Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mark 10: 46-52
L-Evanġelju skont San Mark 10: 46-52
[Mk:10:46] F’dak iż-żmien, waqt li Ġesu u d-dixxipli tiegħu kienu ħerġin minn Ġeriko ma’ kotra kbira ta’ nies, kien hemm wieħed tallab agħma, jismu Bartimew, bin Timew, bilqiegħda mal-ġenb tat-triq.
[Mk:10:47] Dan, meta sama’ li kien Ġesù ta’ Nazaret, qabad jgħajjat u jgħid: “Ġesù, bin David, ikollok ħniena minni!”
[Mk:10:48] Kien hemm ħafna li bdew jgħajjtu miegħu biex jiskot imma hu aktar beda jgħajjat: “Bin David, ikollok ħniena minni!”
[Mk:10:49] Ġesù waqaf u qal: “Sejjħulu.” Huma sejjħu l-agħma u qalulu: “Agħmel il-qalb! Qum, qiegħed isejjaħlek.”
[Mk:10:50] Dak tajjar il-mantar minn fuqu, qabeż fuq riġlejh u mar ħdejn Ġesù.
[Mk:10:51] U Ġesù kellmu u qallu: “Xi tridni nagħmillek?””Li nerġa’ nara, Rabbuni!” wieġbu l-agħma.
[Mk:10:52] “Mur,” qallu Ġesù,”il-fidi tiegħek fejjqitek.” U minnufih raġa’ beda jara, u baqa’ miexi warajh fit-triq.
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
Ġesu’ jpoġġi mistoqsija lit-tallab agħma. ‘Xi tridni nagħmillek?’
Ġesu’ ried jgħaddih minn prova biex iħeġġeġ il-ħerqa u l-fiduċja tiegħu fil-qawwa tiegħu. Il-fidi tiegħu kibret hekk kif huwa wieġeb għall-Kelma ta’ Ġesu’ bit-tama u l-kunfidenza. Ġesu’ tah lura d-dawl kemm dak fiżiku kif ukoll dak spiritwali għar-realta’ tas-Saltna tiegħu.
Il-fidi tiftħilna triq biex naraw il-qawwa tas-Saltna t’Alla u biex f’ħajjitna nesperjenzaw il-preżenza tiegħu li tfejjaqna. Il-kelma ‘ħniena’ letteralment tfisser ‘sobgħa mill-qalb’, imma l-ħniena hi aktar milli wieħed iħoss jew jisgħobbih għall-qada ħażina li jkun fiha ħaddieħor. Il-ħniena tmur ‘l hinn mis-sobgħa li tneħħi s-sofferenza. Persuna ħanina taqsam fil-qagħda mwiergħa u sofferenti ta’ ħaddieħor daqs li kieku kienet tagħha stess.
F’Ġesu’ naraw il-milja tal-ħniena t’Alla u l-qawwa tas-Saltna tiegħu. Qawwa li ssalva mill-mewt u mid-distruzzjoni li taħfer id-dnubiet u li tgħolli t-toqol tal-ħtija u li tfejjaq in-nuqqas ta’ saħħa u teħles lill-oppressi. Ġesu’ qatt ma jirrifjuta li jġib il-ħniena t’Alla lil dawk li l-aktar ifittxuha bil-ħerqa.
Ħsieb għal Qalbek …
Kif nistgħu nfittxu u naqilgħu l-ħniena t’Alla?
Alla jagħti ħniena lil dawk ta’ qalb umli – dawk li jagħrfu l-bżonn tagħhom t’Alla u l-ħniena tiegħu kif ukoll tal-qawwa tal-fejqan. Il-fidi hi don li Alla jagħtina bla ħlas biex tgħinna nagħrfu lil Alla b’mod personali biex nifhmu l-verita’ tiegħu u biex ngħixu fil-qawwa ta’ mħabbtu. Biex il-fidi tkun effettiva trid tkun magħquda mal-fiduċja u l-ubbidjenza, sottomissjoni attiva lejn Alla u rieda soda li tagħmel dak kollu li hu jikkmanda.
Int tagħraf il-bżonn għal Alla? Għal grazzja tiegħu li tfejqek? U tfittex lil Ġesu’ bl-istess mod kif fittxu t-tallab agħma bil-persistenza tal-fidi u b’fiduċja fit-tjieba u l-ħniena tiegħu?
Itlob …
Mulej, għinni nersaq lejk b’kunfidenza u fiduċja fil-qawwa u l-ħniena tiegħek li ssalvani.
Għażiża Marija, Omm tal-ħniena; itlob għalija biex nħalli lil Ibnek jeħlisni mid-dubji u n-nuqqas ta’ twemmin ħalli nersaq lejh b’kunfidenza u nitlob b’insistenza u bil-fidi li jrid jara fija. Għinni Ma biex miegħek b’mod speċjali bit-talba tar-Rużarju, it-talba li fiha nimmeditaw il-misteri tal-Vanġelu, nitlob biex is-Saltna t’Alla sseħħ f’ħajti, f’ta’ madwari u anke biex nintrabat dejjem mar-rieda mqaddsa tiegħu, bl-istess mod kif għamilt inti. Grazzi Ma. Grazzi Ġesu’. Ammen.