274. Riflessjoni fuq Ġwanni 18: 33-37

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Ġwanni 18: 33-37

jesuspilate11 L-Evanġelju skont San Ġwann 18: 33-37

[Ġw:18:33] Pilatu raġa’ daħal fil-Pretorju, sejjaħ lil Ġesù u qallu: “Inti s-sultan tal-Lhud?”

[Ġw:18:34] Ġesù wieġeb: “Dan qiegħed tgħidu int minn moħħok? Jew kienu oħrajn li qalulek dan fuqi?”

[Ġw:18:35] Pilatu wieġeb: “Mela jiena Lhudi? Kien il-poplu tiegħek u l-qassisin il-kbar li tawk f’idejja. X’għamilt?”

[Ġw:18:36] Ġesù wieġeb: “Is-saltna tiegħi m’hijiex ta’ din id-dinja. Li kieku saltnati kienet ta’ din id-dinja, l-għases tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-Lhud; imma tabilħaqq saltnati m’hijiex ta’ hawn.”

[Ġw:18:37] Pilatu qallu: “Mela int sultan?” U Ġesù wieġeb: “Int qiegħed tgħidu; jien sultan. Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità. U kull min iħobb il-verità jisma’ leħni.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

San Ġwann imur aktar ‘il quddiem minn dak li jiktbu l-Evanġelisti l-oħrajn biex jafferma l-istqarrija ta’ Ġesu’ dwar li huwa re. Pilatu jinteroga lil Ġesu’ minħabba dak li l-Lhud kienu xlewh dwaru. Ġesu’ ma ċaħadx li huwa re. Hu kien jaf li se jmut preċiżament minħabba li huwa l-Messija u r-Re magħżul minn Alla. Hu spjega lil Pilatu li minkejja li kien re s-Saltna tiegħu ma kinitx ta’ din id-dinja. Hu ma ġiex biex jistabbilixxi saltna fuq din l-art imma Saltna spiritwali li biha jirbaħ lill-qlub ta’ dawk in-nisa u rġiel li jisimgħu l-Kelma tiegħu u joqgħodu għaliha. Din is-saltna ma għamlet l-ebda sens għal Pilatu għax hu la kien jaf dwar Alla veru u lanqas dwar it-triqat tiegħu.

Ħsieb għal Qalbek …

Din is-silta tallum tkompli billi Pilatu jistaqsi lil Ġesu’ dwar x’inhi l-verita’. Ġesu’ wiegħed lid-dixxipli tiegħu li jekk huma jibqgħu fil-Kelma tiegħu huma jagħrfu l-verita’ u l-verita’ teħlishom. Din insibuha f’Ġwanni kapitlu 8 vers 31 sa 32.

Kif nistgħu nkunu ċerti li Ġesu’ huwa dak li huwa stess jistqarr, l-Iben t’Alla u s-Salvatur tad-dinja?

It-tifsira vera tas-Saltna ta’ Ġesu’ hi rrivelata biss meta hu jintrefa’ ‘l fuq fuq is-salib. Fil-bidu tal-ministeru tiegħu Ġesu’ jispjega lil Nikodemu b’dawn il-kliem. ‘Bħal ma’ Mosè fid-deżert li jkun merfugħ Bin il-Bniedem ħalli kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem.’ Din insibuha fi Ġwanni 3 versi minn 14 sa 15. Permezz tad-don tal-fidi Alla jagħrafna biex aħna naċċettaw li hu vera li Ġesu’ ġie biex isalvana bħala s-Salvatur li ried jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.

U inti lil Ġesu’ tqiesu bħala s-Sultan tiegħek?

Il-Mulej ħalaqna mingħajr il-koperazzjoni tagħna, imma ma jsalvanix mingħajr il-koperazzjoni tagħna.

Qed tħallih isalvak illum biex ikun jista’ jsalvak għal dejjem fl-eternita’ meta jiġi ħa jsaltan għal dejjem fuq kulħadd?

Itlob …

Mulej Ġesu’ inti sofrejt inġustizzja u abbużi bi mħabba għalija. Permezz tas-salib tiegħek inti fdejt lid-dinja u rbaħt il-maħfra u r-rikonċiljazzjoni tagħna m’Alla Missierek. Agħtina l-kuraġġ ħalli aħna nagħżlu dejjem dak li hu tajjeb u naħarbu dak li hu ħażin.

Għażiża Marija, int li lilek għażlek biex isaltan miegħu bħala s-Sultana fuq kulħadd, fuq l-ħlejjaq kollha. Agħtina l-grazzja li waqt li nħarsu lejk nagħmlu kuraġġ ħalli aħna nagħrfu li wara t-taħbit ta’ din il-ħajja għad ukoll insaltnu miegħu fil-glorja. Ammen.