Dokument PDF jew WORD ta’ din l-adorazzjoni.
Dokument sħiħ PDF jew WORD ta’ Riflessjonijiet u Talb li jistgħu jintużaw waqt Adorazzjoni Ewkaristika.
Espożizzjoni tas-Santissmu Sagrament
Kant tal-Bidu: Flimkien Ġesu’ Maħbub
Flimkien Ġesu’ Maħbub,
Kull ġieħ u ħajr nagħtuk;
Kif Int ħabbejtna lkoll
Nixtiequ li nħobbuk.
Ifħtilna l-bieb ta’ dik id-dar
Fejn qiegħed waħdek lejl u nhar.
Rit/. Kull ġieħ u ħajr nagħtuk (x2)
Ħallina ħdejk Ġesu’
Quddiemek mixħutin.
Int tħobb tarahom flimkien
Lil ħutek maħbubin
Aħbina lkoll ġo dik il-Qalb
Biex tisma’ l-qlub li jgħidu t-talb.
R./ Kull ġieħ u ħajr nagħtuk (x2)
Int l-hena, is-sliem, il-ferħ
Ta’ min jittama fik.
Int faraġ ta’ kull qalb
Li tħobb titgħaxxaq bik.
Mis-sema nżilt u fostna ġejt,
Biex iħobbuk dawk li ħabbejt.
Rit/. Kull ġieħ u ħajr nagħtuk (x2)
Vista lil Ġesu’ Sagramentat
Taħt ix-xbieha t’Ostja ċkejkna
Ġejt inżurek, nadurak
O Ġesu’ bqajt tgħammar fostna,
Biex tkun l-għaxqa ta’ kulħadd.
Missierna, Sliema, Glorja
Ma nsibx kliem, O Alla tiegħi,
Biex infaħħrek kif irrid,
Għax jien xejn u Inti kollox,
Int fawwara ta’ kull ġid.
Missierna. Sliema, Glorja
Kemm nixtieq dal-ħin hawn miegħek,
Ninsa kollox u ‘l kulħadd,
Biex minn qalbi nista’ ngħidlek
Egħżeż minnek m’għandi ‘l ħadd.
Missierna, Sliema, Glorja
Jiena naf li kemm -il darba
Mal-ġid bdiltek ta’ din l-art,
U kmand Tiegħek, fi bluhiti
Bi dnubieti jien każbart.
Missierna, Sliema, Glorja
Nagħtik ġieħ mal-anġli kollha
Mal-eluf ta’ qaddisin,
Li fis-sema b’leħen wieħed,
Ifaħħruk ilkoll henjin.
Missierna, Sliema, Glorja
Skont il-fehma tal-Papa: Missierna, Sliema, Glorja
Intenzjoni:
Noffru din is-siegħa adorazzjoni għall-bżonnijiet tal-Missjoni u tal-Missjunarji u biex il-Mulej jurina kif nistgħu ngħinu biex tinxtered is-Saltna t’Alla fl-artijiet lil ħutna.
Missjoni. Marija Santissma kienet l-Ewwel Missjunarja u taħt il-ħarsien tagħha sejrin nagħmlu din l-Adorazzjoni Ewkaristika.
Talb ta’ Adorazzjoni
Wara kull invokazzjoni ngħidu flimkien: NADURAWK ĠESU’ FEDDEJ TAGĦNA.
Nadurawk, Ġesu’, ħaġa waħda mal-Missier u mal-Ispirtu s-Santu.
Nadurawk, Ġesu’, li għax tħobbna ċċekkint u sirt bniedem bħalna.
Nadurawk, Ġesu’, li tħassart lin-nies ta’ żmienek għax kienu bħal merħla mingħajr ragħaj.
Nadurawk, Ġesu’, l-uniku Feddej tal-bnedmin kollha.
Nadurawk, Ġesu’, tal-imħabba bla qies tiegħek li ridt tibqa’ magħna fl-Ewkaristija.
