298. Riflessjoni fuq Luqa 7: 1-10

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 7: 1-10

6a00d8345310da69e2022ad3c16126200b-600wi

L-Evanġelju skont San Luqa 7: 1-10

[Lq:7:1] F’dak iż-żmien, meta Ġesu’ spiċċa jgħid lin-nies kull ma kellu jgħidilhom, daħal Kafarnahum.

[Lq:7:2] U jkun hemm ċenturjun li kellu qaddej għażiż ħafna għalih, li kien marid u wasal fl-aħħar.

[Lq:7:3] Iċ-ċenturjun sama’ b’Ġesù u bagħatlu xi wħud mix-xjuħ tal-Lhud biex jitolbuh jiġi jfejjaqlu l-qaddej.

[Lq:7:4] Dawk marru quddiem Ġesù u bdew jitolbuh b’ħerqa kbira u jgħidulu: “Jixraqlu li tagħmillu dan,

[Lq:7:5] għax hu jgħożż il-ġens tagħna, u kien hu li bnielna s-sinagoga.”

[Lq:7:6] Ġesù mar magħhom, u ma kienx ‘il bogħod wisq mid-dar meta ċ-ċenturjun bagħat jgħidlu ma’ xi ħbieb: “Sinjur, toqgħodx tinqala’, għax jien ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi;

[Lq:7:7] għalhekk ħassejt li anqas kien jistħoqqli niġi nsibek jiena stess. Imma int ordna b’kelma, u l-qaddej tiegħi jfiq.

[Lq:7:8] Għax jien ukoll bniedem taħt is-setgħa ta’ ħaddieħor, u jiena stess għandi suldati taħt il-kmand tiegħi; lil wieħed ngħidlu, ‘Mur,’ u jmur; lil ieħor ngħidlu, ‘Ejja,’ u jiġi; u lill-qaddej ngħidlu, ‘Agħmel dan,’ u jagħmlu.”

[Lq:7:9] Ġesù baqa’ mistagħġeb bih meta sama’ dan; dar lejn in-nies li kienu miexja warajh u qalilhom: “Ngħidilkom li anqas f’Iżrael ma sibt fidi bħal din!”

[Lq:7:10] Meta mbagħad dawk li kienu mibgħuta reġgħu lura d-dar, sabu l-qaddej qawwi u sħiħ.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Fi żmien Ġesu’, il-Lhud kien jobgħodu lir-Rumani għax dawn jirrapreżenntaw dak kollu li kien kuntrarju għalihom inkluż id-dominazzjoni barranija u t-twemmin u l-pratiċi pagani. Għaliex mela Ġesu’ mhux biss laqa’ tajjeb lil dan iċ-ċenturjun imma wkoll faħħru u żammu b’mudell ta’ fidi u fiduċja f’Alla?

Fid-dinja Rumana, il-pożizzjoni ta’ Ċenturjun kienet importanti ħafna. Kien uffiċjal responsabbli minn mitt suldat. F’ċertu sens kien is-sinsla tal-armata Rumana, is-siment li kien iżomm l-armata flimkien. Iċ-ċenturjun li resaq lejn Ġesu’ ma kienx biss kuraġġuż kif kienet titlob il-pożizzjoni tiegħu, imma kien ukoll mimli bil-fidi. Hu rriskja ż-żeblieħ ta’ sħabu billi mar ifittex l-għajnuna minn għand għalliem mill-Galilija, kif ukoll inkejja minn naħa tal-Lhud. Madanakollu hu resaq lejn Ġesu’ bil-kunfidenza u bl-umilta’. Kien bniedem straordinarju għax kien iħobb lill-iskjav tiegħu.

Fid-dinja Rumana, l-iskjavi kienu trattati bħal annimali aktar milli bħala bnedmin. Iċ-ċenturjun kien ukoll bniedem straordinarju ta’ fidi kbira. Hu ried lil Ġesu’ jfejjaq lill-qaddej għażiż tiegħu. Ġesu’ jfaħħru għall-fidi tiegħu u minnufih ifejjaqlu l-qaddej kif xtaq.

Ħsieb għal Qalbek …

Inti lest li ssofri ż-żeblieħ tal-oħrajn fil-prattika tal-fidi tiegħek?

U meta jkollok bżonn l-għajnuna, tersaq lejn il-Mulej Ġesu’ bil-fidi li jistenna minna?

Itlob …

Mulej tas-sema, inti bgħatt lil Ibnek biex aħna nistgħu nkunu meħlusa mit-tirannija tad-dnub u l-mewt. Kabbar il-fidi tiegħi fil-qawwa ta’ Kelmtek li ssalvani u agħtini l-liberta’ li nħobb u nservi lill-oħrajn b’ġenerożita’ u ħniena kif ħabbejtni int. Ammen.