84. Riflessjoni fuq Luqa 24: 35-48

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 24: 35-48

upper-room

L-Evanġelju skont San Luqa 24: 35-48

[Lq:24:35] U huma wkoll tarrfulhom x’kien ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż.

[Lq:24:36] Kif kienu għadhom jitkellmu, Ġesù nnifsu waqaf f’nofshom u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”

[Lq:24:37] Huma twerwru bil-biża’ għax ħasbu li qegħdin jaraw xi fantażma.

[Lq:24:38] Iżda hu qalilhom: “Għaliex tħawwadtu? Għaliex dan it-tħassib kollu f’qalbkom?

[Lq:24:39] Araw idejja u riġlejja. Jiena hu! Missuni, u ifhmuha li l-ispirtu ma għandux laħam u għadam bħalma qegħdin taraw li għandi jien.”

[Lq:24:40] Huwa u jgħidilhom dan, uriehom idejh u riġlejh.

[Lq:24:41] Iżda billi huma, fil-ferħ tagħhom, kienu għadhom ma jridux jemmnu u baqgħu mistagħġba, qalilhom: “Għandkom xi ħaġa ta’ l-ikel hawn?”

[Lq:24:42] Huma ressqulu quddiemu biċċa ħuta mixwija,

[Lq:24:43] u hu ħadha u kielha quddiemhom.

[Lq:24:44] Mbagħad qalilhom: “Meta kont għadni magħkom għedtilkom dawn il-kelmiet, ‘Jeħtieġ li jseħħ kull ma nkiteb fuqi fil-Liġi ta’ Mosè, fil-Profeti u fis-Salmi.’ ”

[Lq:24:45] Mbagħad fetħilhom moħħhom biex jifhmu l-Iskrittura.

[Lq:24:46] U qalilhom: “Hekk kien miktub, li l-Messija jbati u fit-tielet jum iqum mill-imwiet,

[Lq:24:47] u li l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet tixxandar f’ismu lill-ġnus kollha, ibda minn Ġerusalemm.

[Lq:24:48] Intom xhud ta’ dan.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

L-ewwel li ra lil Ġesu’ imqajjem mill-mewt ma kienx Pietru jew wieħed mill-appostli, imma Marija ta’ Magdala u n-nisa li kienu baqgħu ma’ Ġesu’ sa ħdejn is-salib u li marru ħdejn il-qabar kmieni l-Ħadd biex jaqdu l-aħħar doveri tagħhom lejn il-ġisem mejjet. Sfortunatament għad-dixxipli m’emmnux dak li rrakkuntawlhom in-nisa dwar il-qamwien mill-mewt tal-Imgħallem. Ġesu’ kellu jċanfar lill-appostli minħabba n-nuqqas ta’ twemmin tagħhom u l-qalb li kienet iebsa biex taċċetta l-qawmien.

Inti bħall-appostli jew bħal Marija Madalena u n-nisa l-oħra? Iebes biex temmen jew tiġri ħafif lejn Ġesu’? Int tiddubita għaliex ma tarax?

Il-Mulej jagħmel lilu nnifsu preżenti għalina bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Hu jagħtina d-don tal-fidi biex aħna nagħrfuh personalment u biex nifhmu l-misteru tal-mewt u l-qawmien tiegħu.

Inti temmen f’Kelmtu u tfittex li tisimgħu jkellmek? Temmen fil-preżenza tiegħu fl-Ewkaristija? Temmen li hu jkun jistenniek fit-Tabernakli siket?

