Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 5: 43-48
L-Evanġelju skont San Mattew 5: 43-48
[Mt:5:43] F’dak iż-żmien, Ġesu qal: “Smajtu x’intqal, ‘Ħobb lil għajrek, u obgħod lill-għadu tiegħek.’
[Mt:5:44] Imma jiena ngħidilkom: Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom,
[Mt:5:45] biex tkunu wlied Missierkom li hu fis-smewwiet; għax hu jtalla’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min m’huwiex.
[Mt:5:46] Għax jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jistħoqqilkom? M’hux il-pubblikani wkoll jagħmluh dan?
[Mt:5:47] U jekk issellmu lil ħutkom biss, xi tkunu tagħmlu żejjed? M’hux il-pagani wkoll jagħmluh dan?
[Mt:5:48] Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet.”
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
X’jagħmel l-insara differenti?
U x’jagħmel in-Nisrani distanti minn kull Reliġjon oħra?
Hija l-Grazzja. Titratta lill-oħrajn mhux kif jistħoqqilhom, imma kif Alla jixtieq li jitrattahom bi mħabba u bi ħniena. Alla huwa tajjeb mal-inġusti u kif ukoll mall-ġusti. L-imħabba tiegħu tgħannaq il-qaddis u l-midneb. Alla jfittex l-għola ġid tagħna u jgħallimna nfittxu l-aqwa ġid għall-oħrajn, anki ma’ dawk li jobgħoduna u jabbużawna.
Iridna nħobbu lil kulħadd bl-istess mod kif ħabbna Hu. Huwa faċli u fin-natura umana tagħna li nuru mħabba u ħniena meta nafu li biha se niggwadanjaw xi ħaġa għalina nfusna, imma kemm hu aktar diffiċli meta dak li nagħmlu, nagħmluh bla ma nistennew xejn lura. It-talba tagħna għal dawk li jagħmlulna d-deni tkisser kemm il-qawwa tas-sens ta’ tpattija li dlonk jitfaċċa fina meta nweġġgħu, kif ukoll toħroġ minna l-imħabba qawwija li tagħmel it-tajjeb meta affaċċjat mill-ħażin.
Ħsieb għal Qalbek …
Kif nistgħu nħobbu lil dawk li jikkawżawlna ħsara u wġigħ?
Meta msieħba m’Alla xejn mhu impossibli għalina li nagħmlu. Hu jagħtina l-qawwa u l-grazzja, aħna li nemmnu u naċċettaw id-don tal-Ispirtu s-Santu. L-imħabba tiegħu tirbaħ fuq kollox. Tirbaħ fuq il-biża’, fuq il-preġudizzji u anki fuq il-weġgħat tal-qalb tagħna. Biss is-Salib ta’ Ġesu’ jista’ jeħlisna mit-tirannija tal-ħażen, tal-mibgħeda, tat-tpattija u jagħtina l-kuraġġ biex inpattu d-deni bil-ġid. Din l-imħabba u l-grazzja għandha l-qawwa biex tfejjaq u ssalva mid-distruttzjoni.
Inti tħalli din il-qawwa tal-imħabba t’Alla tirrenja f’qalbek u fl-aġir tiegħek? Jew f’qalbek hemm it-toqol u l-jasar li żżommok fih il-mibgħeda lejn min għamillek jew qed jagħmillek il-ħsara?
Itlob …
Mulej l-imħabba tiegħek iġġib il-ħelsien u l-maħfra. Imlieni bl-Ispirtu Qaddis tiegħek u żomm lil qalbi fil-paċi tiegħek ħalli nevita milli nitlef sabri, milli taqbiżli u nitlef it-tempra.
Għażiża Marija, Int li bħal Ibnek mhux biss ħfirt lil min ittortura u qatel lil Ibnek imma lqajt li tieħu fuqek irwol t’Omm. Int għadek sal-lum u tibqa’ tħobb, tieħu ħsieb u titlob għal uliedek kollha, anke dawk li ma jagħrfukx u lanqas jagħrfu lil Ibnek. Għinni u għallimni biex nimxi fuq l-eżempji tiegħek u nkun nixbah aktar lil Alla. Ammen.