Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 19: 3-12
L-Evanġelju skont San Mattew 19: 3-12
[Mt:19:3] U resqu fuqu xi Fariżej biex iġarrbuh, u qalulu: “Jista’ wieħed jitlaq lil martu fuq xi ħaġa, tkun xi tkun?”
[Mt:19:4] Iżda hu qalilhom: “Ma qrajtux li sa mill-bidu l-Ħallieq għamilhom raġel u mara,
[Mt:19:5] u qal, ‘Minħabba f’hekk raġel iħalli lil missieru u ‘l ommu u jingħaqad ma’ martu u t-tnejn isiru ġisem wieħed’.
[Mt:19:6] Għalhekk m’humiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. Mela dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem.”
[Mt:19:7] Qalulu: “Mela allura għaliex ordna Mosè li żewġha jagħtiha l-kitba tad-divorzju u jibgħatha?”
[Mt:19:8] Qalilhom: “Kien minħabba l-ebusija ta’ qalbkom li Mosè takom il-permess tibagħtu n-nisa tagħkom. Iżda ma kienx hekk mill-bidu.
[Mt:19:9] U ngħidilkom, li min jibgħat lil martu – barra l-każ ta’ żwieġ ħażin – u jiżżewweġ oħra jkun ħati ta’ adulterju.”
[Mt:19:10] Qalulu d-dixxipli: “Mela ladarba din hi l-kondizzjoni tar-raġel mal-mara, ma jaqbilx li wieħed jiżżewweġ.”
[Mt:19:11] Iżda hu qalilhom: “Mhux kulħadd jifhimha din il-ħaġa, imma dawk li lilhom jingħata li jifhmuha.
[Mt:19:12] Hemm ewnuki li jitwieldu hekk minn ġuf ommhom, oħrajn jagħmluhom hekk in-nies, u hemm oħrajn li jsiru hekk minn rajhom minħabba s-Saltna tas-Smewwiet. Min jista’ jifhem, jifhem.”
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
X’inhi l-intezzjoni t’Alla għall-istat tal-ħajja tagħna kemm jekk miżżewġin kif ukoll jekk mhux miżżewġin?
Ġesu’ jittratta t-tema tad-divorzju billi jieħu lis-semmiegħa tiegħu lura għall-bidu tal-ħolqien u għall-pjan t’Alla għalina l-bnedmin. Fil-ktieb tal-Ġenesi kapitlu 2 versi minn 23 sa 34 naraw l-intezzjoni u l-idejal t’Alla li żewġ persuni li jiżżewġu għandhom isiru tant magħqudin bejniethom b’rabta li ma tinħallx li jsiru ġisem wieħed. Dan l-idejal insibuh f’Adam u Eva – huma ġew maħluqa għal xulxin u għal ħadd aktar. Huma l-mudell u s-simbolu għal dawk kollha li kellhom jiġu warajhom.
Ġesu’ jispjega li Mosè ppermetta d-divorzju b’turija lill-poplu li tilef dak li kien minn dejjem l-idejal. Ġesu’ jgħolli ‘l fuq l-idejal ta’ stat ta’ żwieġ quddiem dawk li huma lesti li jilqgħu u jaċċettaw il-Kmandamenti tiegħu. Bl-istess mod Ġesu’ jpoġġi idejal għoli għal dawk li b’mod liberu jirrinunzjaw għall-istat taż-żwieġ għas-Saltna tas-sema.
Ħsieb għal Qalbek …
Kemm dawk li jiżżewwġu kif ukoll dawk li ma jiżżewwġux u jgħixu għas-servizz aktar mill-qrib tas-Saltna t’Alla b’mod speċjali fil-ħajja kkonsagrata bħala qassisin, patrijiet, sorijiet jew lajċi kkonsagrati għandhom sejħa individwali minn Alla u kollha huma għall-glorja t’Alla.
Il-ħajja tagħna fir-realta’ mhijiex tagħna, imma t’Alla. Hu jagħti l-grazzja u l-qawwa lil dawk li jfittxu li jimxu fit-triq tal-qdusija tiegħu fl-istat tal-ħajja tagħhom.
Tfittex għajnuna mingħand il-bnedmin t’Alla biex tagħraf aħjar x’sejħa għandu għalik? Jew jekk diġa’ qed tgħix din is-sejħa, tfittex għajnuna biex tgħixha bl-aħjar mod u bil-qdusija li jrid jara fik Alla? Iżomm lil xi saċerdot bħala direttur spiritwali tiegħek biex miegħu tiskopri dejjem iżjed kif tgħix il-pjan t’imħabba li Alla fassal għalik?
Itlob …
Mulej Ġesu’, is-sejħa tiegħek biex inkunu qaddisin tiġbor fiha kull stat ta’ ħajja, qaddes il-ħajjiet tagħna bħala miżżewwġin jew mhux ħalli aħna nkunu nistgħu ngħixu bħala rġiel u nisa li huma kkonsagrati lilek. Agħmel li aħna mhux biss ngħixu u nagħtu xhieda tajba fit-twettiq tal-istat tal-ħajja li ngħixu, imma wkoll li nippromovu ż-żwieġ jew il-ħajja kkonsagrata bħala dik li wieħed jibqa’ fiha b’fedelta’ sal-aħħar ta’ ħajtu hekk kif urejtna int li għandu jkun bit-tagħlim u l-eżempju ta’ ħajtek. Ammen.