233. Riflessjoni fuq Mattew 11: 11-15

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 11: 11-15

4x5 original

L-Evanġelju skont San Mattew 11: 11-15

[Mt:11:11] Fdak iż-żmien Ġesu qal: ”Tassew, ngħidilkom, li fost ulied in-nisa ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-Battista. U b’danakollu l-iżgħar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet hu akbar minnu.

[Mt:11:12] Minn żmien Ġwanni l-Battista sa llum is-Saltna tas-Smewwiet il-bnedmin qegħdin jitħabtu bis-sħiħ għaliha, u dawk li jitħabtu bis-sħiħ jaħtfuha.

[Mt:11:13] Għax il-Profeti kollha, u wkoll il-Liġi, ħabbru sa żmien Ġwanni,

[Mt:11:14] u, jekk tridu temmnuni, dan hu Elija li għandu jiġi. [Mt:11:15] Min għandu widnejn ħa jisma’!”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Min hu l-akbar fis-Saltna t’Alla?

Ġesu’ jfaħħar lil Ġwanni l-Battista bħala l-akbar persuna li qatt twieldet. Ma jistax ikun hemm kumpliment akbar minn dan imma fl-istess waqt Ġesu’ jkompli jgħid li l-iżgħar wieħed fis-Saltna t’Alla huwa akbar minnu. Din tista’ tinstema’ kontradizzjoni sakemm wieħed ma jifhimx li Ġesu’ ġie biex iwettaq għalina dak illi kien jaċċedi bil-bosta, it-tħabbir tal-profeti u dak illi huma raw minn qabel fil-passat.

Ġwanni huwa l-aħħar u l-akbar fost il-profeti tat-Testment il-Qadim. Hu temm il-ħidma essenzjali tal-profeti kollha dik illi jippuntaw lejn Kristu l-Midluk t’Alla, il-Messija u Ibnu stess. Ġwanni pprepara t-triq għall-Messija u anke wassal lill-oħrajn għand Ġesu’ fix-xmara Ġordan meta hu stqarr: ‘Araw il-Ħaruf t’Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja.’ Din insibuha fi Ġwanni 1 vers 29. Ġesu’ jikkonferma li Ġwanni kien il-wegħda mwettqa li Elija kellu jerġa’ jiġi bħala l-messaġġier qabel il-jum tal-Messija.

Ħsieb għal Qalbek …

Minn żmien il-martirju ta’ Ġwanni l-Battista għaż-żmien preżenti, is-Saltna tas-sema sofriet vjolenza u persekuzzjoni minn idejn nies vjolenti. Id-demm tal-martri nxtered tul iż-żmien u kien bħala xhieda għal dan il-fatt. Il-martri taw xhieda għall-verita’, il-verita’ ta’ Ġesu’ Kristu u tal-pjan tas-Salvazzjoni tiegħu fuq id-dinja. It-testimonjanza u anke l-mewt tagħhom kienet prova ta’ rebħa aktar milli ta’ telfa għas-Saltna t’Alla. Permezz tar-rebħa ta’ Kristu fuq is-salib huma jirċievu l-kuruna tar-rebħa glorjuża u l-ħajja ta’ dejjem fi Kristu.

U inti lest li tagħti xhieda għal Kristu, u biex isofri vjolenza jekk dan ikun neċċessarju, għall-glorja tiegħu?

Itlob …

Mulej, qanqal fija żelu għas-sewwa u għas-Saltna tiegħek.

Għażiża Marija, indur lejk u nitolbok biex bit-talb qawwi tiegħek inti tgħinni ħalli Alla jeħlisni milli jien nikkomprometti ruħi mat-triqat tad-dnub u ta’ din id-dinja ħalli qalbi tkun kollha devota lejkom u lejn is-Saltna glorjuża t’Alla. Ammen.