Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mark 8: 11-13
L-Evanġelju skont San Mark 8: 11-13
[Mk:8:11] Fdak iż-żmien, ġew il-Fariżej u bdew iħaqquha ma Ġesu; u, biex iġarrbuh, talbuh sinjal mis-sema.
[Mk:8:12] Hu tniehed tnehida fih innifsu u qal: “Għalfejn irid sinjal dan in-nisel? Tassew ngħidilkom, ebda sinjal ma jingħatalu dan in-nisel.”
[Mk:8:13] U telaqhom, raġa’ tala’ fuq id-dgħajsa u mar ix-xatt l-ieħor.
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
Kemm int kapaċi taqra is-sinjali taż-żminijiet?
In-nies ta’ żmien Ġesu’ kienu jistennew li l-miġja tal-Messija kienet se tiġi mwettqa b’sinjali u għeġubijiet sopranaturali. Il-messiji foloz għamlu stqarrijiet kbar biex jattiraw ħafna dixxipli. Ġesu’ kien jaf il-qlub ta’ dawk li resqu lejh biex iġarrbuh. Kienu iżjed interessati f’sinjali u f’fenomini milli fil-Kelma t’Alla.
Xmun kien ipprofetizza fit-twelid ta’ Ġesu’ li hu kien iddestinat għall-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael u li kellu jkun sinjal li jmerruh biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija ta’ ħafna. Dan insibuh f’Luqa kapitlu 2 versi minn 34 sa 35. Ġesu’ ma tahom l-beda sinjal ħlief lilu nnifsu u l-prova aħħarija tad-Divinita’ tiegħu meta qam mill-imwiet.
Ħsieb għal Qalbek …
Il-Mulej jurina lilu nnifsu b’ħafna modi, bil-Kelma tiegħu u fl-Ewkaristija kif ukoll permezz tal-Knisja l-Ġisem Mistiku tiegħu. Permezz tal-ħolqien u taċ-ċirkustanzi fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Jekk infittxu l-Mulej, nistgħu nserrħu rasna li Hu se jagħtina kulma għandna bżonn biex nagħmlu r-rieda tiegħu. Fuq kollox il-Mulej jassigurana mill-preżenza tiegħu u mill-wegħda li qatt ma jitlaqna.
Fil-ktieb ta’ talb ta’ Santa Tereża t’Avila nstab miktub dan il-kliem:
“Tħallix xi jtaqqlek.
Tħallix xi jbeżżgħek.
Kollox jgħaddi, Alla biss jibqa’. Ma jinbidilx.
Bil-paċenzja tikseb kulma taħdem għalih.
Min għandu ‘l Alla, ma jonqsu xejn.
Alla waħdu kollox.”
U għalik Alla huwa kollox?
Itlob …
Mulej, ibdel lil qalbi u lil ħajti ħalli ngħix Miegħek b’mod sħiħ. Għinni nagħżel dak li huwa s-sewwa u naħrab kull okkażjoni tad-dnub.
Marija, Omm tiegħi tas-sema, għinni ma norbotx qalbi mal-affarijiet ta’ din id-dinja li jżommuni milli nista’ nkun il-ħin kollu nħobb u nservi lil Alla b’qalb sħiħa. Ammen.