30. Tqarbina Spiritwali / Tqarbina tax-Xewqa

adu-05-pray-boldly.jpg

Dan l-aħħar waqt konverżazzjoni rreferejt għal fatt li għandna nagħmlu Tqarbin Spiritwali u kont konfrontatha b’din il-verita’: It-tfal tagħna lanqas biss jafu Tqarbina Spiritwali x’inhi! Jekk dan hu l-każ għalkemm nispera illi mhijiex universali allura għandna nħalluha hekk?

Jien żgur illi l-prattika ta’ Tqarbina Spiritwali nibtet mill-profondita’ tal-imħabba li l-fidili kellhom għal Ġesu’ fl-Ewakristija Qaddisa. Dan narawh ukoll mill-ħajjiet tal-qaddisin bħal Santa Tereżina ta’ Lisieux li, bħal San Charbel Makhlouf, għaddiet il-ġurnata tagħha mdawra bl-Ewkaristija li tkun irċeviet: “Tirċievi lil Ġesu’ ‘biex tagħtiH pjaċir’, iżda Tereżina taf illi fl-istess ħin hi tkun sejra tirċievi mingħandU dak kollu li teħtieġ biex tgħix.” Dan hu l-valur li tat it-Tqarbin Imqaddes tul ħajjitha kollha… Matul l-aħħar marda tagħha li ssuperat id-debolizzi kbar li kellha fost tentazzjonijiet u tbatija biex tirċievi l-Ewkaristija: “Ma jidhirlix li nkun qiegħda nbati ħafna jekk dan nagħmlu biex nakkwista Tqarbina”, qalet darba lil soru li ċanfritha dwar l-imġiba tagħha. Meta titqarben tkun qiegħda tirċievi għajnuna Divina.

Ninnutaw fil-ħajja ta’ San Charbel illi l-qofol ta’ qdusitu kien jikkonsisti filli ċċentra ħajtu kollha madwar l-Ewkaristija. Dan is-saċerdot kien jippreferi jqaddes kuljum fil-ħdax ta’ filgħodu biex hekk ikun jista’ jgħaddi l-parti l-kbira tan-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu fi preparazzjoni għal dan l-att ta’ qima suprem, waqt li l-bqija tal-ġurnata jgħaddih f’ringrazzjament.

F’talba uffiċjali fin-novena ta’ Santa Rita li ilha tingħad għal sekli naqraw hekk: “J’Alla kull taħbita ta’ qalbi tkun bħal Tqarbina Spiritwali.”

Allura x’inhi fil-fatt Tqarbina Spiritwali? L-Enċiklopedija Kattolika bl-Imprimatur u ppreparat taħt it-tmexxija tal-Kardinal Spellmen tal-1965 tgħid hekk:

“Dawk li jattendu għall-quddiesa u ma jistgħux jirċievu l-Ewkaristija jistgħu jagħmlu dan bl-ispirtu u bix-xewqa. Din tissejjaħ Tqarbina Spiritwali. Biex tkun tista’ titqarben spiritwalment wieħed irid ikollu fidi ħajja u xewqa qawwija li jipparteċipa fis-Sagrament. Dawn ix-xewqat jitolbu warajhom atti sinċiera ta’ fidi, mħabba u ringrazzjament. Il-merti akkwistati fit-Tqarbina Spiritwali għalkemm ma humiex daqskemm meta nirċievu s-Sagrament attwali huma wkoll abbundanti u jagħtu ħafna frott. Iżda dawk li spiss jirċievu s-Sagrament Spiritwalment meta dawn jistgħu jirċevuh sew Spiritwalment kif ukoll Sagramentalment dawn ikunu iċaħħdu lilhom infushom minn grazzji kbar.”