Nadurawk, Ġesu’, li Inti preżenti fostna.
Nadurawk, Ħobż qaddis li tagħti l-ħajja lill-bnedmin kollha.
Nadurawk, Ġesu’, li tgħaqqad lill-bnedmin kollha ħaġa waħda bejniethom permezz tal-Ewkaristija.
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani (Kap 10 V. 9)
“Jekk inti tistqarr b’fommok, “Ġesu’ hu l-Mulej”, u temmen f’qalbek li Alla qajmu mill-Imwiet, inti ssalva. Wieħed jemmen f’qalbu biex ikollu l-ġustizzja u jistqarr b’xofftejh biex ikollu s-salvazzjoni. L-Iskrittura tgħid, “Kull min jemmen fih ma jintilifx. Ma hemmx għażla bejn Lhud u Griegi; Alla hu s-Sid ta’ kulħadd u għani ma’ dawk kollha li jsejħulu, għax kull min isejjaħ isem il-Mulej isalva. Imma kif jistgħu jsejħu lil dak li ma jemmnux fih? Kif jistgħu jemmnu f’dak ma semgħux bih? Kif jistgħu jisimgħu jekk ma jxandruhulhomx? Kif jistgħu ixandrulhom jekk ma jkunux mibgħuta? Bħalma hemm miktub, “Kemm huma sbieħ ir-riġlejn ta’ dawk li jħabbru l-ġid, iżda mhux kulħadd qagħad għall-kelma tal-Evanġelju. Isaija ħabbar: “Mulej, min emmen il-kelma li sema’ mingħandna?” Għax il-fidi tiġi mis-smigħ, u s-smigħ mill-kelma ta’ Kristu. Imma ngħid jien, jaqaw ma semgħux? Żgur li semgħu l-Iskrittura tgħid; “Leħinhom inxtered mal-art kollha, u l-kelma tagħhom laħqet truf id-dinja.”
Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu Ħajr lil Alla
Mument ta’ Skiet
Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew (Kap 9 V 35-38)
Ġesu’ dar l-ibliet u l-irħula kollha jgħallem fis-sinagogi, ixandar il-Bxara t-tajba tas-Saltna, u jfejjaq kull xorta ta’ mard u lil kull min kien nieqes minn saħħtu. Ra n-nies u tħassarhom, għax kienu mdejqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj. Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: “Il-ħsad huwa kbir, iżda l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu.”
Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu
Salm Responsorjali (Salm 96)
R/. Morru fid-dinja kollha u xandru l-Bxara t-Tajba
Għannu lill-Mulej għanja ġdida;
għannu lill-Mulej fl-art kollha;
għannu lill-Mulej, bierku Ismu;
Ħabbru minn jum għal ieħor is-salvazzjoni tiegħu. R/.
Xandru fost il-ġnus is-sebħ tiegħu,
fost il-popli kollha l-għeġubijiet tiegħu.
Agħtu lill-Mulej, familji tal-popli
agħtu lill-Mulej sebħ u qawwa;
agħtu lill-Mulej, is-sebħ ta’ Ismu. R/.
Ġibulu l-offerti, u idħlu fil-btieħi tat-tempju tiegħu;
inxteħtu quddiem il-Mulej b’tiżjin qaddis;
triegħdu quddiemu, nies kollha tal-art;
Għidu fost il-ġnus; “Il-Mulej isaltan”
Hu jżomm sħiħa d-dinja biex qatt ma titħarrek;
hu jiġġudika ‘l popli bis-sewwa. R/.
Ħa jifirħu s-smewwiet u tithenna l-art,
ħa jħabbat il-baħar u kull ma fih,
ħa jifraħ ir-raba’ u kull ma fih,
u jgħannu bil-ferħ is-siġar kollha tal-bosk
quddiem il-Mulej, għax ġej,
għax ġej, biex jagħmel ħaqq mill-art.
