Offerta tal-Ġurnata
O Ġesu’, Saċerdot Etern, ilqa’ nitolbuk t-talb, is-sagrifiċċji, l-opri u l-intenzjonijiet tajba tagħna.
Għaqqadhom ma’ dawk tas-saċerdoti kollha tad-dinja biex minna, minnhom u minnek issir ostja waħda, ostja ħajja ta’ tpattija u ta’ glorja lill-Maesta’ Divina tiegħek u ta’ għajnuna u komfort lis-saċerdoti tiegħek fil-qadi tal-ministeru tagħhom fost il-bnedmin. Ammen.
Offerta u Invokazzjoni ta’ għajnuna għas-Saċerdoti
Alla u Missier tagħna, bi tweġiba għall-Kelma t’Ibnek fil-Ġnien taż-Żebbuġ, ‘Ishru u itolbu miegħi,’ nitolbuk taċċettana bħala dawk li jgħinu lis-saċerdoti tiegħek, li għall-ġid tagħhom, noffrulek lilna nfusna, u kull jum li ngħixu b’sagrifiċċju ta’ mħabba. B’din l-istess ħeġġa li għandna li nkunu ta’ għajnuna għas-saċerdoti, aħna (semmu l-ismijiet tagħkom), noffrulek, Missier, b’fiduċja sħiħa kull jum ta’ ħajjitna b’dak kollu li nagħmlu tajjeb bħala sagrifiċċju ta’ mħabba fqira u ttrasformaha f’Qalbek fl-inbid tal-Kalċi tal-qawwa. Umbagħad, Missier, ibgħat l-anġli tiegħek b’dan il-kalċi għand is-saċerdoti kollha! Ammen.
Talba għall-Kalċi tal-Qawwa
Alla u Missier tagħna tas-Sema, f’dak il-lejl fil-ġnien taż-Żebbuġ, Ibnek qal lil Pietru: ‘Taħseb li ma nistax nitlob lil Missieri, biex jibgħatli issa stess aktar minn tnax-il leġjun ta’ anġli jitqabdu għalija? (Mt.26:53) Missier, nitolbok issa: ibgħat dawn it-tnax-il leġjun ta’ anġli bil-kalċi tal-qawwa fil-Ġetsemani tal-Knisja Mqaddsa biex tiddefendi u tassisti lis-saċerdoti, li msaħħin bil-qawwa u l-preżenza ta’ dawn l-anġli, fedelment iwettqu l-missjonijiet saċerdotali tagħhom. Ammen.
Talba għas-Saċerdoti
O Alla Etern u ta’ Qawwa nfinita, ħares lejn il-wiċċ ta’ Ibnek u b’imħabba lejh, li hu s-Saċerdot Etern, ħenn għas-saċerdoti tiegħek. Ftakar, O Alla ta’ ħniena nfinita, li huma biss bnedmin dgħajfa u fraġli. Qanqal fihom il-grazzja tal-vokazzjoni tagħhom li qegħda fihom bit-tqegħid ta’ jdejn l-isqof fuqhom. Żommhom qrib tiegħek, biex il-għadu ma jkollux setgħa fuqhom, biex huma qatt ma jagħmlu xi ħaġa, lanqas żgħira li ma tixraqx lill-vokazzjoni sublimi tagħhom.
O Ġesu’, nitolbuk għas-saċerdoti lejali u ferventi tiegħek; għas-saċerdoti li ma baqgħux lejali lejk u birdu; għas-saċerdoti li jinsabu jwettqu ħidma f’pajjiżhom jew barra minn pajjiżhom fl-artijiet imbegħda tal-missjoni; għas-saċerdoti tiegħek li huma ttentati; għas-saċerdoti li qed iħossuhom waħedhom u mdejjqa; għas-saċerdoti ta’ eta’ żgħira; għas-saċerdoti li jinsabu qrib il-mewt; għall-erwieħ tas-saċerdoti tiegħek li jinsabu fil-purgatorju.
Fuq kollox, nirrikmandawlek is-saċerdoti għeżież għalina, is-saċerdoti li għammduna, is-saċerdoti li ħallewlna minn dnubietna, is-saċerdoti li assistejna quddies tagħhom u li offrewlna l-Ġisem u d-Demm tiegħek fit-Tqarbin Qaddis, is-saċerdoti li għallmuna u ggwidawna, u s-saċerdoti li b’xi mod aħna midjuna lejhom. O Ġesu’, żommhom ilkoll qrib ta’ Qalbek, u berikhom bl-abbundanza, fiż-żmien ta’ issa u fl-eternita’. Ammen.
Kardinal Cushing
Talb qasir għas-Saċerdoti
v Ġesu’, Salvatur tad-dinja, qaddes lis-saċerdoti u lis-seminaristi.
v Marija, Sultana tas-Saċerdoti, itlob għalina; agħtina ħafna saċerdoti qaddisin.
v Ġesu’, Salvatur tad-dinja, qaddes lis-saċerdoti u l-ministri qaddisa tiegħek.
v Mulej Alla tagħna, biex issaltan fuq il-poplu tiegħek int ridt tingħaqad mal-ministeru tas-saċerdoti. Agħtihom il-grazzja li jaċċettaw ir-rieda qaddisa tiegħek biex, fil-ministeru u l-ħajja tagħhom, huma jfittxu biss il-glorja tiegħek. Nitolbu dan permezz tal-Mulej Ġesu’ Kristu, li jgħix u jsaltan miegħek u mal-Ispirtu s-Santu, Alla wieħed, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
v Alla, agħtina saċerdoti qaddisin biex jiċċelebraw is-Sagrifiċċju tas-Salvazzjoni, biex jagħtu lill-midinbin il-konsolazzjoni tal-maħfra u l-erwieħ bil-għatx il-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesu’ Kristu. Ammen.
v Mulej, agħtina ħafna saċerdoti qaddisin.
v Agħtina saċerdoti qaddisin biex ifarrġu lil dawk li qed ibatu, biex ifakkruna li aħna lkoll aħwa ta’ xulxin, biex ibierku d-djar tagħna, il-ħidma tagħna, l-għelieqi tagħna biex is-Saltna tiegħek tinfirex u tilħaq lill-erwieħ kollha.
v Qalb Qaddisa ta’ Ġesu’, agħti lill-Knisja tiegħek ħafna saċerdoti qaddisin. Sultana tal-Appostli, itlob għalina.
Talba għall-Qdusija tas-Saċerdoti
Mulej u Alla, Re tas-sema u l-art,
Inti fdajt f’idejn is-saċerdoti
l-aktar teżor sagru fil-ħolqien kollu,
biex iġġib preżenti bil-qawwa Tiegħek
il-konsagrazzjoni Ewkaristika.
Ibgħat saċerdoti qaddisin għall-poplu tiegħek,
ħalli jkunu ta’ sapport għalihom f’mumenti ta’ periklu,
ħalli jkunu bħal aħwa għalihom fi bżonnijiethom,
ħalli jġorru Lilek bil-kliem, bl-azzjoni u bil-verita’
fil-ħajja ta’ kuljum u fil-qlub tal-bnedmin.
Agħmel li qalbhom, moħħhom u jdejhom
ikunu safja, vera u umli!
Agħmel li jilbsu il-bixra ta’ Wiċċek u s-sofferenzi kollha li sofrejt Int għall-ġid tal-poplu tiegħek.
Agħmel li jkunu fidili Lejk, Mulej u Alla,
lejn il-Knisja u lejn id-doveri tagħhom sal-aħħar nifs. Ammen.