Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 18: 21-35
L-Evanġelju skont San Mattew 18: 21-35
[Mt:18:21] F’dak iż-żmien, Pietru resaq lejn Ġesu u qallu: “Mulej, xi kemm-il darba jrid jonqosni ħija biex jiena naħfirlu? Sa seba’ darbiet?”
[Mt:18:22] “Ma ngħidlikx sa seba’ darbiet?” wieġbu Ġesù,”imma sa sebgħa u sebgħin darba.
[Mt:18:23] Għalhekk is-Saltna tas-Smewwiet nistgħu nxebbhuha ma’ wieħed sultan, li ried jagħmel il-kontijiet mal-qaddejja tiegħu.
[Mt:18:24] Kif beda jagħmel dan, ħadulu quddiemu wieħed li kellu jagħtih għaxart elef talent.
[Mt:18:25] Billi ma kellux minn fejn iroddhomlu, is-sinjur ordna li jinbiegħu hu, martu, uliedu u kull ma kellu, ħalli b’hekk jitħallas id-dejn.
[Mt:18:26] Imma l-qaddej inxteħet quddiemu jitolbu u jgħidlu, ‘Sinjur, stabar ftit bija; kollox inroddlok.’
[Mt:18:27] Is-sinjur ġietu ħasra minn dak il-qaddej, bagħtu u ħafirlu dejnu.
[Mt:18:28] Mela dak il-qaddej joħroġ, u jiltaqa’ ma’ wieħed minn sħabu, li kellu jagħtih mitt dinar; qabdu minn għonqu u beda jagħfsu. ‘Ħallas dejnek,’ qallu.
[Mt:18:29] Il-qaddej sieħbu nxteħet quddiemu jitolbu bil-ħniena u jgħidlu, ‘Stabar ftit bija u nroddlok.’
[Mt:18:30] Imma dak ma riedx jaf, mar u xeħtu l-ħabs sa ma jrodd kull ma kellu jagħtih.
[Mt:18:31] Sħabu l-qaddejja raw il-ġrajja kollha u sewwdu qalbhom ħafna; marru għand is-sinjur tagħhom u tarrfulu kull ma kien ġara.
[Mt:18:32] Mbagħad is-sinjur bagħat għalih u qallu, ‘Ja qaddej ħażin, meta jiena ħfirtlek dak id-dejn kollu wara li tlabtni bil-ħniena,
[Mt:18:33] ma kienx imissek int ukoll tħenn għal sieħbek kif ħennejt jien għalik?’
[Mt:18:34] U saħan bl-aħrax is-sinjur għalih, u tah f’idejn min jaħqru sa ma jrodd kull ma kellu jagħti.
[Mt:18:35] Hekk jagħmel lilkom Missieri li hu fis-Smewwiet jekk ma taħfrux lil xulxin minn qalbkom.”
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
Il-ħniena u l-ġustizzja kif imorru flimkien?
Il-profeta Għamos fit-Testment il-Qadim jitkellem fuq il-maħfra t’Alla għad-dnubiet sa tlett darbiet, imma jwissi li Alla seta’ ma jżommx lura l-kastig fir-raba’ darba. Meta Pietru jpoġġi l-mistoqsija dwar il-maħfra hu karateristikament joffri tweġiba li ħaseb li lil Ġesu’ kienet se togħġbu. “Għax ma naħfirx sebgħa darbiet.” Ir-risposta ta’ Ġesu’ li Pietru ma ħasibx li se jirċievi kienet li wieħed għandu jaħfer sebgħin darba aktar.
B’din it-tip hi tweġiba Ġesu’ ried ifisser li ma jeżistix xi qies, għax m’hemmx limitu għalkemm-il darba wieħed għandu jaħfer. Fil-parabbola li jirrakkonta Ġesu’ mbagħad isemmi żewġ tipi ta’ dejn. Is-sultan mxebbaħ m’Alla nnifsu ħafer lilna d-dejn kbir tad-dnub. Aħna wkoll għandna naħfru l-persuni li nqasuna b’għemilhom u mhux nagħmlu bħall-qaddej tal-parabbola.
Ħsieb għal Qalbek …
Ġesu’ jgħallimna li rridu naħfru biex niġu maħfura. Infatti fit-talba tal-Missierna li Ġesu’ nnifsu għallimna ngħidu: “Aħfrilna dnubietna bħalma aħna naħfru lil min hu ħati għalina.”
Jekk irridu li Alla juri ħniena magħna, aħna wkoll bħalu għandna nkunu lesti li naħfru lill-oħrajn. Qatt ħsibt xi tkun qed tgħid lil Alla, inti u tgħidlu fil-Missierna: “Aħfirli bħalma jiena naħfer?”
Tħossok komdu u moħħok mistrieħ li Alla qed jaħfrilek bl-istess mod kif inti taħfer lil min nqasek?
Itlob …
Mulej, Int kont ħanin u ħfirtli dnubieti kollha u nsejt il-weġgħat li kkważajtlek, agħtini l-grazzja u l-qawwa filwaqt li jiena niddeċiedi li nkun ħanin kif Int ħanin miegħi. Eħlisni u fejjaqni anki bl-istess deċiżjoni li naħfer mill-qrusa u t-toqol tas-sofferenza li għaddejt minnha minħabba ħaddieħor ħalli nasal li ma nżomm xejn f’qalbi u lanqas nibqa’ niftakar jew inżomm fil-komma d-deni li sarli. Ħa nkun dejjem iżjed nixbah lilek f’kollox li tibqa’ turini mħabbtek u taħfirli kull darba li niżbalja. Grazzi ta’ dan Mulej. Ammen.