162. Riflessjoni fuq Luqa 6: 6-11

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 6: 6-11

Jesús-sana-a-un-enfermo-en-sábado

L-Evanġelju skont San Luqa 6: 6-11

[Lq:6:6] F’Sibt ieħor, Ġesu daħal fis-sinagoga u qagħad jgħallem. Kien hemm raġel li kellu idu l-leminija niexfa.

[Lq:6:7] Il-kittieba u l-Fariżej kienu moħħhom fih biex jaraw jekk ifejjaqx f’jum is-Sibt, ħalli b’hekk isibu fuqiex jixluh.

[Lq:6:8] Iżda hu għaraf ħsibijiethom, u qal lir-raġel li kellu idu niexfa: “Qum, u oħroġ fin-nofs.” Dak qam u ħareġ fin-nofs.

[Lq:6:9] U qalilhom Ġesù: “Ħa nistaqsikom ħaġa: X’jiswa nhar ta’ Sibt, tagħmel il-ġid jew tagħmel id-deni? Issalva ħajja jew teqridha?”

[Lq:6:10] U xeħet ħarsa madwaru fuqhom ilkoll, u qal lir-raġel: “Midd idek.” Hekk għamel dak, u idu reġgħet saritlu qawwija u sħiħa.

[Lq:6:11] Iżda huma xegħlu bil-korla, u bdew jiddiskutu bejniethom x’se jagħmlu b’Ġesù.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’kienet l-intenzjoni ta’ Ġesu’ għall-Kmandament: ‘Ftakar f’Jum il-Mulej u qaddsu?’

Il-Kittieba u l-Fariżej riedu jaqbduh jikser ir-ritwal ta’ Jum il-Mulej li għalihom kien is-Sibt ħalli b’hekk ikunu jistgħu jakkużawh li kien qed jikser il-liġi t’Alla. Fi ftit kliem imma f’tifsira qawwija l-Evanġelista Luqa jikteb: ‘Ġesu’ għaraf ħsibijiethom.’ Huma kienu mimlija bil-korla u bil-mibgħeda lejn Ġesu’ għaliex kienu jpoġġu r-raġunamenti tagħhom ta’ x’inhu tajjeb u ħażin fuq kollox, saħansitra fuq Alla nnifsu. Ġesu’ juri l-iżball li kienu fih billi jindika l-intenzjoni t’Alla għal Jum il-Mulej – li tagħmel il-ġid u ssalva ħajja, aktar milli li tagħmel id-deni u tiddistruġi ħajja.

Ħsieb għal Qalbek …

Aħna l-Insara niċċelebraw il-Ħadd bħala Jum il-Mulej biex infakkru l-opra tas-salvazzjoni t’Alla f’Ġesu’ Kristu u l-ħidma tal-ħolqien il-ġdid li hu wettaq bil-mewt u l-qawmien tiegħu. Li nistrieħu f’Jum il-Mulej hu mod kif nesprimu unur lejn Alla għal dak kollu li hu għamel magħna. Dan il-mistrieħ imma ma jeskludix il-parteċipazzjoni fil-Quddiesa u t-Tqarbin Imqaddes u l-imħabba li għandna nuru lejn il-proxxmu tagħna. Jekk aħna verament inħobbu lill-Mulej fuq kull ħaġa oħra u fuq kull persuna, allura din l-istess imħabba se tkun l-istess għajn li minna nħobbu wkoll lill-proxxmu tagħna kollu.

Inti tunurah lill-Mulej bil-mod kif tiċċelebra l-jum tiegħu, il-Jum tal-Ħadd bi preparazzjoni tajba għall-Quddiesa permezz tal-Qrar u t-Tqarbin u bil-mod kif turi mħabbtek f’servizz lejn kulħadd?

Itlob …

Għażiż Mulej, fir-rebħa tiegħek fuq id-dnub u l-mewt fuq is-salib u bil-qawmien tiegħek, inti tajtna t-tama ċerta li għad naqsmu miegħek fil-mistrieħ etern għal dejjem fil-ġenna.

Indur lejk għażiża ommi Marija, inti li diġa’ tinsab bir-ruħ u l-ġisem fil-ġenna, itlob miegħi biex inħalli lil Ibnek jitrasforma lil qalbi bi mħabbtu ħalli nkun nista’ nobdi b’qima l-preċett tal-Jum tiegħu billi niċċelebra kif jixraq il-Quddies u nservi lil ħuti l-bnedmin kif int u Ibnek kontu u għadkom iservu lilna. Ammen.