174. Riflessjoni fuq Mattew 21: 28-32

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 21: 28-32

slide_1

L-Evanġelju skont San Mattew 21: 28-32

[Mt:21:28] Fdak iż-żmien Ġesu qal: “Intom x’jidhrilkom? Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied. Resaq fuq il-kbir u qallu, ‘Ibni, illum mur aħdem l-għalqa tad-dwieli.’

[Mt:21:29] U dak qallu, ‘Ma rridx.’ Iżda mbagħad biddel il-fehma u mar.

[Mt:21:30] Resaq fuq l-ieħor u qallu l-istess. ‘Arani sejjer, sidi,’ qallu dan, u ma mar xejn.

[Mt:21:31] Min minnhom it-tnejn għamel kif ried il-missier?””L-ewwel wieħed,” weġbuh. U qalilhom Ġesù: “Tassew, ngħidilkom, li l-pubblikani u n-nisa tat-triq deħlin qabilkom fis-Saltna ta’ Alla.

[Mt:21:32] Għax Ġwanni ġie għandkom miexi fit-triq tal-ġustizzja, u intom ma emmintuhx iżda l-pubblikani u n-nisa tat-triq emmnuh; u għalkemm intom rajtu dan kollu, bqajtu sa l-aħħar ma biddiltux il-fehma tagħkom, u ma emmintuhx.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Għal liema tip ta’ futur qiegħed tipprepara?

Ġesu’ jinkoraġġina biex aħna naħsbu, biex naħsbu dwar il-konsegwenzi tal-għażliet tagħna, speċjalment dawk l-għażliet u d-deċiżjonijiet li se jaffetwaw mhux biss din il-ħajja, imma l-eternita’ li għad tiġi.

Id-deċiżjonijiet li aħna nagħmlu se jaffetwaw u se joħolqu l-futur tagħna. Kemm il-futur f’din id-dinja, kif ukoll il-ħajja taż-żmien li ġej. Ġesu’ jgħidilna storja sempliċi ta’ żewġ ulied li kienu imperfetti biex jurina t-triqat tas-Saltna t’Alla. Il-Missier kien jipprovdi kollox għal uliedu, l-ikel, post fejn joqgħodu u kulma kellhom bżonn. Kulma l-missier kellu kien tagħhom ukoll. Il-missier kien ukoll iħallashom tajjeb tal-ħidma li kienu jwettqu fil-għalqa tad-dwieli tiegħu. Kulma stenna minnhom kien li juru gratitudni, lealta’ u unur għal dak li kien jagħmel għalihom permezz tal-ħidma tagħhom. L-iben li kien ribelluż qal lil missieru f’wiċċu li hu ma riedx jagħmel dan ix-xogħol imma wara biddel ħsiebu u mar jagħmel dak li kien ikmandah missieru.

Ħsieb għal Qalbek …

L-iben l-ieħor li kien jidher li kien l-iben it-tajjeb, qal lil missieru li kien se jagħmel dan ix-xogħol iżda mbagħad ma għamlu xejn. Għażel li jogħġob lilu nnifsu milli jwettaq ir-rieda tal-missier. Issa min hu tassew l-iben it-tajjeb? It-tnejn m’obdewx lil missierhom imma wieħed iddispjaċieh imbagħad wettaq dak li xtaq il-missier u l-ieħor deher minn barra li kien tajjeb, imma fir-realta’ ma wettaqx dak li ried minnu l-missier. Għalhekk l-intenzjonijiet tajba mhumiex biżżejjed. Dak li jwiegħed xi ħaġa u mbagħad ma jwettaqhiex, ma jiswielu xejn quddiem Alla.

Alla jixtieq li qalbna tinbidel mill-qiegħ u li aħna nixhdu mhux biss bil-kliem u bl-intenzjoni, iżda bl-għemil ir-rispett li għandna lejn Alla. Alla joffrilna teżori kbar: il-paċi, il-ferħ u l-ħajja tiegħu. Hu jistedinna biex ningħaqdu fis-Saltna miegħu minn issa u għal dejjem fl-eternita’. Iżda aħna nistgħu nitilfu dan it-teżor billi nirrifjutaw il-grazzja t’Alla li hu joffrilna kontinwament – il-grazzja li aħna nimxu u ngħixu fil-verita’ u s-sewwa tiegħu.

U int għandek rispett għal Alla tas-Sema, għal Missierek, u twettaq ir-rieda tiegħu fil-ħajja tiegħek?

Itlob …

Mulej Ġesu’, biddel lil qalbi ħalli l-unika xewqa tiegħi tkun dik li nogħġob lilek.

Għażiża Marija, omm ħelwa tiegħi fik inpoġġi t-tama tiegħi. Nitolbok biex inti tgħinni bit-talb qawwi tiegħek ħalli nuri rispett lejn ir-rieda t’Alla, ħalli jkolli l-qawwa, il-ferħ u l-perseveranza biex inwettaq il-missjoni li l-Mulej irid minni b’qalb kbira  u sal-aħħar. Ammen.