Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mark 7: 24-30
L-Evanġelju skont San Mark 7: 24-30
[Mk:7:24] F’dak iż-żmien, Ġesu’ mar fl-inħawi tal-belt ta’ Tir. Daħal joqgħod f’dar, u ried li ħadd ma jsir jaf. Iżda ma setax ikun li jinħeba,
[Mk:7:25] għax malajr semgħet bih waħda mara li kellha lil bintha maħkuma minn spirtu ħażin, u marret tinxteħet f’riġlejh.
[Mk:7:26] Issa din il-mara kienet Griega, Sirofeniċja min-nisel tagħha. Bdiet mela titolbu biex ikeċċi x-xitan minn ġo bintha.
[Mk:7:27] U hu qalilha: “L-ewwel ħa jixbgħu l-ulied, għax m’hux sewwa tieħu l-ħobż tal-ulied u tixħtu lill-ġriewi.”
[Mk:7:28] Iżda hi weġbitu u qaltlu: “Hekk hu, Mulej; imma taħt il-mejda l-ġriewi wkoll jieklu l-frak mill-ħobż tat-tfal.”
[Mk:7:29] Mbagħad qalilha: “Għal din il-kelma li għedt, mur, ix-xitan ħareġ minn bintek.”
[Mk:7:30] U xħin marret id-dar, sabet it-tifla mimduda, u x-xitan kien ħareġ minnha.
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
Ġieli ħassejt lill-Mulej donnu jirrifjutak?
Dan il-passaġġ jiddeskrievi l-unika okkażjoni li fiha Ġesu’ jamministra barra mit-territorju Lhudi. Tir u Sidon kienu 50 mil ‘il fuq minn Iżrael fejn illum insibu l-Lebanon. Din il-mara pagana titlob bil-ħerqa u b’insistenza l-għajnuna ta’ Ġesu’ biex ifejqilha lil bintha. Għall-ewwel Ġesu’ jidher li mhux qed jagħti kasha u dan l-aġir wassal lid-dixxipli biex iħossuhom imbarazzati.
Ħsieb għal Qalbek …
Ġesu’ jagħmel dan biex lill-mara jgħaddiha minn prova ħalli jqawwilha l-fidi tagħha. Il-mara wieġbet għall-kumment ta’ Ġesu’ b’fidi li kien stħaqqilha t-tifħir tal-Mulej. Ħadd minn dawk li fittxew lil Ġesu’ b’fidi kemm Lhud kif ukoll pagani ma ġew irrifjutati l-għajnuna tiegħu.
Inti tfittxu lil Ġesu’ b’fidi ċerta li hu se jagħtik l-għajnuna li teħtieġ?
Itlob …
Mulej, l-imħabba u l-ħniena tiegħek m’għandhomx limiti. Agħmel Mulej li jien nafdak dejjem u nfittxek b’persistenza kif għamlet din il-mara. Kattar il-fidi tiegħi fil-qawwa tiegħek u eħlisni minn kull ħażen u ħsara. Ammen.