X’nifhmu meta ngħidu li l-qawmien ta’ Ġesu’ fetħilna l-bieb tal-Ġenna u l-Bibbja kif tfisser il-Ġenna u l-Infern?

2

🌻 Ġesu’ nnifsu hu s-Saltna t’Alla u l-Ġenna. Min iqum mill-mewt iqum fiH. Mela Ġesu’ hu t-Triq, il-Bieb (id-dejjaq) u l-Post fejn noqogħdu (Ġenna). Dan insibuh fi kliemu stess meta qal, per eżempju:

  • “Jien Hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja, ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux bija.” (Ġwanni 14:6)
  • “Jien il-bieb tan-ngħaġ.” (Ġwanni 10:7)
  • “Sejjer inħejjilkom post fejn toqogħdu u meta mmur nerġa’ niġi biex neħodkom miegħi biex fejn inkun jien tkunu intom ukoll.” (Ġwanni 14:3)

🌻 Fit-Tieni Rakkont tal-ħolqien rajna kif ħajja sħiħa tfisser li l-erba’ relazzjonijiet fundamentali tal-bniedem ikunu sħaħ:

  • miegħu nnifsu,
  • ma’ Alla,
  • mal-oħrajn u
  • man-natura.

🌻 L-istat tal-Ġenna hu dawn l-erba’ relazzjonijiet mgħixa b’mod sħiħ, jiġifieri li fih innifsu min hu l-Ġenna:

  • jesperjenza ferħ perfett (Beatitudini),
  • isir parti minn Alla,
  • jagħraf u jħobb lill-oħrajn kollha bl-istess imħabba perfetta ta’ Alla u
  • għad jirċievi ġisem glorjuż f’ħolqien ġdid.

🌻 L-istat tal-Infern hu l-maqlub. Fih innifsu jesperjenza:

  • taħwid,
  • qsim,
  • kaos u
  • dwejjaq jaħarqu,
  • minn Alla jesperjenza firda sħiħa u kundanna,
  • mal-mitlufa l-oħra jesperjenza mibegħda totali u iżolament u
  • n-natura jesperjenzaha bħala nar (jew dud).

Għaliex essenzjali li nżommu kuntatt ma’ Alla u ngħixu skont it-tagħlim ta’ Ġesu’?

74

🌻 Fit-tagħlim tiegħu, Ġesu’ jgħidilna:

  • “Ishru u itolbu biex ma tidħlux fit-tiġrib” (Mattew 26, 41)
  • Fil-Missierna, Ġesu’ għallimna nitolbu: “Iddaħħalniex fit-tiġrib, iżda eħlisna mid-deni” li fi kliem ieħor, Ġesu’ jridna nitolbu ‘l Missierna tas-sema: “tħalliniex naqgħu fit-tiġrib, tħalliniex naqbdu t-triq li twassal għad-dnub.”

🌻 Jeħtieġ li nfittxu l-qawwa ta’ Alla u biex nagħmlu dan:

  • Irridu nkunu konvinti li “Alla hu fidil u ma jħallikomx tiġġarbu aktar milli tifilħu; jaħseb li mat-tiġrib jagħtikom il-qawwa u l-għajnuna biex tkunu tifilħu għalih” (1 Korintin 10, 13)
  • Għalhekk imiss lilna, li rċevejna l-qawwa speċjali u d-dawl tal-Ispirtu s-Santu fis-sagrament tal-Griżma, li nagħmlu kuntatt miegħu u nfittxuh, l-aktar meta nħossuna dgħajfa.

X’għandna nagħmlu aħna u minn fejn se nsibu l-qawwa li tgħinna nkunu tassew liberi u negħlbu t-tfixkil?

Presentation1

🌻 Jekk fil-ħajja tagħna jkollna bosta tentazzjonijiet, ma rridux naqtgħu qalbna. Jeħtieġ li nħarsu lejn Ġesù. Hu wkoll ġie ttentat, mhux darba u tnejn! Imma Ġesù kien kapaċi jegħleb dan it- tfixkil, u aħna rridu nagħmlu bħalu. Irridu nżommu lil Ġesu’ bħala l-mudell ta’ kif nirbħu t-tfixkil.

