161. Riflessjoni fuq Luqa 6: 1-5

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 6: 1-5

unnamed (1)

L-Evanġelju skont San Luqa 6: 1-5

[Lq:6:1] Ġara li darba s-Sibt kien għaddej minn għalqa miżrugħa, u d-dixxipli tiegħu bdew jaqtgħu s-sbul, ifarrkuh b’idejhom u jikluh.

[Lq:6:2] Xi wħud mill-Fariżej qalulhom: “Dan kif qegħdin tagħmlu dak li ma jiswiex nhar ta’ Sibt?”

[Lq:6:3] Qabeż Ġesù u weġibhom: “Anqas dan ma qrajtu, x’għamel David meta ħadu l-ġuħ, huwa u dawk li kienu miegħu?

[Lq:6:4] Ma qrajtux kif daħal fid-dar ta’ Alla u ħa l-ħobż tal-preżenza ta’ quddiem il-Mulej, u kiel minnu hu u ta lil dawk li kienu miegħu? U madankollu ħadd ma kien jista’ jiekol minnu ħlief il-qassisin biss!”

[Lq:6:5] U qalilhom: “Bin il-bniedem huwa sid is-Sibt ukoll.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’jitlob minna l-kmandament: ‘Qaddsu jum il-Mulej?’ Jew aħjar x’inhi l-intenzjoni primarja wara dan il-kmand?

Il-kapijiet reliġjużi kkonfrontaw lil Ġesu’ fuq dan ir-rigward. Il-mistrieħ ta’ jum is-Sibt kellu jkun żmien li fih il-poplu jiftakar u jiċċelebra t-tjieba t’Alla u din f’dak kollu li hu għamel kemm fil-ħolqien kif ukoll fis-salvazzjoni tiegħu.

Kien jum iddedikat għat-tifħir lil Alla għall-opra tiegħu tal-ħolqien u l-għemejjel tiegħu ta’ salvazzjoni lejna. Kellu jirriżulta fil-waqfien fix-xogħol ta’ kuljum u biex jipprovdi l-mistrieħ neċċessarju għall-bniedem. Id-dixxipli ta’ Ġesu’ ġew imċanfra mill-Kittieba u l-Fariżej mhux għax dawn bdew jaqtgħu ż-żbul mill-għelieqi u jiekluh, imma għax kienu qegħdin jagħmlu dan f’jum is-Sibt, il-jum mqaddes tal-Lhud.

Filwaqt li ddefenda lid-dixxipli, Ġesu’ jargumenta b’referenza għall-passaġġi mill-Iskrittura li l-bżonn uman għandu preċedenza fuq kull drawwa ritwali. Fil-ġuħ tagħhom David u l-irġiel li kienu miegħu kielu mill-ħobż qaddis offrut fit-Tempju.

Ħsieb għal Qalbek …

Ġesu’ mbagħad jikkowta mill-Ktieb tal-profeta Ħosegħa kapitlu 6 vers 6. “Ħniena rrid u mhux sagrifiċċju.” Filwaqt li s-sagrifiċċji ritwali huma importanti għal Alla. Il-ħniena u t-tjieba bi tweġiba għall-bżonnijiet umani huma iżjed importanti.

Inti tonorah lil Alla bil-mod kif titratta lill-proxxmu tiegħek u bil-mod kif tiċċelebra jum il-Mulej?

Itlob …

Mulej, agħtina li nimxu fi triqatek. Fejn hemm l-imħabba u l-għerf, m’hemmx biża’ u injoranza. Fejn hemm il-paċenzja u l-umilta’, m’hemmx la rabja u lanqas dwejjaq. Fejn hemm il-faqar u l-ferħ, m’hemmx la kilba u lanqas attakkamenti mall-affarijiet ta’ din id-dinja. Fejn hemm il-paċi u l-kontemplazzjoni, m’hemmx la l-bżonn u lanqas in-nuqqas ta’ mistrieħ. Fejn hemm il-biża’ t’Alla li tħares il-post fejn ngħixu, l-ebda għadu ma jista’ jidħol. Fejn hemm il-ħniena u l-providenza, m’hemmx la eċċess u lanqas ħruxija. Dan nafuh permezz t’Ibnek Ġesu’ Kristu Sidna. Ammen.