130. Riflessjoni fuq Mattew 14: 13-21

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 14: 13-21

loavesandfish

L-Evanġelju skont San Mattew 14: 13-21

[Mt:14:13] Meta sama’ l-aħbar, Ġesù telaq minn hemm bid-dgħajsa u mar waħdu f’post imwarrab. Imma n-nies semgħu fejn mar, u telqu warajh bil-mixi mill-ibliet.

[Mt:14:14] Xħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, u fejjqilhom il-morda tagħhom.

[Mt:14:15] Xħin sar filgħaxija d-dixxipli tiegħu resqu lejh u qalulu: “Dan post imwarrab, u l-ħin għamel sewwa. Ibgħathom lin-nies, ħa jmorru fl-irħula jixtru x’jieklu.”

[Mt:14:16] Imma Ġesù qalilhom: “Ma għandhomx għalfejn imorru; agħtuhom intom x’jieklu.”

[Mt:14:17] U huma qalulu: “Hawn ma għandniex ħlief ħames ħobżiet u żewġ ħutiet.”

[Mt:14:18] “Ġibuhomli hawn,” qalilhom.

[Mt:14:19] Mbagħad ordna lin-nies biex joqogħdu bilqiegħda fuq il-ħaxix; ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, rafa’ għajnejh lejn is-sema, bierek, qasam il-ħobżiet u tahom lid-dixxipli, u d-dixxipli newwluhom lin-nies.

[Mt:14:20] U kulħadd kiel u xaba’, u ġabru l-bċejjeċ li kien fadal u mlew bihom tnax-il qoffa.

[Mt:14:21] U kienu madwar ħamest elef raġel dawk li kielu, barra n-nisa u t-tfal.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Hemm xi ħaġa f’din id-dinja li verament tista’ taqtagħlna l-ġuħ u l-għatx profond li aħna nesperjenzaw?

Folla kbira ta’ nies, inġabru biex jisimgħu lil Ġesu’, bla dubju għax kellhom il-ġuħ għall-Kelma tal-Ħajja. Meta sar filgħaxija d-dixxipli ta’ Ġesu’ riedu jibgħatuhom lura lejn djarhom għax huma ma kellhomx ir-riżorsi biex jitimgħuhom. Huma kkummentaw ukoll, li li kieku kellhom jonfqu l-flus biex jixtru x’jieklu lil dik il-folla kbira kienu jridu jonfqu tal-inqas paga ta’ sitt xhur. Ġesu’, il-Ħobż tal-Ħajja ħa l-ftit li kellhom, ħames ħobżiet u żewġ ħutiet, u wara li radd ħajr lil Missieru tas-sema, qasmu lil kulħadd sakemm kielu u xebgħu.

Il-Mulej dejjem hekk jimxi magħna. Ikun iridna nagħtuh il-ftit tagħna bil-fidi u l-fiduċja fih li Hu kapaċi jimmultiplikah għall-ġid tal-oħrajn.

Ħsieb għal Qalbek …

Il-miraklu ta’ Ġesu’ li jitma’ l-ħames t’elef raġel, huwa l-uniku wieħed irrakkuntat fl-erba’ Evanġeli.

X’inhu s-sinifikat ta’ dan il-miraklu?

Dan il-miraklu fakkar lill-poplu fil-providenza t’Alla meta temgħahom fid-deżert, meta kienu taħt it-tmexxija ta’ Mose’. Dawn meta qabadhom il-ġuħ Alla bagħatilhom il-manna x’jieklu. Dan l-ikel kien bi tħejjija għall-veru Ħobż li jinżel mis-sema kuljum fuq l-altari tagħna, li hu Ġesu’ nnifsu. Hu l-uniku li jissodisfa l-ġuħ spiritwali tagħna u min jiekol minn dan, ma jmut qatt imma jgħix b’Ġesu’ għall-eternita’.

Inti tersaq lejn Ġesu’ biex tagħtih il-ftit tiegħek b’fiduċja li hu bih se jibdel il-ħajja tiegħek u tal-oħrajn?

Ġesu’ l-Ħobż Ħaj li jinżel kuljum f’kull Quddiesa li titqaddes jiġi biex ikun il-Ħobż li jgħajjex lilna lkoll.

Qiegħed tersaq b’qalb safja biex tirċievieh jew tħallih jistenna waħdu fit-Tabernaklu tal-Knejjes tagħna?

Itlob …

Mulej, Int tissodisfa x-xewqat l-aktar profondi tal-qlub tagħna billi titmagħna bik innifsek fl-Ewkaristija Mqaddsa. Imlieni bil-gratitudni u agħtini qalb ġeneruża biex nagħmel ħin għalik biex nipprepara bil-Qrar u niġi niltaqa’ miegħek fil-Quddiesa u t-Tqarbina, anki dik ta’ kuljum. Agħmel li nkun ukoll ta’ xhieda għal ta’ madwari biex huma wkoll jiġu jduqu mill-benna li Int biss taf tagħti, l-benna tiegħek innifsek. Ammen.