man_in_prayeyrjpg.jpg

X’uħud igħidu illi dan kien igħodd għaż-Żminijiet tan-Nofs meta ma setgħux jirċievu l-Ewkaristija spiss bħal lum. Ikomplu jsaħħu t-teorija tagħhom billi jgħidu illi lil Kristu jsibuh fil-proxxmu tagħhom u fil-ħolqien allura m’hemmx għalfejn ifittxuh barra mill-Ewkaristija li ma jistgħux jirċievu. Dak li qiegħed jiġri fostna llum huwa kollu nuqqas ta’ għarfien u mħabba lejn is-Santissmu Sagrament! Ħasra kbira jekk kollox ġej mil-injoranza tal-fatt illi fl-Ewkaristija Ġesu’ jinsab ħaj u preżenti u rejali. L-Ostja Kkonsagrata hija Ġesu’ ħaj. Fix-xogħol klassiku ta’ Patri Faber “The Blessed Sacrament” naqraw: “Iva! Hekk kollu kemm hu, Alla xtaq li joqgħod fis-Santissmu Sagrament u dan hu l-akbar xogħol tal-imħabba Tiegħu.”

“Il-Palestina ma hi xejn ħdejn dan! Hu jgħix hemm fit-Tabernaklu bħal Missier tagħna fost uliedu, bħala r-Redentur tagħna biex ikompli x-xogħol tiegħu, bħala Santifikatur tagħna biex jissokta jqaddisna, bħala Glorifkatur tagħna jistenniena biex ningħaqdu miegħu fil-glorja, u bħala Kreatur tagħna jipperfezzjonana u jagħtina lilu nnifsu bħala ikel u xorb Divin.” Ikompli jgħid illi dak li ħalaq miljardi ta’ anġli, lil Adam u lil ħolqien kollu jinsab hemm, “Hu kollu kemm Hu, ndiviż u qaddis, qiegħed hemm fit-Tabernaklu lsir tal-imħabba għatxana li għandu għall-erwieħ illi fl-Imħabba Tiegħu ħalaq!”

Santa Katarina ta’ Siena meta titkellem dwar il-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu tgħidilna hekk: “Dan l-ikel issaħħaħna ftit jew ħafna skont ix-xewqa għaliH ta’ dak li jirċieviH, sew jekk Sagramentalment u sew jekk Virtwalment.”

Santa Tereża t’Avila tinkoraġġixxi lir-Reliġjużi tagħha hekk: “Uliedi meta tersqu għall-quddiesa u ma titqarbnux tistgħu tagħmlu Tqarbina Spiritwali. Din hi prattika li tħalli ħafna frott. Wara nġabru malajr fikom infuskom bħalma għallimtkom tagħmlu meta titqarbnu Sagramentalment, għax kbira hi l-imħabba li Ġesu’ isawwab f’ruħna. Għaliex meta aħna nkunu ppreparati biex nirċevuh Hu qatt ma jonqos li jagħtina lilu nnifsu b’modi li aħna m’aħniex kapaċi nifhmu.”

Fil-ħajja ta’ Maria Scholastica Muratori miktuba minn Patri Gabrielli tal-Oratorju ta’ Bologna naqraw illi hi kienet tipprova tagħmel Tqarbina Spiritwali kull darba li terfa’ għajnejha jew tieħu n-nifs, tant illi kif qalet hi: “Kieku kelli mmut malajr kont immut qisni qegħda niġbed in-nifs ta’ Alla.” Devozzjoni oħra tagħha kienet li tagħmel Tqarbina Spiritwali bi kliem apposta kull meta tara lil xi ħadd jitqarben fil-knisja.

Meta naqraw dan kollu naraw kemm għandna napprezzaw iżjed din il-prattika tat-Tqarbin Spiritwali u nżommuha ħajja billi nitkellmu dwar il-kobor tagħha ma’ dawk li nitkellmu magħhom jew ma’ dawk fdati f’idejna.