🌻 Fit-tentazzjonijiet li kellu, Ġesù jidher bħala l-bniedem ħieles li jegħleb kull tfixkil. Aktar ma nkunu nixbħu lil Ġesù fil-ħajja tagħna, aktar ikollna l-qawwa li nkunu nixbħuh ukoll waqt il-ħin tat-tentazzjoni. Bis-saħħa ta’ Ġesu’ u l-Ispirtu tiegħu, ma hemm l-ebda tentazzjoni, kbira kemm hi kbira, li ma nistgħux negħlbuha.

Nisrani kif għandu jieħu sehem fil-Quddiesa u għaliex il-Quddiesa hi meqjusa bħala l-aqwa talba?

70

🌻 In-nisrani:

  • Għandu jmur il-Quddiesa għax jixtieq jobdi u jħobb lil Ġesu’ u lill-Knisja tiegħu.
  • Għandu jindem minn dnubietu biex jagħmel tqarbina tajba.
  • Għandu jagħmel ħiltu biex jixrob il-Kelma.
  • Għandu tassew jitlob bil-qalb fil-waqtiet li jsir dan.
  • Għandu jitqarben bl-akbar fidi, tama u mħabba li hemm fih.
  • Għandu jrodd ħajr lil Alla.

🌻 Il-Quddiesa hi meqjusa bħala l-aqwa talba għaliex fi Ġwanni 4, insibu li Ġesu qal li l-Missier Alla jfittex lil dawk li jadurawh fl-Ispirtu u l-Verita’. Din hi l-adorazzjoni unika li jrid u jistenna l-Missier. Ġesu’ qalilna li hu din il-Verita u Hu biss jista’ jagħtina l-Ispirtu. Dan iseħħ bil-mod l-aktar qawwi fil-Quddiesa u bit-Tqarbin. Mela t-talba li l-aktar togħġob lil Alla l-Missier hi l-offerta ta’ Ġesu’ ssagrifikat għalina u mogħti lil Missier. Aħna nidħlu bis-sħiħ f’din l-offerta tal-Iben lill-Missier bit-talb u t-tqarbin u mbagħad billi ngħixu din l-offerta tul ħajjitna.

X’għandi nagħmel fil-prattika biex ngħix dejjem fil-Ferħ Spiritwali?

68

🌻 Fil-Prattika għandi:

  • Nidħol fil-preżenza t’Alla bil-fidi.
  • Il-fidi hi ftuħ – ftuħ tal-qalb tagħna quddiem Alla.
  • Dan il-ftuħ iwassalna biex nagħmlu ‘esperjenza ħajja’ ta’ Ġesu’ ‘ħaj’ f’ħajjitna.

🌻 Biex nagħraf il-veritajiet tal-fidi, irrid l-ewwel nagħmel att ta’ fiduċja f’Alla u nemmen f’MIN bagħat – IBNU L-GĦAŻIŻ. Jekk nemmen li Ġesu’ jħobbni u ġie biex isalvani, allura:

  1. ser nafdaH,
  2. ser nieħu pjaċir niltaqa’ miegħU fit-talb,
  3. se nfittxU sa ma nsibU,
  4. sa ma nisma’ leħnU,
  5. sa ma nħalliH imexxili ħajti
  6. sa ma jwassalni għall-Glorja tal-Ġenna.

X’għandu jagħmel kull nisrani u l-Knisja kif tidħol fir-rigward tal-kuxjenza?

65

🌻 Min hu nisrani ma jistax jgħid ili qed jibni l-kuxjenza tiegħu u fl-istess waqt iwarrab dak li qal u għallem Ġesu’.

🌻 Il-bniedem jista’ jagħti ‘opinjoni’ imma, l-kuxjenza mhix opinjoni ta’ individwu/i!

🌻 La l-kuxjenza hi t-tweġiba tagħna għal dak li qalilna Alla permezz ta’ Ġesu’, għandha tkun ibbażata biss fuq l-istess tagħlim ta’ Ġesu’.

🌻 Fir-rigward tal-kuxjenza, il-Knisja tidħol għaliex kienet hi li fil-bidu qaltilna li l-Kelma t’Alla hi dik li hi.

🌻 Kienet il-Knisja (jiġifieri l-komunita’ nisranija), li wara proċess twil, li għandu kriterji fissi, waslet biex b’dixxerniment u bl-għajnuna t’Alla tagħżel liema huma l-kotba ispirati u l-kotba li m’humiex fil-Bibbja.

