Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 19: 27-29
L-Evanġelju skont San Mattew 19: 27-29
[Mt:19:27] Mbagħad qabeż Pietru u qallu: “Tajjeb! Aħna ħallejna kollox u ġejna warajk; issa x’se jmissna?”
[Mt:19:28] Ġesù qalilhom: “Tassew ngħidilkom, intom li ġejtu warajja, fid-dinja l-ġdida, meta Bin il-bniedem joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu, intom ukoll toqogħdu fuq tnax-il tron u tagħmlu ħaqq mit-tnax-il tribù ta’ Iżrael.
[Mt:19:29] U kull min iħalli ‘l daru jew ‘il ħutu jew ‘il missieru jew ‘l ommu jew ‘l uliedu jew ir-raba’ tiegħu minħabba f’ismi, jerġa’ jirċievi kollox għal mitt darba aktar, u jieħu b’sehmu l-ħajja ta’ dejjem.
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
Ġesu’ kien tassew kontra r-rikkezzi?
L-Iskrittura tpoġġilna paradoss. Dak li nżommu għalina nitilfuh u dak li nagħtu jkunilna ta’ qliegħ. Alla jaf iħallas aktar milli nistennew tal-ġenerożita’ tagħna, kemm f’din il-ħajja kif ukoll għall-eternita’. Dan insibuh kemm fil-ktieb tal-Proverbji kapitlu 3 vers minn 9 sa 10 kif ukoll fil-Vanġelu ta’ San Luqa kapitlu 6 vers 38.
Ġesu’ joffrilna teżor imprezzabbli li ma tista’ tikkomparah ma xejn. La flus ma jistgħu jixtruh u lanqas il-ħallelin ma jistgħu jisirquh. Infatti, aħna mitluba ninvestu u norbtu qalbna għal dan l-aqwa teżor. Il-ġid materjali jista’ jorbotna ma’ din id-dinja sakemm aħna ma nżommux l-għassa fuq qalbna u npoġġu t-teżor tagħna f’Alla u fis-Saltna tiegħu li ma tintemm qatt.
Ħsieb għal Qalbek …
U qalbek ma’ xiex inhi marbuta? X’inhu t-teżor tiegħek? F’liema teżor qiegħed tinvesti u fejn jinsab fuq din l-art jew fis-sema? Se ssibu miegħek meta ttemm din il-ħajja fuq din l-art? Jew se tispiċċa b’idejk vojta għall-eternita’?
Itlob …
Mulej int sraqtilna qalbna bi mħabbtek u ftaħtilna quddiemna t-teżori tal-ġenna, aħallimni kif inżomm lilek biss bħala t-teżor u l-għaxqa tiegħi u tħalli l-ebda ħaġa oħra żżommni milli nagħtik kull ma għandi. Ammen.