Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 19: 25-27
L-Evanġelju skont San Mattew 19: 25-27
[Mt:19:25] Id-dixxipli stagħġbu ħafna meta semgħu dan, u qalu: “Mela min jista’ jsalva?”
[Mt:19:26] Ġesù ħares lejhom u qalilhom: “Għall-bnedmin dan ma jistax ikun; għal Alla kollox jista’ jkun.”
[Mt:19:27] Mbagħad qabeż Pietru u qallu: “Tajjeb! Aħna ħallejna kollox u ġejna warajk; issa x’se jmissna?”
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
Ġesu’ kien propju kontra li jkollok il-ġid materjali? U għaliex jidher li fil-punt li qajjem illum donnu għandu twissija qawwija kontra min hu sinjur u anke kontra dawk li jixtiequ li jkunu sinjuri?
Nafu li Ġesu’ ma kienx kontra l-għana fih innifsu u lanqas kien kontra min kien sinjur. Kellu bosta ħbieb li kienu sinjuri inkluż dawk li kienu jiġbru t-taxxi. Wieħed minnhom sar anke appostlu. Ġesu’ kien qed jalludi għall-għerf tat-testment il-qadim li nsibu fil-ktieb tal-Proverbji kapitlu 28 vers 6. “ Aħjar il-fqir li jgħix bla ħtija mill-għani li jimxi fit-tgħawwiġ.” L-istess tip ta’ għerf insibuh fis-salmi.
Ġesu’ jidher li qed jgħid li hu kważi impossibli għas-sinjuri li jgħixu bħala ċittadini tas-Saltna t’Alla. Il-ġemel kien ikkunsidrat bħala l-akbar annimal fil-Palestina. L-għajn tal-labra setgħet tiġi interpretata letteralment jew setgħet b’mod figurattiv tiddeskrivi passaġġ dejjaq fil-ħitan tal-belt li kien użat mill-vjaġġaturi meta l-passaġġ il-kbir li kien hemm għall-pubbliku kien jiġi msakkar meta jidlam.
Ħsieb għal Qalbek …
Għaliex Ġesu’ ried jagħmel tant enfasi fuq il-periklu ta’ min jgħix fil-għana? Dan il-ġid jista’ jagħmilna niddependu fuqu b’mod żbaljat. Il-għana jista’ wkoll iwassalna għal xewqat ħżiena u egoistiċi.
Ġesu’ fuq dan il-punt jagħtina l-parabbola tal-għani u ħutu li kienu sinjuri u Lażżru. Għax ma qdiex lil Alla u għax kien xħiħ u ma qasamx ġidu mal-fqir Lażżru spiċċa fl-infern. Din insibuha fl-Evanġelju ta’ San Luqa kapitlu 16 vers 19.
Ġesu’ joffrilna teżor li ma jista’ jiġi kkumparat mall-ebda ħaġa ta’ din id-dinja u li la l-flus ma jistgħu jixtru u lanqas il-ħallelin ma jistagħu jisirqu. Qalbna mistiedna tintrabat ma’ dan l-aqwa teżor. Il-ġid materjali jista’ jxekkilna f’din id-dinja dement li ma npoġġux l-għassa fuq qlubna u norbtu qalbna biss mat-teżor veru li hu Alla u s-Saltna tiegħu.
U inti fejn qed tpoġġi t-teżor tiegħek? Fejn tinsab qalbek?
Itlob …
Mulej int sraqtilna qalbna u ftaħtilna t-teżori tas-sema. Kun int biss Mulej it-teżor u l-għaxqa tiegħi u tħalli xejn xi jżommni milli nagħtik kollox kull ma għandi u kull ma jien kif fuq kollox għamilt int stess miegħi li sirt fqir għalija biex jiena insir sinjur bil-għana tiegħek. Ammen.