Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 11: 15-26
L-Evanġelju skont San Luqa 11: 15-26
[Lq:11:15] Iżda xi wħud minnhom qalu: “Bis-saħħa ta’ Begħelżebul, il-prinċep tax-xjaten, qiegħed ikeċċihom ix-xjaten.”
[Lq:11:16] Oħrajn, biex iġarrbuh, riedu mingħandu sinjal mis-sema.
[Lq:11:17] Iżda hu ntebaħ x’kienet il-fehma tagħhom, u qalilhom: “Kull saltna maqsuma fiha nfisha ssir ħerba, u taqa’ dar fuq oħra.
[Lq:11:18] Jekk ix-Xitan ukoll hu kontra tiegħu nnifsu, kif se żżomm wieqfa s-saltna tiegħu? Għax intom tgħidu li jien bis-saħħa ta’ Begħelżebul inkeċċihom ix-xjaten.
[Lq:11:19] Imma jekk jiena qiegħed inkeċċi x-xjaten bis-saħħa ta’ Begħelżebul, uliedkom bis-saħħa ta’ min ikeċċuhom? Għalhekk huma stess ikunu l-imħallfin tagħkom.
[Lq:11:20] Iżda jekk jiena qiegħed inkeċċi x-xjaten bis-saħħa ta’ Alla, dan ifisser li waslitilkom is-Saltna ta’ Alla.
[Lq:11:21] Sakemm il-bniedem qawwi u armat tajjeb jgħasses il-palazz tiegħu, ħwejġu jkunu fiż-żgur.
[Lq:11:22] Imma jekk wieħed aqwa minnu jaqbeż fuqu u jegħlbu, jaħtaflu l-armi kollha li fuqhom kien iserraħ rasu, u jqassam il-priża tiegħu.
[Lq:11:23] Min m’huwiex miegħi huwa kontra tiegħi, u min ma jiġborx miegħi, ixerred.
[Lq:11:24] “Meta l-ispirtu mniġġes joħroġ minn bniedem, huwa jmur jiġġerra u jfittex il-mistrieħ f’art niexfa, u billi ma jsibu mkien, jgħid, ‘Mela nerġa’ lura lejn dari mnejn ħriġt.’ [
Lq:11:25] U x’ħin jiġi, isibha miknusa u kollox f’postu.
[Lq:11:26] Mbagħad imur iġib seba’ spirti oħra agħar minnu, u jidħlu joqogħdu hemm ġew. U fl-aħħar dak il-bniedem isib ruħu f’qagħda agħar minn ta’ qabel.”
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
Int tagħmel użu sħiħ mill-protezzjoni spiritwali li l-Mulej jipprovdi għall-poplu tiegħu?
Il-Mulej jassigurana mill-protezzjoni tiegħu mill-ħsara spiritwali. Salm 91 versi minn 9 sa 11 insibu: ‘Għax int għandek il-Mulej kenn tiegħek, għamilt ‘l Għoli għamara tiegħek. Ebda deni ma jiġirlek; ebda ħsara ma tersaq lejn darek, għax l-anġli tiegħu hu jibgħatlek u jħarsuk fi triqatek kollha.’
In-numru vast t’eżorċiżmi li għamel Ġesu’ kienu jġibu l-ħelsien lil ħafna li kienu mħabbta u oppressi mill-ħidma tal-ispirti ħżiena. Ġesu’ nnifsu intaqa’ m’oppressjoni personali u ssahra max-xitan meta għadda mit-tiġrib fid-deżert propju qabel ma beda l-ħajja ministerjali tiegħu. Hu rebaħ fuq l-ħażin bl-ubbidjenza tiegħu għar-rieda tal-Missier. Uħud mill-kapijiet Lhud opponew bl-aħrax il-fejqan u l-eżorċiżmi ta’ Ġesu’ u saħansitra akkużawh li hu nnifsu kellu qawwa satanika biex seta’ jwettaq dan kollu.
Kif seta’ jġib il-qawwa u l-awtorita’ biex jeħles individwi mis-setgħa tax-xitan?
Ġesu’ wieġeb għal dawn l-akkużi li kienu qegħdin isirulu billi qal illi l-eżorċisti l-oħra ta’ żmienu wkoll allura setgħu jiġu akkużati bl-istess mod. Jgħidilhom li saltna maqsuma fiha nnfisha ma setgħetx iżżomm. Li kieku Satana kellu jsellef il-qawwa tiegħu biex tintuża kontra s-saltna tiegħu stess, allura s-saltna tiegħu kienet tisfa’ meqruda.
Ħsieb għal Qalbek …
X’inhu l-punt ta’ Ġesu’ fir-rakkont tal-istorja dwar id-dar battala li tiġi okkupata mill-forzi tal-ħażen?
Mhux biżżejjed li naqtgħu l-ħsibijiet u d-drawwiet ħżiena. Irridu wkoll nimlew il-vojt b’Alla li hu l-għajn tat-tajjeb u s-sewwa kollu. Kien għalhekk li Santu Wistin jgħid: ‘Int ħlaqtna għalik o Alla u qalbna ma ssib qatt kwiet jekk ma tistrieħx Fik.’
U int biex timla l-vojt tal-qalb tiegħek?
Ġesu’ jagħmilha ċara li m’hemmx partiti newtrali. Jew aħna għal Ġesu’ jew kontrih. Jew għas-Saltna t’Alla jew kontriha. Jekk ma nobdux il-Kelma t’Alla, inkunu niftħu bieb għas-setgħa tad-dnub u tax-xitan li jaħkmuna. Jekk irridu ngħixu fil-liberta’ mid-dnub u mix-xitan, allura d-dar tagħna, jiġifieri r-ruħ u l-qalb tagħna, iridu jkunu okkupati b’Ġesu’ fejn inħalluh isaltan bħala s-Sid, is-Salvatur u l-Mulej.
U int qiegħed tgħix fil-paċi u s-sigurta’ ta’ ħajja sottomessa għal Alla u għall-Kelma tiegħu? Jew qed tħalli xi spazju minn fejn ix-xitan jista’ jħott it-tajjeb li fadal fik u b’hekk isaltan hu bid-dnub u l-mewt fil-ħajja tiegħek?
Itlob …
Mulej, kun int li ssaltan fil-qalb tiegħi u s-Sid tad-dar tiegħi.
Għażiża Marija, Tempju fejn jgħammar Alla, tħalli xejn f’ħajti li ma jkunx taħt is-setgħa t’Ibnek, l-uniku Re li jsaltan bl-imħabba, bil-ħniena u fis-sewwa, biex bħalek jiena ngħix fil-mistrieħ li jiġi mill-kenn li joffrili Hu u taħt il-protezzjoni materna tiegħek. Żomm, Marija, ‘l uliedek kollha taħt il-mant tiegħek u ħarisna mill-ħażin. Ammen.