Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Ġwanni 12: 24-26
L-Evanġelju skont San Ġwann 12: 24-26
[Ġw:12:24] Tassew tassew ngħidilkom, jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott.
[Ġw:12:25] Min iħobb lil ħajtu jitlifha; imma min jobgħod lil ħajtu f’din id-dinja jħarisha għall-ħajja ta’ dejjem.
[Ġw:12:26] Jekk xi ħadd irid jaqdini, hu għandu jimxi warajja; u fejn inkun jien, hemm ukoll ikun il-qaddej tiegħi. Min jaqdi lili, il-Missier jagħtih ġieħ.
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
X’inhu l-aktar investiment importanti li inti tista’ tagħmel b’ħajtek?
Ġesu’ qed jiftħilna għajnejna u jurina nilmħu ċar li la l-flus u lanqas l-affarijiet materjali kollha li aħna nsejħu tagħna ma jistgħu jixtru l-ġenna, ifejqu qalb maqsuma, jew ifarrġu lil xi ħadd li qed iħossu waħdu.
Ġesu’ qed jistaqsi: “Xi prezz se jagħti l-bniedem biex isalva ħajtu?”
Kull ma għandna hu mogħti lilna bħala ‘rigal’ mingħand Alla Missierna. Aħna nafu kollox Lilu, inkluż ħajjitna stess.
Ħsieb għal Qalbek …
Dixxiplu veru hu lest li jħalli kollox warajh u li ma jħallix li qalbu tintrabat ma’ dak li huwa materjali, imma jżomm ruħu ħieles biex hekk ikun jista’ jikseb il-ferħ tal-ħajja m’Alla li ma tintemm qatt. Is-Salib ta’ Kristu jwassal għar-rebħa u l-ħelsien mid-dnub u l-mewt.
Liema hu s-salib li Ġesu’ qed jikkmandak biex terfa’ u ġġorr ta’ kuljum?
Meta r-rieda tiegħi ma tidhirx li taqbel ma’ dik tal-Mulej, hi tal-Mulej li għandha sseħħ.
Int lest titlef kollox għal Ġesu’ Kristu biex tikseb kollox ma’ Ġesu’ Kristu?
Itlob …
Ħu Mulej u ilqa’ l-liberta’ tiegħi kollha, il-memorja tiegħi, id-dehen tiegħi u r-rieda kollha tiegħi. Kull ma għandi u kull ma hu tiegħi dan kollu Int tajtuli. Lilek Mulej inroddu. Kollox hu Tiegħek. Agħmel minnu għal kollox kif trid Int. Lili, agħtini mħabbtek u l-grazzja Tiegħek. Din biżżejjed għalija. Ammen.