Hu jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja,
u mill-popli bis-sewwa Tiegħu. R/.
Mument ta’ Skiet
Kant: Waslet is-Siegħa
Jien se nagħtikom kmandament ġdid;
Li tħobbu ‘l Alla u lil xulxin.
Minn dan jagħarfukom
Li lkoll intom tiegħi
Jekk tħobbu ‘l-aħwa kif ħabbejtkom jien.
Waslet is-siegħa, Missier Qaddis,
Biex Int issebbaħ lill-Iben Tiegħek,
Għax din hi l-ħajja,
Li jagħarfu lkoll lilek,
Biex dawk li tajtni jgħixu lkoll miegħek.
Missier Qaddis, ħarishom f’Ismek
Dawk l’Inti tajtni nitlob għalihom.
Kif int bgħatt lili,
Hekk jien nibgħat lilhom
Għax jien ħabbejthom kif ħabbejtni Int.
U għal dawk kollha li jemmnu fija,
Kif Inti fija u Jiena fik,
Hekk huma jkunu
Ħaġa waħda fina
Biex il-ferħ tagħhom ma jispiċċa qatt.
Riflessjoni:
Fuq il-Missjoni:
Min-natura tagħha nnfisha l-Knisja f’din id-dinja hija Missjunarja; kif il-Missier bagħat lil Ġesu’ hekk Ġesu’ bagħat lill-Knisja fid-dinja kollha biex ixxandar l-Isem tiegħu lill-Popli kollha. Il-mandat: “Morru fid-dinja kollha u agħmlu dixxpli mill-ġnus kollha u għammduhom fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu”… dan il-mandat għadu jgħodd għall-Knisja tallum.
Il-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II fil-messaġġ għall-Ġurnata Missjunarja (1986) ikellimna fuq l-importanza kbira li bħala nsara għandna d-dmir li nwasslu bil-kelma u bl-eżempju lil Ġesu’ lil ħutna l-bnedmin. Dan huwa dmir mhux biss tas-saċerdoti imma ta’ kull nisrani. Il-Papa jkompli jgħid li “llum naraw l-impenn biex inxandru, nixhdu u naqdu l-Evanġelju qed isir aktar urġenti; qed jinħass aktar il-bżonn li ngħinu lill-Missjunarji, kemm jekk saċerdoti, kemm jekk persuni kkonsagrati lil Alla fid-dinja, kemm jekk volontiera lajċi. L-istess Papa jsemmi b’enfasi l-importanza tat-talb għall-ħidma Missjunarja. Għalhekk kif aħna ninsabu quddiem Ġesu’ Ewkaristija, ejjew nitolbu għall-bżonnijiet tal-Missjunarji li jaħdmu barra minn pajjiżna u nitolbuh sabiex nifhmu aħjar x’għandu jkun is-sehem tagħna fix-xandir tal-Evanġelju. Il-Papa juri ħtieġa li niżżuħajr lill-Mulej għaliex ħafna minn uliedu, familji nsara, wieġbu għall-għanjiet tal-Ġurnata Missjunarja b’eżempji mill-isbaħ ta’ mħabba universali u disinteressata. Huma taw xhieda ta’ dan billi offrew ħafna sagrifiċċji u talb għall-Missjunarji u xi drabi billi qasmu direttament magħhom fit-tbatijiet appostoliċi tagħhom. Bl-istess mod Ġesu’ qiegħed jibgħat lilna biex inxandruh fost dawk li niltaqgħu magħhom fil-ħajja tagħna, u l-esperjenza li għandna ta’ Ġesu’ ma nistgħux inżommuha għalina, għandna l-obbligu li naqsmuha mal-oħrajn.
Kant: Quddiemek Hawn Miġbura
Quddiemek hawn miġbura,
Flimkien, Ġesu nqimuk.
Arana lkoll madwarek:
Int taf kemm inħobbuk.
Rit./ Ħallina nibqgħu miegħek
Ħa ntuk kull ħajr u ġieħ.