🌻 Il-proċess biex għarfet li għandha żżomm is-72 Ktieb tal-Bibbja li nafu bihom illum, ħa ħafna żmien.

🌻 Għalhekk, ma nistgħux nifhmu l-Iskrittura b’mod ieħor ħlief bil-mod kif tgħallimna dwarha l-Knisja għax kienet l-istess Knisja li għarfet dak li hu ġej minn Alla u dak li mhux ġej minn Alla.

Għaliex ‘il-kuxjenza’ hija tema importanti għalina l-insara? Il-Knisja, fit-tagħlim tagħha, għaliex dejjem tkellimna fuqu?

64

🌻 La aħna l-insara nemmnu fl-eżistenza t’Alla u li Hu ħalaq lilna l-bnedmin, il-bniedem ma jgħix ħajtu maqtugħ mir-relazzjoni tiegħu m’Alla.

🌻 Alla ma ħalaqx id-dinja u umbagħad telaqha!

🌻 Alla nnifsu kkomunika mal-bniedem, b’mod speċjali permezz ta’ Ibnu Ġesu’.

🌻 Alla uriena x’inhi r-Rieda tiegħu għall-bniedem, li Hu għandu pjan għall-istess bniedem u l-ambjent li fih jgħix.

🌻 Alla għabba lill-bniedem bir-responsabbilta’ li jieħu ħsieb ta’ dak li fdalu bil-mod kif urieh Hu, permezz ta’ Kristu.

🌻 Il-kuxjenza hi r-risposta tal-bniedem lejn Alla, wara li ingħata t-taghlim li kellu bżonn mingħand Kristu u mingħand il-Knisja li waqqaf Kristu.

Hemm min jgħid: “Kristu, iva! Knisja, le!”. Xi ngħidu dwar dan?

11

🌻 Hemm min jaħseb biex jitlaq mill-Knisja, iżda jkun jrid jibqa’ jemmen fi Kristu. Dan ma jagħmilx sens għax kif tista’ trid lil Kristu u ma tridx dak li jgħid Hu?

🌻 Mela mhux vera tridu, għax kieku vera tridu trid dak li jrid Hu, u Ġesu jrid il-Knisja għax waqqafha Hu stess. Mela min jitlaq il-Knisja u jipprova jżomm lil Kristu, ikun qed jemmen f’xi Kristu kif jimmaġinah u jivvintah hu, u mhux il-vera Kristu.

Xi tfisser l-espressjoni li hemm fil-Missierna: “Tiġi Saltnatek”?

10

🌻 Is-Saltna t’Alla hija Ġesu’ nnifsu. Hekk kif Alla kien ħeles lil-Lhud minn taħt il-Fagħrun u għamilhom saltna għaliH, issa jeħles lill-bndemin kollha mid-dnub u jdaħħalhom fis-Saltna li ma tispiċċa qatt: Ġesu’ Kristu Sidna.

🌻 Meta nitolbu “Tiġi Saltnatek” qed nesprimu xewqa li Kristu jkun is-Sultan tagħna, li l-bndemin kollha jitwaħħdu fi Kristu u li Kristu jwassal din is-Saltna għall-milja tagħha fl-aħħar taż-żminijiet meta għad joffriha lesta lil Alla l-Missier.

🌻 It-Tmiem li timmira lejh il-Knisja huwa propju l-miġja ta’ din is-Saltna tal-Aħħar meta Kristu jagħlaq l-istorja u jerbaħ fuqha u jibda l-ħolqien il-ġdid.

X’inhi d-deċiżjoni fundamentali għall-Ġesu’?

9🌻 Mhux kull deċiżjoni għandha l-istess effetti fuq il-ħajja ta’ min jeħodha. Xi deċiżjonijiet jaffettwawna għal ftit, oħrajn aktar importanti jaffettwawna għal żmien twil jew għal ħajjitna kollha. Dik fundamentali taffettwana:

  • fuq id-deċiżjonijiet importanti ta’ ħajjitna kollha,
  • u fuq kif se nkunu fl-eternita’.

🌻 Mela, idejalment, din hi d-deċiżjoni li għandna niffurmaw tajjeb fiż-żmien taż-żgħożija biex tmexxina sewwa tul ħajjitna u twassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

🌻 Fil-fatt Alla jsejjaħlu “iblah” lil min ħajtu jaħliha f’dak li jispiċċa u ma jibqax għal dejjem.