza tiegħu għar-rieda tal-Missier. In-nies li kienet tersaq lejn Ġesu’ bil-fidi hu kien jagħtihom il-vera liberta’, mill-ħakma tad-dnub u mill-forza tal-ħażen u tad-dlamijiet.
Fil-qari tal-lum naraw kif l-awtoritajiet reliġjużi ta’ żmien Ġesu’ kienu wisq mehdija fuq il-liġijiet u s-sistemi reliġjużi tagħhom biex jinbidlu u kienu suppervi wisq biex jissottomettu lilhom infushom għal Ġesu’. Żammew riġdu fl-osservanzi tal-liġijiet ritwali tagħhom u naqsu milli jgħixu dak li kien tassew l-essenzjal, iġifieri li jaqdu d-doveri tagħhom tal-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu.
Ħsieb għal Qalbek …
Minħabba li l-Fariżej u l-kapijiet reliġjużi l-oħra ma kienux jgħixu skont kif riedhom Alla, il-poplu li ra f’Ġesu’ dak li ma riedux jaraw il-Fariżej kienu spiritwalment mitlufa u bil-ġuħ għal Alla. Ġesu’ issodisfa l-bżonnijiet tan-nies li emmnu fih u tahom fidi u tama ġdida fis-salvazzjoni t’Alla għalihom.
Kull fejn jixxandar l-Evanġelju, is-Saltna t’Alla tiġi mmanifestata u tingħata l-liberta’ vera lil dawk li jwieġbu bil-fidi u l-fiduċja f’Alla.
Inti titlob għall-ħidma tax-xandir tal-Evanġelu, biex fi żminijietna ħafna jsibu l-vera ferħ u ħelsien f’Ġesu’ Kristu?
Itlob …
Mulej, agħmel lis-Saltna tiegħek tasal għand kull min jinsab imġarrab u fid-dlam. Imla lil qalbi bil-ħniena u t-tjieba tiegħek lejn min iħossu waħdu, imġarrab u lejn dawk ta’ madwari li ma jafux bi mħabbtek u bil-liberta’ li tagħtina Int. Użani biex inwassal l-aħbar it-tajba tal-ħniena u l-imħabba tiegħek. Ammen.
Pingback: Il-Kobor tal-Quddiesa – L-Ewkaristija u s-Saċerdozju
Pingback: Il-Qrar u l-Quddiesa – L-Ewkaristija u s-Saċerdozju
Pingback: Il-Kobor tal-Qrar u l-Quddiesa – L-Ewkaristija u s-Saċerdozju