10. Riflessjoni fuq Mark 3: 31-35

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mark 3: 31-35

jesus_mark_3_unknown_artist

L-Evanġelju skont San Mark 3: 31-35

[Mk:3:31] Darba ġew ommu u ħutu, baqgħu barra u bagħtu jsejjħulu.

[Mk:3:32] Dak il-ħin kien hemm ħafna nies bilqiegħda madwaru. “Ara”, qalulu, “ommok u ħutek qegħdin hemm barra u jriduk.”

[Mk:3:33] U hu weġibhom: “Min huma ommi u ħuti?”

[Mk:3:34] Mbagħad dawwar ħarstu fuq dawk li kien hemm madwaru bilqiegħda, u qal: “Dawn, ara, huma ommi u ħuti.

[Mk:3:35] Kull min jagħmel ir-rieda ta’ Alla, dak huwa ħija, u oħti, u ommi.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Għaliex Ġesu’ jidher qed jinjora lill-familjari tiegħu stess, meta dawn kienu qed ifittxu lil Ġesu’ biex ikellmuh?

Ġesu’ qatt ma kien jitlef okkażjoni biex jgħallem lid-dixxipli tiegħu lezzjoni Spiritwali u l-verita’ tas-Saltna t’Alla. Ma għandnix dubju dwar ir-rispett u l-imħabba li hu dejjem wera lejn Ommu u l-familjari tiegħu, imma f’din l-okkażjoni fejn ħafna kienu nġabru biex jisimgħu lil Ġesu’ hu tefa’ dawl fuq ir-realta’ għola ta’ relazzjonijiet. Dik ta’ relazzjoni tagħna m’Alla u ma’ dawk li huma t’Alla.

Alla joffrilna l-akbar fost ir-relazzjonijiet. L-unjoni tal-qalb, tal-moħħ u tal-ispirtu tagħna miegħu nnifsu. L-uniku Awtur u s-sors tal-Imħabba. L-Imħabba t’Alla qatt ma’ tiġi nieqsa, qatt ma tinsa, qatt ma tagħmel kompromessi, qatt ma tigdeb, qatt ma tweġġgħana u lanqas tiddiżapuntana. Hu għalhekk li Ġesu’ joffri sfida lid-dixxipli tiegħu u anke lill-istess familjari tiegħu ta’ din id-dinja biex jagħrfu li Alla huwa l-vera sors tar-relazzjonijiet kollha. Alla jrid li r-relazzjonijiet kollha tagħna jkollhom l-għeruq tagħhom fl-Imħabba tiegħu.

Ħsieb għal Qalbek …

L-Addozzjoni tagħna bħala wlied t’Alla tittrasforma r-relazzjonijiet ta’ bejnietna u tirrikjedi, ordni ġdida ta’ lealta’ lejn Alla l-ewwel u lejn is-Saltna tiegħu tas-sewwa u tal-paċi.

Inti trid tikber fl-imħabba u fir-relazzjonijiet?

Ħalli l-Ispirtu t’Alla jittrasforma lil qalbek, lil moħħok u lir-rieda tiegħek biex tkun tista’ tħobb b’mod sħiħ bil-liberta’ u l-ġenerożita’ kif iħobbna Hu.

Itlob …

Missier tas-Sema, Int tberikna bil-familjari u l-ħbieb kemm dawk spiritwali kif ukoll dawk naturali. Għenni nħobb b’qalb kbira bil-mogħdrija u l-ħlewwa. Agħmel li dejjem nagħżel u nfittex ir-rieda Mqaddsa tiegħek ħalli nagħmel dejjem dak li hu tajjeb, li hu mimli mħabba fir-relazzjonijiet kollha tiegħi. Ammen.