Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mark 3: 7-12
L-Evanġelju skont San Mark 3: 7-12
[Mk:3:7] F’dak iż-żmien, Ġesù telaq flimkien mad-dixxipli tiegħu għan-naħa tal-baħar, u kotra kbira mill-Galilija marret warajh; u mil-Lhudija,
[Mk:3:8] minn Ġerusalemm, mill-Idumija, min-naħa l-oħra tal-Ġordan, u mill-inħawi ta’ Tir u Sidon, kotra kbira ta’ nies, li semgħu b’kull ma kien għamel, marru ħdejh.
[Mk:3:9] Hu qal lid-dixxipli tiegħu biex iżommulu dgħajsa mħejjija fil-qrib minħabba l-kotra, biex ma jagħfsux fuqu;
[Mk:3:10] għax billi kien fejjaq ħafna nies dawk kollha li kellhom xi mard kienu jrossu fuqu biex imissuh.
[Mk:3:11] U l-ispirti ħżiena kull darba li kienu jilmħuh, kienu jinxteħtu fl-art quddiemu u jaqbdu jgħajjtu: “Int l-Iben ta’ Alla!”
[Mk:3:12] Iżda hu kien jordnalhom bis-sħiħ biex ma jurux min kien.
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
Ġieli ħassejtek tiġi mkaxkar u ttentat minn forzi aqwa minnek?
Fi żmien Ġesu’ ħafna nies kienu jħossu fuqhom it-toqol tal-mard u jfittxu lil Ġesu’ għaliex kienu jafu li Hu seta’ jeħlishom minn dan it-toqol. Uħud kienu wkoll imxajtna, imtaqqla bi spirti ħżiena li ma ħallewhomx jgħixu kif xtaqu huma. Ġesu’ kien ifejjaq, kien ifarraġ u fih kienet issib refuġju n-nies kollha.
Ħsieb għal Qalbek …
Ġesu’ kien l-uniku refuġju u kien l-uniku persuna li setgħet tilliberahom. Ġesu’ tħassarhom lil dawn in-nies u ħelishom minn qalbu mill-ħakma tal-ispirti ħżiena u mill-mard li kellhom fuqhom. Ġesu’ dejjem lest biex jeħlisna minn dak kollu li jorbotna u jżommna ‘l bogħod mill-imħabba tiegħu.
Imma, aħna lesti ninħallu minn kull ma jista’ jżommna ‘l bogħod milli nirċievu l-imħabba u l-grazzja t’Alla li għandu għalina?
Itlob …
Mulej, ħollni minn kull ma jista’ jfixkilni milli nħobbok kompletament u bil-liberta’ fi triqati kollha.
Għażiża Marija, għallimni kif għandi ngħix bil-qdusija u ma nħalli xejn li jista’ jżommni lura milli nesperjenza l-ferħ li ngħix fil-preżenza t’Alla bl-istess mod kif għext ħajtek Inti. Ammen.