Sentenzi fuq l-Ewkaristija Mqaddsa

Dokument sħiħ PDF jew WORD ta’ Riflessjonijiet u Talb li jistgħu jintużaw waqt Adorazzjoni Ewkaristika.

H_EUCHARISTIC-ADORATION

1. Min igħix ma’ Ġesu’ Ewkaristija u għal Ġesu’ Ewkaristija, isir Tabernaklu ħaj u pissidi prezzjuż. ~ S. G. Ejmard

2. Hemm bżonn li nagħtu kura kbira taż-żmien ta’ wara t-Tqarbin, għax huwa ż-żmien l-aktar prezzjuż li fih naqilgħu teżori ta’ grazzji. ~ P. Avila

3. Il-perfezzjoni kollha qiegħda filli ningħaqdu m’Alla, u m’hemmx mezz aqwa għall-għaqda m’Alla mit-Tqarbin Imqaddes. ~ San Alfons

4. L-Ewkaristija hija dik il-mediċina li żżommna li ma naqgħux fid-dnub il-mejjet, u teħlisna mid-dnub il-venjal. ~ Konċilju ta’ Trentu

5. Iż-żjara lil Ġesu’ Sagramentat qatt la tħalliha. Wara t-talb vokali tiegħek, oqgħod tkellem ma’ Ġesu’ preżenti tassew it-Tabernaklu, u għidlu bit-tħassib u s-slaleb tiegħek ta’ matul il-ġurnata. U Hu jimliek bid-dawl u l-qawwa li tinħtieġ għall-ħajja tiegħek ta’ nisrani. ~ Jose’ Maria Escriva’

6. Il-Quddiesa hija l-Bank tal-Knisja Mqaddsa fejn minnu jitħallsu d-djun, u jinqalgħu l-grazzji mingħand Alla. ~ San Filippu Neri

7. Mingħajr il-Quddiesa l-fidi tonqos, it-tama tibred, u l-imħabba tintefa’. ~ Ruperto

8. It-Tqarbin iġib dawn l-effetti fir-ruħ; itaffi x-xewqat ħżiena, jikkwieta t-tqanqil irregolari tal-membri li jiddominaw fuq l-ispirtu u jqawwiha bil-pieta’ u bid-devozzjoni. ~ San Ċirillu ta’ Lixandra

9. Il-ferħ li jħossu l-erwieħ f’dan is-Sagrament huwa tant kbir, illi jkun biżżejjed sabiex jaljenana minn kull pjaċir ieħor ta’ din l-art. ~ San Ċiprijanu

10. Għandna nersqu għat-Tqarbin Imqaddes billi nagħmlu atti ta’ fidi ħajja, atti ta’ umilta’ profonda, u atti ta’ xewqat fervorużi. ~ Scaramelli

11. L-effett ewlieni tat-Tqarbin Imqaddes huwa li jżomm fina l-ħajja tal-grazzja. ~ San Alfons

12. Meta tersaq lejn it-Tabernaklu ftakar li Hu kienu ilu għoxrin seklu jistenna lilek. ~ Jose’ Maria Escriva’

13. Il-quddiesa hija l-ġabra tal-għeġubijiet li għamel Alla mal-bnedmin. ~ San Bonaventura

14. Il-Quddiesa tisboq u tgħaddi bil-bosta l-qawwa ta’ kull orazzjoni fil-maħfra tal-ħtija u tal-piena. ~ San Anselmu

15. Is-sagrifiċċju tal-Quddiesa huwa mimli b’tant misteri kif il-baħar mimli b’taqtir tal-ilma, is-sema bil-kwiekeb u l-Ġenna bl-anġli. ~ San Albertu Manju

16. Min jisma’ b’devozzjoni l-Quddiesa, f’dak il-jum ikun meħlus minn perikli kbar. ~ San Gregorju

17. Il-ħin tal-Quddiesa huwa l-ħin tal-Ħniena t’Alla. ~ San Ġwann Kriżostmu

18. Ġesu’ Kristu bil-passjoni tiegħu ħelisna mis-setgħa tad-dnub; iżda bl-Ewkaristija jeħlisna mis-setgħa li nidinbu. ~ Innoċenzju III

19. F’dan id-don tal-Ewkaristija Ġesu’ Kristu ried joħroġ barra l-għana kollu tal-imħabba li kellu maħżun għall-bnedmin. ~ Konċilju ta’ Trentu

20. Biex titqarben spiss jeħtieġ għallanqas li jkollok xewqa kbira li ssir qaddis u li tikber fl-imħabba lejn Ġesu’. ~ San Alfons

Ħsibijiet dwar l-Ewkaristija

Dokument sħiħ PDF jew WORD ta’ Riflessjonijiet u Talb li jistgħu jintużaw waqt Adorazzjoni Ewkaristika.

eucharist-2435932_960_720Ħsibijiet dwar l-Ewkaristika meħuda mill-Enċiklika “Ecclesia de Eucharistia” tal-Papa San Ġwanni Pawlu II

L-Aqwa Ġid: Fl-Ewkaristija Mqaddsa hemm miġbur il-ġid spiritwali kollu tal-Knisja; jiġifieri l-istess Kristu. (N.1)

Għajxien: “ Il-Knisja tgħix bi Kristu Ewkaristiku. Minnu hi mitmugħa; Minnu hi mdawla. (N.6)

Misteru: L-Ewkaristija hija – Misteru ta’ Fidi; Misteru tad-Dawl. (N.6)

Rigal: Inrodd ħajr lill-Mulej għar-rigal tal-Ewkaristija u tas-Saċerdozju Don u Misteru.

