🌻 Il-Kelma tal-Missier: ‘Dan hu Ibni… isimgħu lilU’. Għaliex minn fost tant ilħna u messaġġi li għandna madwarna, għandna nisimgħu lil Ġesu’? Għax hu d-DAWL (manifestat fil-ġrajja tat-Trasfigurazzjoni) …
- dawl fid-dlam ta’ ħajjitna,
- dawl fil-mumenti iebsa li ngħaddu minnhom,
- dawl fil-mumenti ta’ qtiegħ ta’ qalb u dwejjaq,
- dawl li jdawwal il-ħsibijiet tagħna biex nagħrfu nagħmlu l-aħjar għażliet f’ħajjitna.
🌻 Jekk inħallu dan id-Dawl jidħol f’ħajjitna billi bħal Pietru, Ġakbu u Ġwanni ninqatgħu mill-istorbju tal-ħajja ta’ madwarna u f’post ta’ skiet (bħas-skiet tal-muntanja Sinaj) nisimgħu lil Kristu fit-talb, dan id-Dawl iwassalna għall-FERĦ SPIRITWALI (li esperjenza Pietru)
- ferħ veru li ma jgħaddix bħal kull ħaġa li hawn fid-dinja,
- ferħ li jwasslek tintebaħ li Alla ħalqek għax ħabbek u għandu pjan ta’ mħabba għalik,
- ferħ li l-Iben t’Alla nnifsu miet għalik fuq is-Salib biex lilek jaħfirlek dnubietek u jwasslek il-Ġenna,
- ferħ li anki jekk fil-ħajja preżenti tgħaddi mill-iebes, taf li hemm Alla li qed jieħu ħsiebek bħal Ragħaj (ara Salm 23) li għax ma jitilqek qatt, lanqas wied mudlam ma jbeżżek.
- ferħ li dan ir-Ragħaj qed imexxik (anki jekk fid-dlam u n-nuqqas ta’ ċertezza) lejn il-Ġenna (id-destinazzjoni tan-nisrani)
🌻 Fil-Ġenna dan il-ferħ ma jkun qatt imtebba’ bid-dwejjaq li għadhom inisslu fina ċ-ċirkustanzi iebsin tal-ħajja f’din l-art.