214. Riflessjoni fuq Luqa 19: 41-44

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 19: 41-44

unnamed (1)

L-Evanġelju skont San Luqa 19: 41-44

[Lq:19:41] F’dak iż-żmien, Ġesu wasal qrib il-belt u, kif raha, beda jibkiha

[Lq:19:42] u jgħid: “M’hux li għaraft imqar int ukoll f’dan il-jum x’inhu ta’ ġid għalik! Imma issa! Dan hu moħbi minn għajnejk!

[Lq:19:43] Għax għad jiġi żmien fuqek meta l-għedewwa tiegħek idawwruk b’rampa u jagħlquk minn kullimkien u jrossu fuqek minn kull naħa;

[Lq:19:44] u jġarrfu lilek u lil uliedek fik, u ma jħallux fik ġebla fuq oħra, talli ma għaraftx iż-żmien taż-żjara li saritlek.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Inti taf x’inhu dak li jġib il-paċi? Il-paċi li ma tispiċċa qatt li ġġib ferħ, sigurta’ u ħbieberija m’Alla?

Il-ministeru ta’ Ġesu’ fuq din l-art kien iċċentrat f’Ġerusalemm, il-belt qaddisa, il-post fejn jgħammar Alla, fejn hemm it-tron tiegħu kif jgħidilna l-profeta Ġeremija. Il-post fejn Alla għażel ad unur t’Ismu biex jgħammar fih. Il-muntanja qaddisa fejn Alla poġġa r-Re tiegħu kif insibu f’Salm numru 2. Il-Kelma Ġerusalemm ġejja mill-kelma Salem li tfisser paċi. It-Tempju f’Ġerusalemm kien ifakkar lin-nies tal-preżenza t’Alla fosthom.

Għaliex Ġesu’ jibki u jilmenta għal din il-belt?

Alla bagħatilhom diversi profeti u issa lil Ibnu stess. Huma ma fehmux il-ġudizzju t’Alla fil-Kelma tiegħu minħabba s-suppervja u n-nuqqas ta’ twemmin. In-nuqqas ta’ fidi f’Ġerusalemm twassal għad-distruzzjoni tagħha.

Ħsieb għal Qalbek …

Permezz tal-mewt u l-qawmien ta’ Ġesu’ kien se jkun hemm Tempju ġdid fl-Ispirtu s-Santu – il-Knisja bħala għarusa ta’ Kristu u bħala l-poplu t’Alla.

Tagħraf iż-żjara t’Alla fiż-żmien tallum?

Meta Alla jżur lill-poplu tiegħu u jġib il-ġustizzja u l-paċi, Alla jaħdem b’mod attiv fost il-poplu kemm biex jiġġudikah u kif ukoll biex jibdilna ħalli jsalvana mid-distruzzjoni jekk aħna nagħtu widen għat-twissija tiegħu u nwieġbu għall-grazzja tiegħu bil-fidi u bl-indiema. Alla fil-ħniena tiegħu jagħtina l-grazzja u ż-żmien biex aħna nduru lura minn dnubietna, imma dan iż-żmien huwa issa. Jekk aħna ndumu anke għall-mument, nistgħu niskopru li l-grazzja tiegħu għaddietna u ż-żmien tal-grazzja spiċċa.

U inti tilqaha l-grazzja li taħrab mid-dnub u timxi fit-triq t’Alla fil-paċi u l-qdusija?

Itlob …

Mulej Ġesu’, inti żort u salvajt il-poplu tiegħek. Agħmel li jien qatt ma nitlef il-grazzja ta’ din iż-żjara tiegħek illum filwaqt li tmexxi lill-poplu tiegħek għal tjubija akbar u għall-ħajja ta’ qdusija.

Għażiża ommi Marija, itlob miegħi u għalija biex jien inħalli lil Ibnek jippurifika l-qalb u l-moħħ tiegħi ħalli jiena nifhem it-triqat tiegħu aħjar u nfassal ħajti fuq il-ħajja tiegħu u tiegħek biex inwettaq bis-sħiħ ir-rieda t’Alla l-Missier. Ammen.