54. Riflessjoni fuq Luqa 2: 16-21

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 2: 16-21

26172197_559042251107530_6663105688752334125_o

L-Evanġelju skont San Luqa 2:16-21

[Lq:2:16] F’dak iż-żmien, ir-rgħajja marru jgħaġġlu, u sabu lil Marija u ‘l Ġużeppi, bit-tarbija mimduda f’maxtura.

[Lq:2:17] Kif raw dan, bdew jgħarrfu b’kull ma kien intqal lilhom dwar dik it-tarbija,

[Lq:2:18] u kull min semagħhom baqa’ mistagħġeb b’dak li qalulhom ir-rgħajja.

[Lq:2:19] Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha.

[Lq:2:20] Ir-rgħajja mbagħad reġgħu lura, isebbħu u jfaħħru lil Alla għal kull ma kienu raw u semgħu, kif l-anġlu kien qalilhom.

[Lq:2:21] Meta wasal it-tmien jum biex lit-tifel jagħmlulu ċ-ċirkonċiżjoni, semmewh Ġesù, bl-isem li kien tah l-anġlu qabel ma tnissel fil-ġuf.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Għaliex kellu l-Messija jitwieled f’kundizzjoni daqshekk miżera?

It-triqat t’Alla huma differenti mit-triqat tagħna. Hu li qiegħed fil-għoli jiċċekken tant u jingħaqad ma’ dawk li huma ċkejknin, ma’ dawk li huma xejn, ma’ dawk li jsofru inġustizzja, ma’ dawk li huma oppressi. Il-Mulej ma jinżilx minfuħ bih inifsu fil-majesta’ li kienet tixraq lil re, imma fl-umilta’ u fiċ-ċokon biex jurina t-triq perfetta tal-imħabba.

L-unika kamra għal Ġesu’ kienet is-salib li hu ġie biex isofri għal dnubietna. Fit-twelid fqir ta’ Ġesu’, aħna nilmħu s-sagrifiċċju kbir li Alla kellu jagħmel għalina meta tana lil Ibnu li b’rieda ħielsa ngħaqad mal-mewt tas-salib għalina u għas-salvazzjoni tagħna.

Marija u Ġużeppi kienu mir-rimja ta’ David, ir-re t’Israel. It-twelid ta’ Ġesu’ f’Betlehem kien twettiq tal-profezija li l-Messija kellu jkun mill-għerq ta’ David, minn nisel tiegħu u jitwieled fil-belt ta’ David li hija Betlehem. Din insibuha f’Iżaija Kap 9 versi minn 6 sa 7.

Ħsieb għal Qalbek …

Għaliex l-anġli ħabbru t-twelid ta’ dan ir-re ġdid t’Iżrael lir-rgħajja, aktar milli lill-poplu Lhudi jew inkella lill-mexxejja reliġjużi t’Iżrael? Alla jagħżel lil dawk li huma umli biex juri t-tjubija u l-imħabba tiegħu. Juri l-qawwa lil dawk li huma umli f’qalbhom u li huma lesti biex jirċevuh.

U fik il-Mulej isib dik il-ħeġġa li tilqgħu fil-qalb tiegħek u li toffrielu dar hemmhekk?

Itlob …

Mulej Alla tagħna, bit-twelid t’Ibnek il-glorja tiegħek iddiet fid-dinja. Filwaqt li aħna niċċelebraw din il-miġja tiegħek fostna, agħtina li aħna nduqu minn issa stess il-ferħ li Int ġejt biex tagħtina.

Għażiża Marija, aħna nafu li fit-tieni miġja t’Ibnek hu se jiġi u jeħodna miegħu fejn hu wegħdna li qiegħed iħejjilna post, agħtina li b’talbek aħna nkunu mħejjijin biex meta jiġi nilqgħuh minnufih bil-ferħ u jkun jistħoqqilna dak li wegħdna u dak li ġie biex jagħtina bil-mewt u l-qawmien tiegħu. Ammen.