Int l-hena, d-dawl it-tama,
Il-għaxqa u l-mistrieħ. (x2)
Int ridt li tibqa’ magħna
Biex dejjem insibuk;
O x’ferħ inħossu f’qalbna
Kull meta nirċevuk.
R./ Ħallina nibqgħu miegħek…
Iġbidna lejk x’ħin niġu
Quddiemek f’dan is-skiet;
Biex nilqgħu ġo sidirna
Ilkoll ħobż is-smewwiet.
R./ Ħallina nibqgħu miegħek…
Nitkellmu ma’ Ġesu’
O Ġesu’ preżenti fis-Sagrament tal-Imħabba, aħna nadurawk, u nerfgħu lejk it-talb umli tagħna. Mulej ikollok ħniena mill-poplu tiegħek. Anke llum ħafna bnedmin huma mitlufa bħal nagħaġ mingħajr ragħaj. Anke llum il-ħsad huwa bosta imma l-ħassada ftit. Nitolbuk Mulej ibgħat ħafna ħaddiema fil-qasam tiegħek. Ibgħat ħafna ħabbara li jxandru l-bxara t-tajba tas-salvazzjoni u b’hekk ikomplu l-opra Tiegħek tal-Fidwa. Iżra’ fil-qlub ta’ tant żgħażagħ ix-xewqa li jiddedikaw ħajjithom kollha kemm hi fit-tixrid tal-Vanġelu f’artna u fl-art tal-Missjoni għas-salvazzjoni ta’ ħutna l-bnedmin. Mulej Ġesu’ li mitt fuq is-salib biex issalva lill-bnedmin u tajt lill-knisja tiegħek il-kmand li xxandar l-Evanġelju lill-ġnus kollha ara kif parti kbira mill-umanita’ għadha ma tafekx, għadha ma temminx fik. Inti li Int l-uniku Salvatur tad-dinja. Nitolbuk li tqajjem fil-Knisja tiegħek iż-żelu għas-salvazzjoni tal-erwieħ u li tqanqal tant qlub ġenerużi biex joffru l-ħajja tagħhom fil-kamp tal-Missjoni. O Ġesu’ Saċerdot Etern kabbar fil-Knisja Tiegħek in-numru tal-Missjunarji u iffurmahom skont id-disinji tal-Qalb Tiegħek Santissma. Asal O Ġesu’ għand l-infidili permezz tal-Missjunarji Tiegħek; biddilhom fik; agħmilhom strumenti tal-Ħniena, u agħmel li huma jwettqu bil-qawwa tal-Ispirtu Tiegħek l-opri li Inti stess wettaqt għas-salvazzjoni tad-dinja, Inti li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Hekk ikun.
Invokazzjonijiet
Wara kull invokazzjoni ngħidu: Grazzi Mulej, għaliex inti tisma’ t-talba tagħna.