Illum il-Knisja tinkoraġġixxi t-Tqarbin Spiritwali u dan narawh mill-fatt illi fl-aħħar lista ta’ ndulġenzi jisimha ‘Enchiridion of Indulgences’ ġiet mogħtija indulġenza parzjali għal din il-prattika li hi ta’ min ifaħħarha. Għalkemm prattika bħal din tista’ ssir taħt forma differenti din it-talba hi rakkomandata għall-fidili:

“Ġesu’ tiegħi, jiena nemmen illi inti tinsab fis-Santissmu Sagrament. Jien inħobbok fuq kollox u nixtieqek ġewwa ruħi. La darba ma nistax nirċevik Sagramentalment, ejja almenu Spiritwalment ġewwa qalbi. Inqisek illi ġa ġejt, jiena ngħannqek u ngħaqqad lili nnifsi kompletament Miegħek, u tippermetti qatt li jien ninfired minneK.”

Fil-ktieb tiegħu “Living the Interior Life” Patri Wendelin Meyer O.F.M. isemmi ftit mill-virtujiet li nirċievu minn din l-għaqda tagħna ta’ spiss mal-Ewkaristija. Dawn huma:

  • ferħ tal-ispirtu,
  • imħabba vera,
  • silenzju,
  • ferħ fit-talb u
  • tixxennaq għal Alla.

Hu jinkoraġġixxi lir-reliġjużi biex “japprezzaw iż-żewġ modi ta’ Tqarbin u jitqarbnu kuljum sew attwalment kif ukoll spiritwalment.” Hu jkompli jenfasizza illi “waħda tikkumplimenta u tkabbar l-oħra.” Hekk ma nistagħġbux li jgħid: “Min jirċievi ta’ spiss it-Tqarbina Sagramentali u Spiritwali fih issib l-ispirtu ta’ kontemplazzjoni.”

Abbe’ Gaston Courtois fil-ktieb tiegħu “Fruitful Activity” jiddedika kapitlu għall-ħajja Ewkaristika u l-appostolat. Jipproponi li għandna ndawru ħsibijietna kontinwament lejn Ġesu’ fl-Ostja Qaddisa. Hu jinnota illi l-intensita’ tad-devozzjoni Ewkaristika li jkollna għandha effett kbir fuq il-fervur tal-erwieħ afdati f’idejna.

Hu preċiżament għax Ġesu’ jinsab ħaj fl-Ostja illi t-Tqarbin Spiritwali tagħna għandu effett hekk kbir fuqna u fuq l-oħrajn! San Pawl ifakkarna: “Hu qiegħed hemm biex jinterċedi għalina.”

Kristu jinsab hemm lest u xewqan li jgħinna meta ma nsibux kliem biex ngħinu lix-xwejjaħ emarġinat, liż-żagħżugħ mogħti d-droga, lill-alkoħoliku, eċċ. Iżda hu jixtieq jisma’ t-talba umli tagħna. Dik il-ħarsa lejh waqt Tqarbina Spiritwali tagħmel differenza kbira. Ipprova din il-linja diretta ta’ komunikazzjoni mal-Qalb ta’ Kristu. Tista’ tkun bi drawwa bħal meta l-arloġġ idoqq is-siegħa. Jew tista’ tkun f’dak il-mument kritiku meta s-salib jagħfas bi sħiħ fuqna jew fuq oħrajn. Dan huwa mod ta’ kif nirrispondu għall-istedina Tiegħu: “Ejjew għandi intom ilkoll li taħdmu u tbatu u jien inserraħkom.”

Oħrajn ippruvawha qabilkom. Kien il-Kurat t’Ars li qal: “Tqarbina Spiritwali taħdem fuq ir-ruħ kif l-infiħ jagħmel lill-ġamar li jkun wasal biex jintefa. Kull meta tħoss li l-imħabba tiegħek lejn Alla qiegħda tibred agħmel malajr Tqarbina Spiritwali.”

Artiklu miktub minn Sour M. Barbara Anne, F.M.S.C. Kien ippublikat fir-rivista “Appostolate of the Little Flower” tal-Patrijiet Karmelitani Skalzi f’San Antonio Texas, Lulju – Awwissu 1984, Vol 52, Nru. 4 paġ. 24-28. Qiegħed jidher hawn bil-permess tal-awtur u tal-editur tar-rivista Patri Louis V. Scagnelli, O.C.D.).

