Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mark 8: 27-35
L-Evanġelju skont San Mark 8: 27-35
[Mk:8:27] Fdak iż-żmien, telaq Ġesù flimkien mad-dixxipli tiegħu lejn l-irħula ta’ Ċesarija ta’ Filippu. Huma u mexjin, lid-dixxipli tiegħu għamlilhom din il-mistoqsija: “Min jgħidu n-nies li jien?”
[Mk:8:28] Weġbuh u qalulu: “Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, wieħed mill-profeti.”
[Mk:8:29] “Imma intom?” staqsiehom,”intom min tgħidu li jien?” Qabeż Pietru u qallu: “Inti l-Messija.”
[Mk:8:30] Mbagħad ordnalhom ħafna biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuqu.
[Mk:8:31] U beda jgħallimhom fuq li kien meħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, ikun miċħud mill-anzjani u mill-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u wara tlitt ijiem jerġa’ jqum.
[Mk:8:32] Fuq dan kellimhom ċar. Pietru ġibdu lejh u beda jlumu.
[Mk:8:33] Iżda hu dar iħares lejn id-dixxipli tiegħu, u ċanfar lil Pietru u qallu: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan, għax m’intix taħseb fil-ħwejjeġ ta’ Alla, imma f’dawk tal-bnedmin!”
[Mk:8:34] Sejjaħ lejh in-nies flimkien mad-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja.
[Mk:8:35] Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi u tal-Evanġelju, isalvaha.
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
Min hu Ġesu’ għalik?
F’ħin opportun Ġesu’ ġġarrab lid-dixxipli tiegħu bil-mistoqsija kruċjali. ‘Min jgħidu n-nies li jien u min tgħidu intom li jien?’ Ġesu’ kien kkunsidrat mill-maġġoranza tal-poplu f’Iżrael bħala bniedem kbir t’Alla, anke kkumparat mal-akbar fost il-profeti: Ġwanni l-Battista, Elija u oħrajn. Pietru stqarr li Ġesu’ kien il-Messija. L-ebda bniedem ma setgħa jirrevela dan lil Pietru kien biss Alla nnifsu. Kien l-ewwel dixxiplu li għaraf lil Ġesu’ bħala l-Midluk, il-Messija u ‘l Kristu. U f’San Mattew kapitlu 16 vers 16 insibu li qallu wkoll li hu l-Iben uniku t’Alla.
Ħsieb għal Qalbek …
Madanakollu l-fidi ta’ Pietru tgħaddi minn prova, meta Ġesu’ jispjega l-bżonn għall-Messija li jbati u jmut sabiex il-ħidma tas-Salvazzjoni t’Alla titwettaq. Kif inħasdu d-dixxipli meta semgħu dan il-kliem. Kemm huma differenti l-ħsibijiet u t-triqat t’Alla minn dawk tagħna l-bnedmin. Permezz tal-umiljazzjoni, tas-sofferenza u tal-mewt fuq is-salib Ġesu’ kisser il-qawwa tad-dnub u tal-mewt u rebaħ għalina u għas-Salvazzjoni tagħna.
Il-Mulej jgħaddi wkoll lilna b’mod personali mill-prova bl-istess mistoqsija. ‘Int min tgħid li jien?’ U jekk se twieġbu li hu l-Mulej qed tħalli ikun il-Mulej iġifieri s-Sid ta’ kulma int tal-ħsibijiet, tax-xewqat u tal-azzjonijiet tiegħek? Inti taħseb kif jaħseb Alla jew toqgħod fuq li taħseb int li jista’ jkun żbaljat?
Itlob …
Mulej Ġesu’ jiena nistqarr u nemmen li Inti l-Messija, l-Iben t’Alla l-Ħaj. Inti l-Mulej u s-Salvatur tiegħi. Agħmel li l-fidi tiegħi tkun qawwija bħal dik ta’ Pietru u agħtini li nitkellem u nixhed għalik bil-kuraġġ kollu quddiem l-oħrajn ħalli huma wkoll jaslu biex jagħrfu lilek b’mod personali bħala l-Mulej u s-Salvatur u jikbru fl-għarfien tal-imħabba tiegħek.
Għażiża ommi Marija, għenni biex bħalek jiena nħalli l-Kelma t’Alla titnissel fija ħalli hu jkun iċ-ċentru ta’ dak li naħseb, ngħid u nagħmel. Ammen.