100. Riflessjoni fuq Mattew 7: 21-29

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 7: 21-29

gods-judgement-for-the-christian-2-638

L-Evanġelju skont San Mattew 7: 21-29

[Mt:7:21] “Mhux kull min jgħidli, ‘Mulej, Mulej’, jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet, iżda min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet!

[Mt:7:22] F’dak il-jum ikun hemm ħafna li jgħiduli, ‘Mulej, Mulej, m’hux f’ismek ħabbarna aħna, u m’hux f’ismek keċċejna x-xjaten u f’ismek għamilna ħafna mirakli?’

[Mt:7:23] Mbagħad jien ngħidilhom, ‘Lilkom qatt ma kont nafkom! Warrbu minn quddiemi, intom li tagħmlu l-ħażen!’

[Mt:7:24] “Għalhekk, kull min jisma’ dan kliemi u jagħmel li qiegħed ngħid jien, isir jixbah lil bniedem għaqli li bena daru fuq il-blat.

[Mt:7:25] Niżlet ix-xita, ġew il-widien, qamu l-irwiefen u ħabtu fuq dik id-dar, iżda ma ġġarrfitx għax kellha s-sisien tagħha fuq il-blat.

[Mt:7:26] Imma kull min jisma’ dan kliemi u ma jagħmilx li qiegħed ngħid jien, isir jixbah lil bniedem iblah li bena daru fuq ir-ramel.

[Mt:7:27] Niżlet ix-xita, ġew il-widien, qamu l-irwiefen u ħabtu fuq dik id-dar, u ġġarrfet; u kbira kienet il-qerda tagħha?”

[Mt:7:28] Ġara li, meta Ġesù temm dan id-diskors, in-nies baqgħu mistagħġba bit-tagħlim tiegħu,

[Mt:7:29] għax hu kien jgħallimhom bħal wieħed li għandu s-setgħa, u mhux bħall-kittieba tagħhom.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Li kieku wieħed kellu jkun avżat minn qabel b’xi diżastru li jkun se jseħħ wieħed ikun ippreparat kif ngħidu bil-Malti: ‘Bniedem avżat nofsu armat.’

Meta Ġesu’ qal din l-istorja probbabilment kellu f’moħħu l-Ktieb tal-Proverbji Kapitlu 10 vers 25 li jgħid: “Tgħaddi t-tempesta u jgħib il-ħażin imma l-ġust jibqa’ fis-sod għal dejjem.”

X’sinifikat għandha din l-istorja għalina?

It-tip ta’ pedament li fuqu nibnu l-ħajja tagħna jiddetermina jekk inkunux nifilħu għat-tempesti li jiġu fuqna. Ħafna drabi l-bennejja jibnu l-pedament tad-djar meta t-temp u l-art ikunu fl-aħjar kundizzjonijiet. Trid tkun għaref, ta’ ħsieb u għaqli biex tkun taf il-pedament se jibqa’ sod anke meta affaċċjat ma’ diversi kundizzjonijiet. Bl-istess mod il-karattru tagħna sod jew le juri ruħu fl-għażliet li aħna nagħmlu speċjalment meta jkonna nagħżlu bejn dak li hu veru u dak li hu falz, bejn dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin.

Ħsieb għal Qalbek …

Int tqarraq jekk ikollok iċ-ċans li tqarraq u tara li forsi b’hekk se tiġik tajba?

Int tigdeb jew turi wiċċ b’ieħor meta affaċċjat ma’ sitwazzjoni mbarazzanti u li tkun se tikkawżalek uġigħ?

Persuna vera hi dik onesta u affidabbli quddiem Alla, quddiem il-proxxmu u magħha nnfisha.

X’inhu li jżommna ‘l bogħod milli ngħixu ħajja falza u li tispiċċa b’mod diżastruż?

Jekk nagħmlu l-Mulej u l-Kelma tiegħu l-blata u l-pedament tal-ħajja tagħna, allura xejn ma jkun jista’ jċaqlaqna jew iżommna ‘l bogħod milli nesperjenzaw l-preżenza u l-għajnuna  t’Alla.

Huwa l-Mulej u l-Kelma tiegħu l-pedament sod tal-ħajja tiegħek?

Itlob …

Mulej int l-uniku pedament li jibqa’ sod anke f’mumenti ta’ tiġrib u meta mhedded b’diżastru. Agħtini l-għerf, l-għaqal u karattru sod li neħtieġ biex nagħmel dak li hu veru u tajjeb u nwarrab dak li hu falz u kuntrarju għar-rieda mqaddsa tiegħek. Ħa nkun dak li ngħix il-Kelma tiegħek u mhux biss dak li nismaha. Ammen.