Għaqda: L-Ewkaristija tgħaqqad l-art mas-Sema. (N.8)

Sagrifiċċju: L-Ewkaristija hija s-Sagrifiċċju tas-Salib li jkompli jeżisti matul is-sekli. (N.11)

Rigal: L-Ewkaristija rigal imprezzabbli. (N.11)

Don: Il-Knisja rċeviet l-Ewkaristija minn għand Kristu l-Mulej… bħala d-Don per eċċellenza għaliex huwa r-rigal tiegħu nnifsu, tal-Persuna tiegħu. (N.11)

Ikla: L-Ewkaristija hija verament ikla li fiha Kristu joffri lilu nnifsu bħala ikel; “Tassew tassew ngħidilkom, jekk ma tiklux il-Ġisem ta’ Bin il-Bniedem u ma tixorbux Demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom.” (Ġw 6,53) (N.16)

Is-Sigriet tal-Qawmien: Permezz tal-Ewkaristija, aħna nduqu biex ngħidu hekk, is-sigriet tal-qawmien. (N.18)

Iċ-Ċentru: Iċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika, hija ċ-ċentru tal-proċess tat-tkabbir tal-knisja. (N.21)

L-Għaqda: L-Ewkaristija ssaħħaħ l-għaqda fi Kristu (N.23)

Komunita’: L-Ewkaristija, preċiżament billi tibni l-Knisja, toħloq komunita’ fost il-bnedmin. (N.24)

Il-Ħadd: Huwa obbligu għall-fidili li jieħdu sehem fil-quddiesa tal-Ħadd, jekk mhux meta jkollhom xi impedimenti gravi.

L-Adorazzjoni: Kif nistgħu ma nħossux li nieqfu fit-tul f’konversazzjoni spiritwali, f’Adorazzjoni siekta, f’atteġjament ta’ mħabba, quddiem Kristu preżenti fis-Santissmu Sagrament?

Teżor: L-Ewkaristija hija Teżor li ma jistax jitkejjel, billi mhux biss niċċelebrawha, imma wkoll billi nieqfu nitolbu quddiemha, barra mill-Quddiesa, aħna nistgħu nersqu qrib l-Għajn ta’ kull grazzja. (N.35)

Qrar u Tqarbin: L-Ewkaristija u l-Qrar huma żewġ Sagramenti marbutin strettament flimkien. (N.37)

Ġustament il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika (N.1385) jgħid: Min ikun jaf li hu ħati ta’ dnub gravi, l-ewwel għandu jirċievi s-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni qabel jersaq jitqarben. (N.36)

1. Riflessjoni – L-Ewkaristija … Aħseb Ftit

web3-eucharist-communion-bread-and-wine-body-and-blood-concept-shutterstock

Hemm miktub:

“Duqu u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej.” Induqu l-aktar ‘il Mulej fl-Ewkaristija. Imma l-Ewkaristija ma fiha l-ebda tomgħa forsi tgħidli int. Ħija għandek żball!

L-Ewkaristija fiha tomgħa tassew meraviljuża!

Meta wieħed jitqarben, wieħed għandu jħoss tomgħa qawwija li timlielek qalbek:

  • tomgħa ta’ ħlewwa,
  • tomgħa ta’ ferħ,
  • tomgħa ta’ paċi,
  • tomgħa ta’ qdusija,
  • tomgħa ta’ kuraġġ,
  • tomgħa ta’ fwieħa spiritwali,
  • tomgħa tal-ġenn!
  • tomgħa ta’ Alla nnifsu.

Fl-Ewakaristija għandek issib ukoll tomgħa ta’ mogħdrija.
Fl-Ewkaristija għandek issib ukoll tomgħa ta’ maħfra.
Fl-Ewkaristija għandek issib ukoll tomgħa ta’ ħniena.
Iva, tomgħa tad-dinja l-oħra,
tomgħa tal-eternita’.
Tomgħa tal-ġenna.

Grazzi, Mulej. Grazzi, Missier, ta’ dan ir-rigal meraviljuż.
Grazzi, Spirtu Qaddis, ta’ dan il-misteru kbir ta’ mħabba.
Imħabba għalina. Għalija.
Santissima Trinita’ jien infaħħrek u nadurak.
Ammen.

Nota: Ħsieb minn kitba ta’ Ronnie Gauci.