1. Ieqaf Mulej mal-Knisja tiegħek u ilqa’ t-talb li qiegħda tagħmillek biex il-Bxara t-tajba tas-salvazzjoni tinxtered mal-art kollha u tagħti frott kullimkien. Nitolbu
2. Spirtu Qaddis, ixħet id-dawl tal-għerf tiegħek fuq l-Missjunarji kollha tad-dinja; agħmel li, mimlijin bil-ħeġġa qaddisa li jwasslu lil Ġesu’ lil ħuthom, huma jirnexxilhom iwettqu r-rieda tiegħek f’ħajjithom. Nitolbu
3. Mulej, nitolbuk, sabiex iktar żgħażagħ ġenerużi, bl-għajnuna ta’ Marija Santissma, iwieġbu bil-qalb għas-sejħa li qed tagħmlilhom sabiex iwasslu l-Kelma u s-Sagramenti tiegħek lil ħuthom il-bnedmin barra minn art twelidhom. Nitolbu
4. Nitolbuk, Mulej, sabiex il-Maltin tal-Gżejjer tagħna iħossu dejjem iżjed is-sens Missjunarju tal-Knisja billi jitolbu, jagħmlu sagrifiċċji u jgħinu lill-Knisja barra minn Malta. Nitolbu
5. Missier Qaddis, nitolbuk sabiex aktar lajċi, bl-għajnuna tal-Opri Missjunarji Pontifiċji, jifhmu aktar is-sens ta’ Knisja Universali u jkunu lesti li joffru xi żmien minn ħajjithom f’servizz ta’ mħabba għal ħuthom il-bnedmin. Nitolbu
6. Għall-Missjunarji Maltin li qed jgħinu l-Knisja barra minn pajjiżna sabiex bl-eżempju tagħhom iqanqlu aktar żgħażagħ biex iwieġbu għas-sejħa Tiegħek. Nitolbu
7. Nitolbu għall-Missjunarji mejtin; agħtihom sehem, Mulej, fil-Liturġija tiegħek tas-sema. Nitolbu
Talba tal-Aħħar
O Ġesu’, li ħlaqtna għalik u tridna lkoll insalvaw, Inti li sejjaħt lill-Appostli biex ikunu sajjieda tal-bnedmin. Sejjaħ issa żgħażagħ imħeġġa biex jiġu warajk u jkunu ministri tiegħek. Agħtihom dak il-għatx li kellek Int għall-fidwa tal-bnedmin kollha, li minħabba fihom jiġġedded kuljum is-sagrifiċċju tiegħek fuq l-altar.
Mulej Ġesu’, dejjem lest biex tidħol għalina, għallimna naħsbu fid-dinja kollha, fejn ħafna minn ħutna jitolbu fis-skiet għad-dawl tas-sema u għan-nar tal-imħabba, u hekk ħafna żgħażagħ iwieġbu għas-sejħa tiegħek biex ikomplu l-missjoni tiegħek, jibnu l-Ġisem Mistiku tiegħek, il-Knisja, u jsiru l-melħ tal-art u d-dawl tad-dinja. Sejjaħ ukoll, Mulej, ħafna xebbiet safja, mimlijin ħeġġa u qlubija, biex tikber fihom ix-xewqa tal-perfezzjoni nisranija ħalli jingħataw għall-qadi tal-Knisja u ta’ dawk kollha li jinħtieġu l-għajnuna u l-imħabba tagħhom. Hekk ikun.
Kant tal-Għeluq: Lil Alla bil-ferħ inkantaw
Lil Alla bil-ferħ inkantaw;
Għanja ta’ radd il-ħajr ngħannu lill-Mulej.
Ħa nersqu quddiemu bil-ferħ u t-tama f’qalbna;
Ħa ngħannu għanja ġdida lil Sid is-sema u l-art.
Rit./ Lil Alla bil-ferħ inkantaw…
Jifirħu l-muntanji, jifirħu s-siġar kollha
Jifirħu l-art u s-sema bil-kobor tal-Mulej.
Rit./ Lil Alla bil-ferħ inkantaw…
Isebbħu lil Ismu l-għasafar tal-għelieqi;
Lil Ismu jsebbħu l-kwiekeb u l-fjuri tal-widien.
Rit./ Lil Alla bil-ferħ inkantaw…
Ħa ngħannu fuq l-arpa is-sebħ tal-qawwa tiegħu;
Ħa nfaħħru l-kobor t’Alla mal-kant tal-innijiet.
Rit./ Lil Alla bil-ferħ inkantaw…
Fid-dlam imexxina, fil-mergħa jieħu ħsiebna;
Jekk leħnu jidwi fostna llum nilqgħuh bil-ferħ.
Rit./ Lil Alla bil-ferħ inkantaw…
Għax hu Alla tagħna u aħna l-poplu tiegħu;
Imbierek min ifaħħar il-kobor tal-Mulej.
Tingħata l-Barka Sagramentali