139. Riflessjoni fuq Mattew 18: 15-20

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 18: 15-20

forgiveness

L-Evanġelju skont San Mattew 18: 15-20

[Mt:18:15] “Jekk ħuk jaqa’ f’xi dnub, mur sibu waħdu u widdbu. Jekk jisma’ minnek, tkun irbaħt lura lil ħuk.

[Mt:18:16] Jekk ma jismax, erġa’ mur u ħu miegħek wieħed jew tnejn oħra, biex kull ma jingħad jissaħħaħ bil-kelma ta’ żewġ xhieda jew tlieta.

[Mt:18:17] Jekk imbagħad anqas minnhom ma jkun irid jisma’, mur għid lill-knisja. U jekk anqas mill-knisja ma jkun irid jisma’ żommu b’wieħed pagan u pubblikan.

[Mt:18:18] Tassew ngħidilkom, li kull ma torbtu fuq l-art ikun marbut fis-sema, u kull ma tħollu fuq l-art ikun maħlul fis-sema.

[Mt:18:19] Ngħidilkom ukoll li jekk tnejn minnkom fuq l-art jgħollu leħinhom flimkien biex jitolbu xi ħaġa, Missieri li hu fis-smewwiet, jagħtihielhom.

[Mt:18:20] Għax fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm inkun jien f’nofshom.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Wieħed hu u jisma’ dan il-qari tallum għandu mnejn jiftakar f’eżempju ieħor li tana l-Mulej li juri l-mod kif iridna nfittxu l-midneb u nagħmlu minn kollox biex nippruvaw nirbħuh lura lejn is-sewwa qed nirreferi għall-istorja tar-Ragħaj it-tajjeb li jmur ifittex u ma jieqafx sa ma’ jsib  jirritorna n-nagħġa li kienet intilfitlu fil-kenn tal-kumpalment tal-merħla.

Interessanti li wieħed jinnota li Ġesu’ wara li jirrakkonta l-istorja tar-Ragħaj it-tajjeb jistqarr li issa r-Ragħaj huwa hu nnifsu li jagħti l-istess ħajtu biex ikun għamel minn kollox biex ebda waħda min-nagħaġ ma tintiliflu. Ġesu’ lilna d-dixxipli tiegħu tant iħobbna u tant ridt jafdana li l-missjoni li beda hu jiġifieri dik li jreġġa’ lura n-nagħaġ mitlufa lejn is-sewwa. Dik li jreġġa’ l-qalb tal-ulied lejn Missierhom tas-sema fdaha f’idejna lkoll. Aħna ħaddiema flimkien miegħu biex nagħmlu dan l-istess xogħol. Din l-istess missjoni qaddisa li ġiet fdatha f’idejn l-Iben Qaddis t’Alla.

L-ewwel pass li Ġesu’ jitlobna nagħmlu fil-Vanġelu tallum hu li navviċinaw lil ħutna jew oħtna wiċċ imb’wiċċ b’mod dirett imma privatament. Jekk din ma tbiddel xejn fil-persuna li qiegħda fl-iżball, it-tieni pass li Ġesu’ jsemmi hu li nieħdu magħna persuna jew tnejn. Xi ħadd li hu għaref, għaqli u li jista’ jgħin fis-sitwazzjoni ta’ ħuna jew oħtna, aktar milli xi ħadd li malajr jitlagħlu jew li jiġġudika. L-iskop hu li wieħed jgħin biex il-persuna li żbaljat tara l-iżball fid-dawl tal-verita’ u tindem minnu. Jekk lanqas dan ma jaħdem lanqas ma għandna naqtgħu qalbna, imma nfittxu l-għajnuna tal-komunita’ Nisranija bit-tama li dawn jitolbu u jfittxu soluzzjoni bbażata fuq l-imħabba u t-tgħallim Nisrani, aktar milli jużaw il-forza jew it-theddid t’azzjoni legali.

Fl-aħħar nett jekk lanqas din ma tirnexxi. Ġesu’ x’jgħidilna nagħmlu? Ġesu’ jidher li qed jgħidilna li għandna nabbandunaw lil min jibqa’ jwebbes rasu u nwarrbuh minna. Imma fl-aġir ta’ Ġesu’ nafu li hu lil dawk li kienu kkunsidrati bħala mniġġsa bħal per eżempju l-pubblikani, il-midinbin u n-nisa tat-triq ma warrabhomx u kien jinteressa ruħu fihom u javviċinahom daqs li kieku kien l-akbar ħabib tagħhom.

Ħsieb għal Qalbek …

Ġesu’ qatt ma jasal li jirrifjuta lil xi ħadd li hu lest jirċievi l-maħfra, il-fejqan u jerġa’ jibda ħajja ġdida. U inti b’liema mod qed taqdi l-istess missjoni li ngħatat qabel kulħadd lill-Iben t’Alla?

B’liema mod timpenja lilek innifsek biex bi mħabba Nisranija twiddeb lil ħutek li qegħdin fl-iżball biex dawn jekk jintilfu ma jkunux ta’ piż għalik, għax tkun stajt ftaħtilhom għajnejhom u għażilt li ma tagħmel xejn?

Meta tkun ippruvajt kważi minn kollox tibqa’ titlob, issum u toffri sagrifiċċji lill-Mulej biex dan jew dawk il-persuni fl-iżball tibqa’ tingħatalhom l-għajnuna t’Alla biex forsi jerġgħu lura għas-sewwa?

Itlob …

Mulej agħllimni strument tal-imħabba u l-paċi tiegħek. Agħtini l-għerf u l-kuraġġ biex inwassal din l-istess imħabba u verita’ li ġejt twasslina inti lil dawk kollha li jinsabu fil-mewt spiritwali minħabba li jinsabu fid-dnub. Għenni biex bħalma Inti tajt ħajtek għal dan l-istess għan u sirt bniedem u batejt sal-mewt tas-salib jien ukoll nasal nagħti ħajti biex inwettaq din l-istess missjoni miegħek. Grazzi O Salvatur tal-bnedmin. Ammen.