29. L-Ewkaristija Mqaddsa u aħna

379968_2703609905032_412279678_n-e1369817009186

Il-Knisja minn dejjem kienet imżejna b’assoċjazzjonijiet qaddisa u għaqdiet reliġjużi li ħadmu biex tikber l-Adorazzjoni lejn l-Ewkaristija. Hekk li matul is-sekli s-Santissmu Sagrament ġie unurat b’devozzjonijiet bħal Benedizzjoni, l-Adorazzjoni Perpetwa, il-Liturġija ta’ Ħamis ix-Xirka, il- ‘Quarant Ore’ u l-festa ta’ Corpus Christi.

Iżda l-iktar att sublimi ta’ qima hi l-quddiesa, li l-valur tagħha ma aħniex kapaċi nassesjawh f’din id-dinja. Aħna ma stajnix inkunu fuq il-Kalvarju, fil-quddiesa ningħataw il-privileġġ li nassistu għas-sagrifiċċju (bla tixrid ta’ demm) ta’ Ġesu’ fuq l-altar. Bħalma Marija kienet preżenti waqt is-sagrifiċċju tal-quddiesa.

San Bernard igħidilna illi aħna nkunu mdawra bl-anġli waqt li jkollna l-Ispeċi qaddisa ġo fina. Meta nirċievu l-Ostja aħna mhux biss inkunu nagħtu qima lil Alla iżda niġbdu fuqna ħafna grazzji u barkiet fosthom it-tnaqqis tal-ħtija temporali ta’ dnubietna u merti fil-ġenna. Il-quddies li nkunu smajna jkunu konsolazzjoni kbira għalina fil-pont tal-mewt, u l-erwieħ tal-Purgatorju li nkunu ssufragajna bihom jidħlu għalina.

Il-qaddisin spiss irrakkomandaw l-attendenza għall-quddiesa. San Giuseppe Cottolengo kien iħeġġeġ li quddiesa kuljum għandu jattendi għaliha kulħadd, u kien igħid illi dawk li ma jsibux ħin għaliha ma jafux iqassmu l-ħin. San Bernard igħid hekk: “Wieħed jimmerita iżjed billi jassisti bid-devozzjoni għall-quddiesa milli kieku kellu jqassam ġidu kollu lil fqar u jivvjaġġa f’pellegrinaġġ mad-dinja.” Ġesu’ darba qal hekk lil Santa Gertrude: “Ibqa’ żgur illi lil dawk li jassistu bid-devozzjoni għall-quddiesa jien nibgħatilhom daqstant qaddisin biex jikkonslawhom u jipproteġuhom fl-aħħar mumenti ta’ ħajjithom.”

San Anselmu, Duttur tal-Knisja jgħidilna hekk: “…Quddiesa waħda mismugħha għalik innifsek f’ħajtek tista’ tkun ta’ valur ikbar min elf waħda wara mewtek.” Ma’ din jaqblu wkoll San Leonardu ta’ Portu Maurizio u wkoll Papa Benedittu XV. Iżda jekk il-quddiesa hix offrutha qabel jew wara l-mewt jibqa’ l-fatt illi l-benefiċċji tal-quddiesa huma inestimibbli.

