114. Riflessjoni fuq Mattew 10: 34 – 11: 1

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 10: 34 – 11: 1

Matthew 10 34 -11 1a

L-Evanġelju skont San Mattew 10: 34 – 11: 1

[Mt:10:34] “Taħsbux li jiena ġejt inġib il-paċi fuq l-art! Ġejt inġib mhux il-paċi, imma s-sejf.

[Mt:10:35] Iva, ġejt nifred lill-bniedem minn missieru,

[Mt:10:36] u l-bniedem ikollu n-nies ta’ daru stess għedewwa tiegħu.

[Mt:10:37] Min iħobb lil missieru jew lil ommu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun miegħi; min iħobb lil ibnu jew lil bintu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun tiegħi.

[Mt:10:38] U min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistħoqqlux li jkun miegħi.

[Mt:10:39] Min isib lil ħajtu, jitlifha; u min jitlef lil ħajtu minħabba fija jsibha.

[Mt:10:40] “Min jilqa’ lilkom jilqa’ lili, u min jilqa’ lili jkun jilqa’ lil dak li bagħatni.

[Mt:10:41] Min jilqa’ profeta għax hu profeta, ħlas ta’ profeta jieħu; u min jilqa’ bniedem ġust għax hu ġust, ħlas ta’ wieħed ġust jieħu.

[Mt:10:42] U kull min jagħti mqar tazza ilma friska lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax hu dixxiplu, tassew ngħidilkom li ma jitlifx il-ħlas tiegħu.”

[Mt:11:1] Meta mbagħad Ġesù temm jagħti dawn it-twissijiet lit-tnax-il dixxiplu tiegħu, telaq minn hemm biex jippriedka fl-ibliet tagħhom.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Imkien ma naraw l-onesta’ ta’ Ġesu’ tispikka aktar milli f’dan il-Vanġelu tallum. Ġesu’ jgħid lid-dixxipli tiegħu, eżatt dak li għandhom jistennew jekk huma jaċċettaw is-sejħa li jkunu messaġġiera tal-Aħbar it-tajba tiegħu. Ma’ Ġesu’ m’hemmx triq tan-nofs jew inti miegħu jew kontrieh. Dan jinvolvi impenn totali u assolut minn naħa ta’ dak li jkun la darba d-deċiżjoni li sservieh tkun ittieħdet. Ġesu’ jsir u għandu jibqa’ dejjem l-għola prijorita’ fil-ħajja tad-dixxiplu.

Ħsieb għal Qalbek …

Meta wieħed jissottometti ruħu għar-rieda mqaddsa t’Alla huwa propju meta jitlaq dawk il-persuni u l-affarijiet li għalih jidhru prezzjużi li mbagħad jiksibhom lura b’mod isbaħ anki għal mitt darba aktar.

Huwa tassew Ġesu’ li għandu l-post ewlieni f’qalbek u f’ħajtek?

Itlob …

Għażiż Ġesu’ wrieni li mhux dak li niċċaħħad minnu li jimporta daqskemm dak li se nirċievi lura u din hi l-wegħda tiegħek tal-ħajja ta’ dejjem. Ammen.