🌻 Tajjeb inżommu f’moħħna li x-xitan u sħabu huma krejaturi, jiġifieri maħluqin minn Alla (kienu maħluqa bħala anġli tajbin imma mbagħad, b’għażla libera tagħhom, saru ħżiena). Mela propju għax huma krejaturi, maħluqa, huma limitati, kemm fin-natura tagħhom u kemm fl-operat tagħhom, ċioe’, f’dak li jistgħu jagħmlu. Għalhekk ix-xjaten ma jistgħux jagħmlu mirakli.
🌻 Il-miraklu huwa fatt sopranaturali li Alla biss jista’ jwettaq, għax Alla biss huwa omnipotenti. Alla jista’ jwettaq il-miraklu jew direttament jew permezz tal-medjazzjoni materna tal-Madonna, jew tal-anġli jew tal-qaddisin.
🌻 Meta ix-Xitan jidher li jkun qed iwettaq miraklu, dan ma jidħolx fil-kamp sopranaturali imma f’dak li t-teologia ssejjaħlu preternaturali (kelma ġejja mil-Latin: ‘praeter’ li tfisser ‘tmur lil hinn minn’). Fil-fatt ix-Xitan jista’ jagħmel ħwejjeġ li jmorru lil hinn minn dak li hu possibbli umanament imma ma jfissirx li dawn huma mirakli. Il-miraklu hu xi ħaġa li n-natura qatt ma tista’ twettaq bil-ħila tagħha għax il-miraklu huwa fatt li jissupera il-liġi tan-natura, fis-sens li hu xi ħaġa totalment impossibbli għan-natura, hu fatt li ma tistax tispjegah bix-xjenza umana għalkemm ma jikkontradixxix ir-raġuni tagħna. San Tumas jgħid li hemm tlett tipi ta’ mirakli:
- Alla jista’ jwettaq mirakli li n-natura qatt ma tista’ tagħmel: eżempju, li x-xemx tieqaf għal ħin twil f’post wieħed, jew tidher tiċċaqlaq, tiġi qrib, titbiegħed u tibdel il-kuluri kif ġara ġewwa Fatima f’Ottubru tal-1917.
- Imbagħad jista’ jwettaq mirakli li tista’ tagħmilhom ukoll in-natura imma mhux fl-istess ordni: eżempju, hija opra tan-natura li annimal jgħix, imma n-natura m’għandix il-qawwa li tagħtih il-ħajja wara l-mewt. Hija xi ħaġa tan-natura li bniedem jara imma n-natura ma għandix il-qawwa li ġġibu jara wara li jagħma.
- Imbagħad hemm mirakli li fihom Alla jwettaq dak li n-natura tista’ tagħmel, imma li Hu jagħmilhom mingħajr ma jinqeda bl-elementi tan-natura: eżempju, il-fejqan mid-deni jew mill-mard.
🌻 Ix-Xitan, għax għandu kapaċita’ li tissupera dik tagħna, jista’ jwettaq fenomeni li f’għajnejna jidhru mirakolużi imma fir-realta’ mhumiex għax dawn dejjem isiru b’qawwiet u b’mezzi naturali u qatt ma jistgħu jagħmlu dak li Alla biss jista’ jwettaq fl-omnipotenza tiegħu. Biex jinganna lill-bniedem, iwettaq ħwejjeġ spettakolari u sorprendenti imma li fir-rejalta’ huma biss ‘tricks’ li bihom jipprova jagħmina u jimpressjonana. Propju għax dawn m’humiex soprannaturali, permezz, tat-talb, is-sagramenti u ħajja magħquda ma’ Kristu aħna nistgħu nikxfu l-ingann tagħhom u nirbħuhom.