Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 2: 22-40
L-Evanġelju skont San Luqa 2: 22-40
[Lq:2:22] F’dak iż-żmien, wara li Marija u Ġużeppi għalqilhom iż-żmien għall-purifikazzjoni tagħhom skond il-Liġi ta’ Mosè, ħaduh Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej,
[Lq:2:23] kif hemm miktub fil-Liġi tal-Mulej, li ‘kull tifel li jitwieled l-ewwel, jiġi kkonsagrat lill-Mulej,’
[Lq:2:24] u biex joffru b’sagrifiċċju ‘par gamiem jew żewġ bċieċen,’ kif jingħad ukoll fil-Liġi tal-Mulej.
[Lq:2:25] F’Ġerusalemm kien hemm wieħed, jismu Xmun, raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-faraġ ta’ Iżrael u li kellu l-Ispirtu s-Santu fuqu.
[Lq:2:26] L-Ispirtu s-Santu kien nebbħu li ma kienx se jara l-mewt qabel ma jara l-Messija tal-Mulej.
[Lq:2:27] Mar mela fit-tempju, mqanqal mill-Ispirtu, u xħin il-ġenituri daħlu bit-tarbija Ġesù biex jagħmlulu dak li kienet trid il-Liġi,
[Lq:2:28] huwa laqgħu fuq dirgħajh, bierek lil Alla u qal:
[Lq:2:29] “Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek imur fis-sliem, skond kelmtek,
[Lq:2:30] għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek
[Lq:2:31] li int ħejjejt għall-popli kollha,
[Lq:2:32] dawl biex idawwal il-ġnus, u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael.”
[Lq:2:33] Missieru u ommu baqgħu mistagħġba b’dak li kien qiegħed jingħad fuqu.
[Lq:2:34] Xmun berikhom, u qal lil ommu Marija: “Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh,
[Lq:2:35] – u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! – biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna.”
[Lq:2:36] Kien hemm ukoll waħda profetissa, Anna, bint Fanwel, mit-tribù ta’ Aser. Kienet imdaħħla ħafna fiż-żmien; wara xbubitha kienet għamlet seba’ snin miżżewwġa,
[Lq:2:37] u mbagħad romlot. Sa ma kellha erbgħa u tmenin sena ma kienet titwarrab qatt mit-tempju, lejl u nhar taqdi lil Alla fis-sawm u t-talb.
[Lq:2:38] Dak il-ħin stess waslet, u bdiet trodd ħajr lil Alla u titkellem fuq it-tarbija ma’ dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalemm.
[Lq:2:39] Meta temmew kull ma kellhom jagħmlu skont il-Liġi tal-Mulej reġgħu lura lejn il-Galilija fil-belt tagħhom ta’ Nazaret.
[Lq:2:40] U t-tifel baqa’ jikber u jissaħħaħ, mimli bl-għerf. U l-grazzja ta’ Alla kienet fuqu.
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
Inti tħalli li ħajtek tkun immexxija mill-Ispirtu s-Santu?
Xmun, kien raġel ġust lejn l-oħrajn u devot lejn Alla. Huwa laqa’ bil-ferħ il-missjoni li Alla sejjaħlu biex iwettaq li kienet tikkonsisti b’talb mimli fervur u b’paċenzja kbira li jistenna l-wegħda t’Alla. Il-ħajja kollha tiegħu kienet immexxija mill-Ispirtu s-Santu. Kien jinstab dejjem fit-tempju jitlob u jqim lil Alla bl-umilta’ u jistenna bil-fidi dak il-jum li fih Alla kien se jfarraġ lill-poplu tiegħu. Filwaqt li l-ġranet u x-xhur saru snin, hu qatt ma tilef it-tama.
Meta Ġużeppi u Marija ppreżentaw lit-tarbija Ġesu’ fit-tempju, Xmun immedjatament għaraf il-preżenza tal-Mulej fit-tempju tiegħu. Bl-għajnejn tal-fidi huwa ra f’Ġesu’ t-twettiq tal-profeziji messjaniċi kollha, it-twettiq tat-tamiet kollha u tat-talb tal-poplu t’Iżrael. Ispirat bl-Ispirtu s-Santu huwa pprofetizza li Ġesu’ huwa d-Dawl tal-ġnus. Dan għaliex Ġesu’ ma ġiex biss bħala Dawl u Salvazzjoni għall-poplu t’Iżrael, iżda għan-nazzjonijiet kollha.
Ġesu’ huwa t-Tempju l-ġdid. Fit-Testment il-qadim Alla jimmanifesta l-preżenza tiegħu fi sħaba matul il-ġurnata u f’kolonna tan-nar matul il-lejl biex Hu jiggwida lill-poplu tiegħu li kienu fid-deżert. Il-preżenza t’Alla kienet b’mod viżibbli tiġi tgħammar fuq l-arka u fit-tabernaklu.