Il-qaddisin dejjem onoraw l-Ewkaristija u ssuġġerew li għandha tkun imfaħħra u milqugħha. San Franġisk ta’ Sales kiteb hekk: “Jekk in-nies tad-dinja jistaqsuk għaliex titqarben daqshekk spiss għidilhom biex titgħallem tħobb lil Alla, biex teħles mill-imperfezzjonijiet, biex tnaqqas il-miżerji, biex tikkonsla waqt it-tbatija u biex tgħin ruħek fid-debolizzi. Għidilhom illi hemm żewġ kwalitajiet ta’ nies li għandhom jitqarbnu spiss: il-perfetti għax ikun għajb kbir għalihom jekk jitwarrbu minn sors hekk qawwi ta’ perfezzjoni, u l-imperfetti biex ikunu kapaċi jaslu għall-perfezzjoni – il-qawwija biex ma tonqosilhomx il-qawwa u l-batuti biex isiru qawwija, il-morda biex ifiequ u min hu b’saħħtu biex ma jimradx, għalhekk int jekk inti mperfett, batut u marid għandek bżonn tirċievi spiss lil Dak li hu l-perfezzjoni, is-saħħa u t-tabib tiegħek.”

San Thomas Moore, meta kien kanċillier tal-Ingilterra, ġieli ċanfruh ħbiebu għax kien jitqarben spiss. Kienu jgħidulu illi qiegħed jitlef ħafna mill-ħin li suppost jingħata għad-doveri u responsabbiltajiet li għandu. Il-qaddis irrisponda: “Ir-raġunijiet għaliex ma tridunix nitqarben huma eżatt dawk għalxiex iġagħluni nersaq spiss. Id-distrazzjonijiet tiegħi huma kbar, iżda hu fit-Tqarbin illi jiena ninġabar. Jien inkun ittentat ħafna drabi mal-ġurnata. Bit-Tqarbina kuljum jien nikseb l-għajnuna biex nirbaħhom. Għandi ħafna xogħol delikat f’idejja u għalhekk għandi bżonn ta’ ħafna dawl u għaqal. Hu preċiżament għal dawn ir-raġunijiet għaliex nersaq ta’ kuljum għat-Tqarbin biex nikkonsulta lil Ġesu’ dwarhom.”

San Bonaventura jgħidilna illi l-midinbin ma għandhomx jitwarrbu mill-Ewkaristija għax dinbu, le “… iktar ma tħossok marid iktar għandek bżonn ta’ tabib.”

Nafu wkoll illi s-Santissmu Sagrament jagħti fejqan u nutriment lir-ruħ hekk kif l-ikel materjali jagħti lill-ġisem.

Il-fatt li l-qaddisin jirrakkomandaw li l-midneb għandu jersaq għat-Tqarbin ma jfissirx li għandu jagħmlu meta hu fl-istat tad-dnub il-mejjet. L-Ewkaristija nistgħu nirċevuha biss meta aħna fil-grazzja t’Alla. Li tersaq għat-Tqarbin meta int fid-dnub il-mejjet, tkun qiegħed tagħmel dnub mejjet ieħor li jissejjaħ sagrileġġ (1 Kor 11,29).

alphonsus adoringWara li rajna x’qalu San Franġisk ta’ Sales u San Thomas Moore dwar il-grazzji li nirċievu meta nirċievu kif jixraq l-Ewkaristija naraw issa x’wegħdna Ġesu’ nnifsu. Fis-6 Kapitlu tal-Vanġelu skont San Ġwann wara li Ġesu’ tema’ Mirakulużament lil 5,000 ruħ Ġesu’ rrefiera għalih innifsu kemm -il darba bħala l- “Ħobż li niżel mis-Sema” u wiegħed il-ħajja eterna fis-Sema lil dawk li jieklu minnu. Ġesu’ jgħidilna:

“Tħabbtu mhux għall-ikel li jgħaddi, iżda għal ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem, dak li Bin il-Bniedem jagħtikom, għaliex lilu Alla l-Missier immarka bis-siġill tiegħu.” (Ġw. 6, 27)
“Għaliex il-Ħobż ta’ Alla huwa dak li jinżel mis-Sema u jagħti l-ħajja lid-dinja.” (Ġw. 6, 33)
“Dan hu l-Ħobż nieżel mis-Sema, biex min jiekol minnu ma jmutx. Jiena hu l-Ħobż il-ħaj li nieżel mis-Sema.” (Ġw 6, 50, 51)

“Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż igħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi, li jingħata għall-ħajja tad-dinja.” (Ġw. 6, 51)

Ġesu’ mela qalilhom: “Tassew, tassew ngħidilkom, jekk ma tiklux l-ġisem ta’ Bin il-Bniedem u ma tixorbux demmu ma jkollkomx il-ħajja fikom.” (Ġw 6, 53)

“Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih.” (Ġw. 6, 56)

“Bħalma bagħatni l-Missier, li hu ħaj, u jiena ngħix b’Missieri, hekk ukoll min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija.” (Ġw 6, 57)

Dawn il-wegħdiet bibbliċi mhux biss juruna kemm Ġesu’ jixtieq jikkonvinċina (billi jirrepetilna l-istess assigurazzjonijiet) illi hu jinsab preżenti taħt il-ħobż, iżda wkoll jittallab minna li nirċevuh f’dan is-Sagrament tal-imħabba, u bħala inċentiv Hu jwegħdna ħajja eterna ta’ tgawdija fis-Sema. Billi l-kliem ma humiex biżżejjed biex tiddeskrivi din l-imħabba u l-ġenerożita’ li għandu Ġesu’ għalina, għalhekk nimmeditaw fuq dan li ġej. Dwar l-imġiba tagħna wara li nirċievu l-Ewkaristija San Franġisk ta’ Sales igħidilna hekk: “Meta tirċievu l-Ostja agħtu qima u merħba lil dan ir-re tas-salvazzjoni, kellmuh dwar l-iktar affarijiet intimi, ġibu quddiem għajnejkom illi dan ġie biex jagħmilkom kuntenti u fl-aħħar agħtuh l-isbaħ laqgħa possibbli u ġibu ruħkom b’tali mod illi l-imġiba tagħkom turi li hemm Alla ġo fikom.”

Jiddispjaċik tara illi forsi din il-korteżija mhux dejjem urejniha ma’ Ġesu’. Ma hemmx dubju wkoll illi ħafna Tqarbin isir sagrilegu. Darba Ġesu’ lil Santa Briġida f’viżjoni qalilha: “Ma jeżistix fid-dinja kastig kbir biżżejjed li jikkastiga Tqarbina sagrilega”. Li tirċievi l-Ewkaristija bid-dnub il-mejjet hu mxebbaħ mal-bewsa ta’ Ġuda, ma nsult faħxi. (Iżda dan id-dnub jiġi maħfur fis-Sagrament tal-Penitenza).

Għalina li nitħabtu biex nimxu fit-triq tal-virtu’, iżda li ma ġejniex imżejna b’doni sopranturali, viżjonijiet u sentimenti kbar ta’ mħabba, għandna nagħmlu l-kuraġġ b’esperjenza ta’ Santa Katarina ta’ Bologna. Butler jirrakkonta hekk dwarha: “… ix-xitan daħħlilha f’moħħha dubji kbar dwar il-preżenza rejali ta’ Ġesu’ fl-Ewkaristija. Dan waqqagħha f’miżerji kbar, sakemm ġurnata waħda Ġesu’ fissirilha kollox u d-dubji ħallewha għal kollox. Hu assiguraha illi jekk il-kuxjenza tagħha hi pura l-effetti tas-Sagrament ma jiddependux minn dak li nħossu… u lanqas id-dubji ma jnaqqsu l-effetti sakemm ma naqblux magħhom. Jerġa’ dawk li jistabru fi provi bħal dawn jiggwadanjaw iżjed bit-Tqarbin tagħhom minn dawk li jħossu konsolazzjoni spiritwali.”

