245. Riflessjoni fuq Mattew 2: 13-18

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 2: 13-18

flight-into-egypt-720x480

L-Evanġelju skont San Mattew 2: 13-18

[Mt:2:13] Meta telqu l-maġi, deher anġlu tal-Mulej f”ħolma lil Ġużeppi u qallu: “Qum, ħu miegħek lit-tifel u ‘l ommu, u aħrab lejn l-Eġittu. Ibqa’ hemm sa ma ngħidlek jien, għax Erodi se jfittex lit-tifel biex joqtlu.”

[Mt:2:14] Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u ‘l ommu billejl u telaq lejn l-Eġittu,

[Mt:2:15] u baqa’ hemmhekk sal-mewt ta’ Erodi, biex hekk iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal, “Mill-Eġittu sejjaħt lil ibni.”

[Mt:2:16] Erodi mbagħad, meta ra li l-maġi kienu daħku bih, nkorla bis-sħiħ, u bagħat joqtol f’Betlehem u fl-inħawi kollha tagħha lit-tfal subjien kollha ta’ minn sentejn ‘l isfel, skond iż-żmien li sar jaf mingħand il-maġi.

[Mt:2:17] Mbagħad seħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Ġeremija, meta qal,

[Mt:2:18] ‘F’Rama nstama’ leħen, biki u lfiq kbir: Rakel tibki lil uliedha ma tridx min ifarraġha għax ma għadhomx iżjed.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Min jista’ jispjega s-sofferenza speċjalment is-sofferenza tat-tfal innoċenti?

Il-massakru li Erodi għamel minn tfal li taw ħajjithom għal Persuna u għall-Verita’ li huma ma kienux jafu, jidher bħala inġust u bla użu. Xi skandlu u x’ostaklu għal dawk li ma jagħrfux l-imħabba redentiva’ t’Alla.

Għaliex Alla ma waqqafx dan il-massakru?

Is-sofferenza hija tassew misteru. L-ebda spjegazzjoni ma tidher li tista’ tissodisfa l-bżonn uman tagħna li nifhmu.

Xi jrid jgħidilna San Pawl Appostlu meta qal dan il-kliem: ‘Aħna nafu li f’kollox Alla jaħdem id f’id għall-ġid ta’ dawk li jħobbuh u ta’ dawk li huma msejħa skont il-providenza tiegħu.’ Minn Rumani kapitlu 8 vers 28.

Dawn it-tfal innoċenti u l-ġenituri tagħhom sofrew għal Kristu.

Ħsieb għal Qalbek …

Is-sofferenza, il-persekuzzjoni u l-martirju huma dak li jaffaċċjaw dawk li għażlu li jimxu wara l-Mulej. M’hemm l-ebda kuruna glorjuża mingħajr is-salib. Kien propju permezz tas-sofferenza, l-umiljazzjoni u l-mewt ta’ Ġesu’ fuq is-salib li s-Salvazzjoni tagħna seħħet tassew. Il-mewt tiegħu rebħitilna l-ħajja. Il-ħajja eterna għalina lkoll. Id-demm tiegħu li hu xerred għalina ġabilna l-maħfra u għaqqadna m’Alla l-Missier.

Is-sofferenza tieħu diversi forom: mard, diżabilita’ fiżika jew mentali, uġigħ, trawmiet emozzjonali, xi ħadd li jabbuża minn ħaddieħor, faqar, inġustizzji. Ġesu’ jispjega li dawk li jibku, dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa huma mberkin – f’Mattew kapitlu 5 versi minn 10 sa 12. Il-kelma mberkin ‘makarjus’ bil-grieg tfisser letteralment imberkin jew henjin. Tiddeskrievi ferħ u serenita’ ta’ dawk illi jafdaw f’Alla. Dawk li huma mimlija b’Alla għalhekk ma jonqoshom xejn għax għandhom lilu. Dan il-ferħ ma jiddependix miċ-ċirkustanzi li spiss jinbidlu fil-ħajja tagħna. Ġesu’ qal: ‘Jien ġejt biex intikom il-ħajja u l-ħajja bil-kotra, u l-ferħ tagħkom ikun sħiħ.’

U inti għaraft dan il-ferħ tal-ħajja li joffrilna l-Mulej aktar ma nintelqu f’idejh b’fiduċja u b’fidi sħiħa?

Itlob …

Mulej Ġesu’, inti tajt ħajtek għalina biex tifdina mill-iskjavitu’ tad-dnub u tal-mewt. Għinni nġorr is-salib tiegħi bil-ferħ u b’rieda sħiħa li naħdem dejjem għall-glorja tiegħek.

Għażiża Marija, kun int il-qawwa tiegħi f’mumenti ta’ prova u ta’ qtiegħ il-qalb u agħmel li jien qatt ma naqta’ qalbi jew nerġa’ lura milli nkompli mixja wara Ġesu’ b’determinazzjoni sal-aħħar bl-istess mod kif għamilt inti sa taħt is-salib t’Ibnek. Ammen.