Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mark 4: 35-41
L-Evanġelju skont San Mark 4, 35-41
[Mk:4:35] F’dak iż-żmien, x’ħin sar filgħaxija, Ġesu qal lid-dixxipli tiegħu: “Ejjew naqsmu għax-xatt l-ieħor.”
[Mk:4:36] Ħallew in-nies, u ħaduh magħhom kif kien fid-dgħajsa; u marru miegħu dgħajjes oħra.
[Mk:4:37] U qam riefnu kbir, u l-mewġ beda tiela’ għal ġod-dgħajsa, hekk li kienet ġa bdiet timtela bl-ilma.
[Mk:4:38] Hu kien fil-poppa, rieqed fuq imħadda. Qajjmuh u qalulu: “Mgħallem, dan qisu m’hu xejn għalik li aħna se nintilfu?”
[Mk:4:39] Mbagħad qam, ordna lir-riħ u qal lill-baħar: “Iskot! Biżżejjed!” U r-riħ waqaf u waqgħet kalma kbira.
[Mk:4:40] U qalilhom: “Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?”
[Mk:4:41] U qabadhom biża’ kbir, u bdew jgħidu lil xulxin: “Dan min hu, mela, biex saħansitra r-riħ u l-baħar jisimgħu minnu?”
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
X’hemm aktar qawwi mill-biża’, anke mill-biża’ tal-mewt li titlef ħajtek?
L-Iskrittura tagħtina tweġiba. M’hemmx biża’ fl-imħabba, imma l-imħabba perfetta tkeċċi l-biża’ ‘l barra. (1Ġwanni kap 4 vers 18.) U fil-ktieb tal-Għanja tal-Għanjiet insibu l-imħabba aktar mill-mewt qawwija.
Il-preżenza ta’ Ġesu’ rieqed fit-tempesta u l-baħar imqalleb tirrivela l-fidi rieqda tad-dixxipli tiegħu. Huma beżgħu li se jitilfu ħajjithom minkejja li kellhom lill-Mulej u s-Sid magħhom fuq id-dgħajsa. Huma kienu reqdin għal Kristu filwaqt li huwa kien preżenti għalihom meta kellhom tant bżonnu.
Ħsieb għal Qalbek …
Il-Mulej dejjem preżenti għalina fil-ħajja tagħna u meta ngħaddu minn mumenti ta’ prova hu jistaqsina l-istess mistoqsija. ‘Għaliex qed tibżgħu, mela m’għandkomx fidi?’
Inti għaraftha l-preżenza tal-Mulej fik, b’mod speċjali meta tħabbat wiċċek mat-tempesti tal-kuntrarju, niket jew tentazzjoni?
Kull darba li nkunu mħabbta bit-tiġrib il-Mulej qiegħed hemm preżenti bl-istess messaġġ. ‘Jiena Hu, la tibżax!’
Itlob …
Mulej, agħmel li dejjem nagħraf il-preżenza tiegħek li tgħammar fija u f’mumenti ta’ tiġrib jew biża’ ħa nsib il-kuraġġ u l-qawwa biex naġixxi kif kieku taġixxi Inti.
Għinni u għallimni nserraħ fuqek f’kull ċirkustanza tal-ħajja tiegħi u li nafda fl-għajnuna tiegħek kemm fil-kuntrarju kemm ukoll fit-tiġrib. Ammen.