Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 6: 43-49
L-Evanġelju skont San Luqa 6: 43-49
[Lq:6:43] F’dak iż-żmien, Ġesu’ qal: “Ma hemmx siġra tajba li tagħmel frott ħażin, kif anqas ma hemm siġra ħażina li tagħmel frott tajjeb.
[Lq:6:44] Kull siġra mill-frott tagħha tingħaraf. Ħadd ma jiġbor it-tin mix-xewk, anqas l-għeneb mill-għolliq.
[Lq:6:45] Il-bniedem tajjeb mit-teżor tajjeb ta’ qalbu joħroġ it-tajjeb, u l-bniedem ħażin mit-teżor ħażin tiegħu joħroġ il-ħażin, għax mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm.
[Lq:6:46] “Għaliex issejjħuli, ‘Mulej,’ u mbagħad ma tagħmlux dak li ngħid jien?
[Lq:6:47] Kull min jiġi għandi u jisma’ kliemi u jagħmel dak li ngħid jien, ħa ngħidilkom lil min jixbah.
[Lq:6:48] Jixbah lil wieħed li ried jibni dar, ħaffer fil-fond sa ma sab il-blat, u fuqu qiegħed is-sisien. Mbagħad għamlet xita bil-qliel, il-wied niżel b’qawwa kbira għal fuq dik id-dar, imma ma setax jheżhiżha, għax kienet mibnija tajjeb.
[Lq:6:49] Iżda min jisma’ kliemi u ma jagħmilx li ngħid jien, jixbah lil wieħed li jkun bena daru fuq l-art mingħajr ma qiegħed sisien. Il-wied niżel b’qawwa kbira għal fuqha u minnufih iġġarrfet, u saret ħerba kbira minn dik id-dar!”
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
Li kieku wieħed kellu jkun avżat minn qabel b’xi diżastru li jkun se jseħħ wieħed ikun ipreparat kif ngħidu bil-malti: ‘Bniedem avżat nofsu armat.’ Meta Ġesu’ qal din l-istorja probabbilment kellu f’moħħu il-ktieb tal-Proverbji kapitlu 10 vers 25 li jgħid: ‘ Tgħaddi t-tempesta u jgħib il-ħażin imma l-ġust jibqa’ fis-sod għal dejjem.’ X’sinifikat għandna din l-istorja għalina?
It-tip ta’ pedament li fuqu nibnu l-ħajja tagħna jiddetermina jekk inkunux nifilħu għat-tempesti li jiġu fuqna. Ħafna drabi l-bennejja jibnu l-pedament tad-djar meta t-temp u l-art ikunu fl-aħjar kundizzjonijiet. Trid tkun għaref, ta’ ħsieb u għaqli biex tkun taf li l-pedament se jibqa’ sod anke meta affaċċjat ma’ diversi kundizzjonijiet. Bl-istess mod il-karattru tagħna sod jew le juri ruħu fl-għażliet li aħna nagħmlu speċjalment meta jkollna nagħżlu bejn dak li hu veru u dak li hu falz, bejn dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin.
Ħsieb għal Qalbek …
Int tqarraq jekk ikollok iċ-ċans li tqarraq u tara li forsi b’hekk se tiġik tajba?
Int tigdeb jew turi wiċċ b’ieħor meta affaċċjat ma’ sitwazzjoni mbarazzanti u li tkun se tikkawżalek uġigħ?
Persuna vera hi dik onesta’ u affidabbli quddiem Alla, quddiem il-proxxmu u magħha nnfisha. X’inhu li jżommna l-bogħod milli ngħixu ħajja falza u li tispiċċa b’mod diżastruż?
Jekk nagħmlu l-Mulej u l-Kelma tiegħu l-blata u l-pedament tal-ħajja tagħna, allura xejn ma jkun jista’ jċaqlaqna jew iżommna l-bogħod milli nesperjenzaw il-preżenza u l-għajnuna t’Alla.
Huwa l-Mulej u l-Kelma tiegħu l-pedament sod tal-ħajja tiegħek?
Itlob …
Mulej, int l-uniku pedament li jibqa’ sod anke f’mumenti ta’ tiġrib u meta mhedded b’diżastru. Agħtini l-għerf, l-għaqal u karattru sod li neħtieġ biex nagħmel dak li hu veru u tajjeb u nwarrab dak li hu falz u kuntrarju għar-rieda mqaddsa tiegħek ħa nkun dak li ngħix il-Kelma tiegħek u mhux biss dak li nismagħha. Ammen.