201. Riflessjoni fuq Luqa 14: 25-33

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 14: 25-33

07.26-1-300x167

L-Evanġelju skont San Luqa 14: 25-33

[Lq:14:25] F’dak iż-żmien, kotra kbira ta’ nies kienet miexja ma Ġesu’; hu dar lejhom u qalilhom:

[Lq:14:26] “Min jiġi għandi ma jistax ikun dixxiplu tiegħi jekk ma jobgħodx lil missieru u ‘l ommu u lil martu u lil uliedu, ‘l ħutu subjien u bniet, u saħansitra lilu nnifsu.

[Lq:14:27] Min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistax ikun dixxiplu tiegħi.

[Lq:14:28] “Għax min minnkom ikun irid jibni torri u ma joqgħodx bilqiegħda biex l-ewwelnett iqis in-nefqa, ħalli jara għandux biżżejjed biex iwassal sa l-aħħar?

[Lq:14:29] Għax jekk jiġrilu li jqiegħed is-sisien biex imbagħad ma jkunx jista’ jtemm il-bini, kull min jarah jibda jwaqqgħu għaċ-ċajt

[Lq:14:30] u jgħid, ‘Dan il-bniedem beda jibni u ma kellux il-ħila jkompli sa l-aħħar.’

[Lq:14:31] Jew liema sultan, li jkun sejjer jagħmel gwerra kontra sultan ieħor, ma joqgħodx l-ewwel bilqiegħda biex jara jekk jistax b’għaxart elef raġel iħabbatha ma’ min ġej għalih b’għoxrin elf ruħ?

[Lq:14:32] Għax inkella, meta l-ieħor ikun għadu ‘l bogħod, ikollu jibgħatlu ambaxxata biex jitolbu l-ftehim għall-paċi.

[Lq:14:33] Hekk ukoll ħadd ma jista’ jkun dixxiplu tiegħi jekk ma jitlaqx ġidu kollu.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Imkien ma naraw l-onesta’ ta’ Ġesu’ tispikka aktar milli f’dan il-Vanġelu tal-lum. Ġesu’ jgħid lid-dixxipli tiegħu eżatt dak li għandhom jistennew jekk huma jaċċettaw is-sejħa li jkunu messaġġiera tal-aħbar it-tajba tiegħu. Ma’ Ġesu’ m’hemmx triq tan-nofs jew inti miegħu jew kontrih. Dan jinvolvi impenn totali u assolut minn naħa ta’ dak li jkun la darba id-deċiżjoni li sservieh tkun ittieħdet. Ġesu’ jsir u għandu jibqa’ dejjem l-għola prijorita’ fil-ħajja tad-dixxiplu.

Ħsieb għal Qalbek …

Meta wieħed jissottometti ruħu għar-rieda mqaddsa t’Alla huwa propju meta jitlaq dawk il-persuni u l-affarijiet li għalih jidhru prezzjużi li mbagħad jiksibhom lura b’mod isbaħ anke għal mitt darba aktar.

Huwa tassew Ġesu’ li għandu l-post ewlieni f’qalbek u f’ħajtek?

Itlob …

Għażiż Ġesu’, urieni li mhux dak li jiena niċaħħad minnu li jimporta daqskemm dak li se nirċievi lura u din hi l-wegħda tiegħek tal-ħajja ta’ dejjem. Ammen.