Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Ġwanni 10: 31-42
L-Evanġelju skont San Ġwann 10: 31-42
[Ġw:10:31] F’dak iż-żmien, il-Lhud reġgħu qabdu l-ġebel biex iħaġġruh.
[Ġw:10:32] Imma Ġesù qalilhom: “Kien hemm ħafna għemejjel tajba li jiena wrejtkom mingħand il-Missier; għal liema għemil minnhom tridu tħaġġruni?”
[Ġw:10:33] Weġbuh il-Lhud: “Mhux għal xi għemil tajjeb irridu nħaġġruk, iżda minħabba d-dagħwa li dgħajt, u għax int, li m’intix ħlief bniedem, qiegħed tagħmel lilek innifsek Alla.”
[Ġw:10:34] Qalilhom Ġesù: “Fil-Liġi tagħkom ma hemmx miktub, ‘Jiena għedt: Intom allat’?
[Ġw:10:35] Issa jekk il-Liġi ssejjaħ allat lil dawk li waslitilhom il-kelma ta’ Alla – u l-Iskrittura ma tistax titħassar
[Ġw:10:36] mela lili, li l-Missier ikkonsagrani u bagħatni fid-dinja, kif tgħiduli,’Qiegħed tidgħi,’ għax għedtilkom li jien Bin Alla?
[Ġw:10:37] Jekk jien m’iniex nagħmel l-għemejjel ta’ Missieri, temmnunix;
[Ġw:10:38] imma jekk qiegħed nagħmilhom, jekk ma temmnux lili, għallinqas emmnu l-għemejjel, biex tkunu tafu u tagħrfu li l-Missier huwa fija u jiena fil-Missier.”
[Ġw:10:39] Għal darb’oħra fittxew li jaqbduh, imma hu ħarbilhom minn taħt idejhom.
[Ġw:10:40] U raġa’ mar in-naħa l-oħra tal-Ġordan, fejn qabel kien hemm Ġwanni jgħammed, u baqa’ hemm.
[Ġw:10:41] Kienu ħafna dawk li marru ħdejh, u qalu: “Ġwanni ma għamel ebda sinjal, imma kollu minnu kull ma qal Ġwanni fuq dan il-bniedem.”
[Ġw:10:42] U hemmhekk ħafna emmnu fih.
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
Għaliex il-mexxejja reliġjużi kienu ddiżappuntati b’Ġesu’ u riedu joqtluh?
Huma akkużawh li hu kien qiegħed jidgħi għaliex stqarr li hu l-Iben t’Alla u għamel lilu nnifsu ugwali għal Alla. Il-liġi ta’ Mosè kienet tpoġġi l-penali tal-mewt għal din it-tip ta’ kriminalita’. Fil-ktieb tal-Levitiku kapitlu 24 vers 16 insibu: ‘Min jidgħi bl-Isem tal-Mulej jiġi maqtul, il-kongregazzjoni trid tħaġġru.’ Hekk kif kienu qed jiġbru l-ġebel min mal-art biex iħaġġru lil Ġesu’ huwa wieġeb għall-attakk tagħhom bi tlett argumenti. Il-ħafna tajjeb li għamel bħal fejqan lill-morda, qawmien mill-mewt u providenza t’ikel lill-ġemgħa li kienet bil-ġuħ kienu juru li tassew ġejjin minn Alla.
Ħsieb għal Qalbek …
Ġesu’ hu l-għalliem perfett għax hu ma jibbażax l-istqarrijiet tiegħu fuq dak li jgħid imma fuq dak li jagħmel. Il-Kelma t’Alla hi Ħajja u Qawwa għal dawk li jemmnu. Ġesu’ jurina t-triq tal-verita’ u tal-qdusija u hu jikkonsagrana bil-qawwa tiegħu biex ngħixu l-Vanġelu bil-ferħ u biex inkunu xhieda tiegħu fid-dinja.
U int ambaxxatur tal-Kelma t’Alla jew wieħed li tismaha u ma tagħtix kas tal-importanza tagħha?
Itlob …
Ikteb fuq qalbi għażiż Ġesu’ l-lezzjonijiet tal-Kelma qaddisa tiegħek u agħtini li nkun messaġġier kuraġġuż tal-Kelma tiegħek.
Għażiża ommi Marija, tħalli qatt li jiena nwarrab fil-ġenb il-Kelma t’Alla li tagħti l-ħajja biex nisma’ kliem ieħor li ma jwassalx għall-ħajja ta’ dejjem. Għallimni minflok biex ngħajjex lil ruħi bil-Kelma tiegħu u nħalliha tibdilni. Ammen.