Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Ġwanni 5: 1-3, 5-16
L-Evanġelju skont San Ġwann 5: 1-3. 5-16
[Ġw:5:1] F’dak iż-żmien, il-Lhud kellhom festa, u Ġesù tela’ Ġerusalemm.
[Ġw:5:2] F’Ġerusalemm, maġenb il-menqgħa tal-Bieb tan-Nagħaġ, hemm bini b’ħames loġoġ, li bil-Lhudi jgħidulu Betzata.
[Ġw:5:3] F’dawn il-loġoġ kienet toqgħod kotra ta’ morda, għomja, zopop u mifluġin.
[Ġw:5:5] U kien hemm raġel li kien ilu tmienja u tletin sena marid.
[Ġw:5:6] Ġesù rah qiegħed hemm, u meta sar jaf li kien ilu marid dak iż-żmien kollu qallu: “Trid tfiq?”
[Ġw:5:7] “Sinjur,” wieġbu l-marid,”ma għandix min jitfagħni fil-menqgħa xħin jitqanqal l-ilma, għax waqt li nkun sejjer jien ħaddieħor jinżel qabli.”
[Ġw:5:8] Qallu Ġesù: “Qum, aqbad friexek u imxi!”
[Ġw:5:9] Minnufih dak ir-raġel fieq, qabad friexu u beda miexi.
[Ġw:5:10] Għalhekk il-Lhud qalu lil dak li kien fieq: “Is-Sibt illum, u ma jiswiex iġġorr friexek!”
[Ġw:5:11] Iżda hu weġibhom: “Dak li fejjaqni qalli, ‘Aqbad friexek u imxi.'”
[Ġw:5:12] Huma staqsewh: “Min hu dan il-bniedem li qallek, ‘Aqbad u imxi’?”
[Ġw:5:13] Iżda l-imfejjaq ma kienx jaf min kien, għax Ġesù laħaq warrab billi hemmhekk kien hemm ħafna nies.
[Ġw:5:14] Wara mbagħad Ġesù sabu fit-tempju u qallu: “Ara, issa fiqt, qis li ma tidnibx iżjed, biex ma tiġrilikx xi ħaġa agħar.”
[Ġw:5:15] Ir-raġel telaq u mar għand il-Lhud jagħtihom l-aħbar li kien Ġesù li fejjqu.
[Ġw:5:16] Għalhekk il-Lhud ħraxu għal Ġesù, għax f’jum is-Sibt kien jagħmel ħwejjeġ bħal dawn.
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
Hemm xi ħaġa li żżommok lura mill-qawwa tal-Mulej li tfejjaq u mill-grazzja tiegħu li tibdlek?
Fl-għadira ta’ Betzata naraw li l-individwu ma setax jgħin lilu nnifsu. Ġie megħjun minn Alla nnifsu li interviena bil-ħniena u l-qawwa tiegħu. F’din l-okkażjoni Ġesu’ jitfa’ l-attenzjoni tiegħu fuq l-individwu li ma setax ifieq bla għajnuna u bla tama għal erbgħin sena. Hu jqajjem fih it-tama meta jpoġġielu l-mistoqsija: ‘Trid tfieq?’ imbagħad jordnalu biex iqum u jimxi. Alla ma jisforzaniex idejna kontra r-rieda tagħna.
Ħsieb għal Qalbek …
L-ewwel pass essenzjali biex wieħed jikber u jfieq hi x-xewqa għall-bidla. Jekk aħna kuntenti li nibqgħu fejn aħna l-ebda bidla għall-ġid mhu se sseħħ. Il-Mulej jimmanifesta l-qawwa u l-grazzja tiegħu li ssalva lejn dawk li jixtiequ t-trasformazzjoni tal-ħajja fi Kristu. Il-Mulej javviċina lil kull wieħed u lil kull waħda minna bl-istess mistoqsija:
‘Trid tassew tinbidel u tara bidla għall-aħjar f’ħajtek?’
‘Trid tkun meħlus mill-qawwa tad-dnub u tiġi ttrasformat fil-qdusija tiegħi?’
U inti x’kont twieġeb?
Itlob …
Mulej poġġi f’qalbi xewqa taħraq li nkun mibdul u trasformat fil-qdusija tiegħek.
Ħelwa Marija għallimni biex bħalek jiena ninfetaħ b’mod komplet għall-ħidma tal-Ispirtu s-Santu f’ħajti u ma nħalli xejn li jżommni lura milli nirċievi l-fejqan f’ruħi li dejjem neħtieġ. Ammen.