It-tluq u l-assenzjoni ta’ Ġesu’ lejn is-sema kienet kemm tmiem kif ukoll il-bidu għad-dixxipli tiegħu. Filwaqt li kienet tmiem tal-preżenza fiżika ta’ Ġesu’ mall-għeżież dixxipli tiegħu, immarkat il-bidu tal-preżenza ta’ Ġesu’ magħhom b’mod ġdid. Ġesu’ wegħedhom li kien se jibqa’ magħhom dejjem sal-aħħar taż-żmien. Issa bħala l-Mulej u s-Salvatur imqajjem mill-mewt u igglorifikat, tela’ u qiegħed in-naħa tal-lemin tal-Missier fis-sema. Ġesu’ wiegħed li jibgħatilhom l-Ispirtu s-Santu li kien se jikkonsagrahom bil-qawwa tiegħu fil-festa ta’ Pentekoste, l-istess bħalma Ġesu’ kien ikkonsagrat għall-ministeru tiegħu fix-xmara Ġordan.

Meta l-Mulej Ġesu’ telaq b’mod fiżiku minn mall-appostli ma ħallihomx imnikktin jew iddisprati, anzi huma kienu mimlija bil-ferħ u b’anteċipazzjoni kbira għall-miġja tal-Ispirtu s-Santu.

Ħsieb għal Qalbek …

L-aħħar kliem ta’ Ġesu’ lill-appostli jipponta lejn il-missjoni tas-Salvazzjoni tiegħu u lejn il-missjoni tagħhom li jkunu xhieda tal-mewt u l-qawmien tiegħu li bihom salvana u jxandru l-aħbar it-tajba tas-Salvazzjoni lid-dinja kollha. Il-ħidma tagħhom hi li jxandru l-aħbar it-tajba tas-Salvazzjoni mhux biss lill-poplu t’Iżrael imma lin-nazzjonijiet kollha. L-imħabba t’Alla u d-don tas-Salvazzjoni mhijix biss għal ftit minn nies jew għan-nazzjon wieħed biss imma hi għan-nies tad-dinja kollha u ta’ kull żmien. Hi għal dawk kollha li jaċċettawha.

L-Evanġelju hu l-qawwa t’Alla, il-qawwa li taħfer id-dnubiet, li tfejjaq, li teħles mill-ħażen u l-oppressjoni u li ġġedded il-ħajja.

Inti temmen fil-qawwa tal-Evanġelju?

Ġesu’ m’afdax ix-xandir tal-Evanġelju u s-Sagramenti tal-fejqan u l-liberazzjoni f’idejn il-knisja permezz tas-saċerdoti biss, imma fdah ukoll lil kull min kien se jemmen. Ġesu’ mqajjem mill-mewt jagħti din il-kariga kbira lil kull membru fil-knisja. Kull min jemmen għandu sehem min din il-ħidma glorjuża li jkun messaġġier tal-bxara t-tajba u ambaxxatur għal Kristu, l-uniku Salvatur tad-dinja.

Aħna ma tħallejniex waħedna f’din il-biċċa xogħol għax il-Mulej innifsu jaħdem fina u permezz tagħna bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Illum aħna nesperjenzaw Pentekoste ġdid filwaqt li l-Mulej iferra’ l-Ispirtu fuq il-poplu tiegħu l-Knisja biex iġġeddidha, isaħħaħha bħala l-Ġisem tiegħu u biex jibniha ħalli taqdi ministeru effettiv u missjoni madwar id-dinja kollha.

U inti tagħti xhieda quddiem l-oħrajn tal-ferħ tal-Evanġelju u tat-tama tal-qawmien għall-ħajja?

Itlob …

Mulej Ġesu’ permezz tad-don tal-Ispirtu s-Santu, int timliena bi spirtu ta’ tifħir u ta’ ferħ li ebda prova ta’ din id-dinja ma jeħdulu postu. Imliena bil-ferħ tal-qamwien u għinna ngħixu ħajja ta’ tifħir u ta’ radd il-ħajr lejk u għall-glorja tiegħek.

Għażiża Marija, Omm il-Knisja, itlob magħna għall-miġja tal-Ispirtu s-Santu li ġġedded il-Knisja, tfejjaqha, issaħħaħha u tibqa’ tibgħatha biex kull wieħed u waħda minna nkunu tassew xhieda quddiem kulħadd bla distinzjoni tal-Evanġelju afdat lilna minn Ġesu’ Ibnek. Ammen.