Meta nbena l-ewwel tempju f’Ġerusalemm, il-glorja t’Alla marret togħqod fuqu. Wara li l-ewwel tempju kien distrut, Eżekjel ra l-glorja t’Alla titlaq minn dak il-post, imma Alla wiegħed ġurnata li fiha kien se jiġi bi glorja akbar. Din il-wegħda seħħet meta r-Re tal-glorja nnifsu ġie fit-tempju tiegħu. Permezz tal-miġja ta’ Ġesu’ fid-dinja bħala bniedem u permezz tas-salvazzjoni li hu kisbilna bil-mewt u l-qawmien tiegħu għall-ħajja, aħna sirna lkoll Tempji tal-Ispirtu s-Santu.
U inti tagħraf il-preżenza t’Alla fik?
Tagħraf li inti t-Tempju t’Alla?
U tgħix skont dan id-don hekk kbir li Alla ridt jagħtik, li huwa dak li Hu stess jgħammar fik?
Ħsieb għal Qalbek …
Xmun bierek lil Marija u lil Ġużeppi u pprofetizza lil Marija dwar id-destin ta’ dan it-tfajjel u s-sofferenza li hi kellha tgħaddi minħabba fih. Hemm ċertu paradoss f’dawk li huma l-imberkin tal-Mulej. Marija ngħatat il-barka li tkun Omm l-Iben t’Alla. Ma’ din il-barka hija kellha tilqa’ wkoll is-sejf li kien se jinfidilha qalbha meta tara lil Binha jmut fuq is-Salib.
Hi laqgħet mhux biss il-kuruna tal-ferħ iżda wkoll is-salib tad-dulur, imma l-ferħ tagħha ma naqas minħabba dan id-dulur, għaliex patta għalih il-fidi, it-tama u l-fiduċja tagħha fil-wegħdiet kollha t’Alla. Ġesu’ wiegħed lid-dixxipli tiegħu li l-ferħ tagħhom ma jeħodulhom ħadd. Dan insibuh fi Ġwanni 16 vers 22. Il-Mulej jagħtina l-ferħ sopranaturali li jagħtina l-istess qawwa waqt mumenti ta’ prova, ta’ tiġrib, ta’ dulur u t’uġigħ.
U inti dan il-ferħ qiegħed tgħixu fil-preżent?
Tħallih lil Alla jagħmel dak li jogħġbu f’ħajtek?
Togħqod għall-Kelma tiegħu b’fidi u b’fiduċja?
Jista’ jagħti l-kas li aktar ma’ nikbru u aktar ma naffaċċjaw diżappunti fil-ħajja, aktar il-fidi tagħna tiddgħajjef u nistgħu naslu wkoll li nibdew nitilfu t-tama. It-tama li kellha Anna f’Alla u fil-wegħdiet tiegħu kibret maż-żmien. Hi qatt ma waqfet tagħti qima lil Alla bil-fidi u titlob bit-tama. It-tama u l-fidi tagħha kienu fil-wegħdiet t’Alla u dak li ħeġġiġha kien iż-żelu u l-fervur tagħha permezz tat-talb u tas-servizz tagħha lejn il-poplu t’Alla.
Kif nikbru fit-tama?
Billi npoġġu l-fiduċja tagħna fil-wegħdiet kollha li jagħmlina Ġesu’ u billi nużaw l-istess qawwa tiegħu, il-grazzja tiegħu u l-għajnuna li jagħtina permezz tal-Ispirtu s-Santu.
U t-tama u l-fervur tiegħek f’Alla qegħdin jikbru, aktar m’inti tikber fiż-żmien?
Itlob …
Mulej, agħmel li t-tama tiegħi qatt ma tispiċċa u li l-fiduċja tiegħi fil-wegħdiet tiegħek titqawwa dejjem iżjed. Ħeġġeġ lil qalbi biż-żelu għas-Saltna tiegħek u kabbar fija mħabba lejn it-talb.
Għażiża Marija, Int li kont ukoll mehdija fit-talb u fis-servizz tiegħek lejn Alla u lejn ħutek il-bnedmin, għallimni biex jien ukoll qatt ma nieqaf infaħħar u nirringrazzja ‘l Alla u nistenna bil-qalb u bil-ħerqa li jseħħu l-wegħdiet tiegħu. Ammen.
Pingback: Il-Kobor tal-Quddiesa – L-Ewkaristija u s-Saċerdozju
Pingback: Il-Qrar u l-Quddiesa – L-Ewkaristija u s-Saċerdozju
Pingback: Il-Kobor tal-Qrar u l-Quddiesa – L-Ewkaristija u s-Saċerdozju