Prattika oħra rrakkomandata mill-qaddisin barra dik tas-smigħ tal-quddiesa u l-parteċipazzjoni tal-Ewkaristija hi dik tal-visti ta’ spiss bħala Adorazzjoni lil Ġesu’ fl-Ewkaristija. San Alfons jinkoraġġixxi lill-erwieħ devoti biex igħaddu kwarta jew nofs siegħa f’Adorazzjoni meta jgħid: “Għandkom tkunu tafu illi fil-kwarta talb li tgħaddu fil-preżenza ta’ Ġesu’ Sagramentat intom tistgħu takkwistaw iktar mill-opri kollha ta’ matul il-ġurnata.” Il-qaddis ikompli: “Iħossu ħniena u devozzjoni kbira dawk li jmorru Ġerusalemm u jinvistaw l-għar fejn twieled Ġesu’, is-sala ta’ fejn ifflaġellawh, l-għolja tal-Kalvarju fejn miet u s-sepulkru fejn ġie midfun, iżda kemm iżjed għandna nħossu aħna meta ninvistaw l-altar li fuqu hemm Ġesu’ stess fis-Sagrament tal-Ewkaristija!”

Santa Tereża t’Avila tgħidilna illi hu mpossibli li s-sudditi kollha jkellmu lir-re tagħhom, u għalhekk ikollhom jikkuntentaw irwieħhom billi jkellmuh permezz tat-terza persuna. “Iżda biex inkellem Lilek, O Re tas-Sema, ma hemmx bżonn ta’ terza persuna, għax kull min irid jista’ jsibeK fis-Santissmu Sagrament.

Il-Knisja wkoll inkoraġġiet il-visti lis-Santissmu Sagrament, sew espost kif ukoll fit-Tabernaklu, u anke kkonċediet indulġenza plenarja lil dawk li jagħmlu vista ta’ nofs siegħa Adorazzjoni quddiem Ġesu’, dejjem bil-kundizzjonijiet meħtieġa li huma qrara fi żmien ġimgħatejn mill-vista, titqarben u titlob skont l-intenzjonijiet tal-Papa, u trid tkun maħlul mir-rabta tad-dnub anke venjal. Dawn il-kundizzjonijiet ma huma xejn meta tikkonsidra illi indulġenza plenarja taħfirlek il-pwieni temporali kollha u tista’ wkoll toffriha għal ruħ fil-purgatorju.

Jekk il-quddiesa, it-Tqarbin u l-Adorazzjoni Ewkaristika għandhom valur spiritwali li ma jistax jitqies, hemm metodu ieħor kif dawn il-grazzji nistgħu nżiduhom għal drabi bla għadd matul il-ġurnata, u dan hu t-Tqarbin spiritwali. Tqarbina spiritwali hija xewqa qawwija li tirċievi l-Ewkaristija meta ma tistax titqarben Sagramentalment. Tista’ tagħmilha billi tesprimi ruħek fi kliemek u tgħid xi waħda mit-talb approvati biex jingħadu.

Fl-24 ta’ Novembru 1922 is-Sagra Kongregazzjoni tal-Indulġenzi approvat din it-talba għal Tqarbina spiritwali: “O Ġesu’, ndur lejn it-Tabernaklu qaddis fejn Inti tgħix moħbi għax tħobbni. Inħobbok, O Alla tiegħi. Ma nistax nirċevik fit-Tqarbin Imqaddes. Ejja xorta waħda u żurni bil-grazzja Tiegħek. Ejja spiritwalment fil-qalb tiegħi. Naddafha. Qaddisha. Agħmilha tixbaħ lil Tiegħek. Ammen.”

web3-eucharist-monstrance-adoration-crucifix-exposition-jesus-george-martell-bostoncatholic-cc-by-nd-2-0

San Alfons Maria de Ligouri Duttur tal-Knisja u fundatur tal-Kongregazzjoni tar-Redentur Qaddis, kiteb ktieb jismu “L-Ewkaristija Qaddisa”, li fih insibu żewġ talbiet li jingħadu bħala Tqarbina spiritwali: “Ġesu’, tiegħi, jiena nemmen li inti tinsab rejalment fis-Santissmu Sagrament. Inħobbok fuq kollox, nixtieq li nilqgħek ġewwa qalbi. La darba ma nistax nirċevik issa Sagramentalment, ejja għandi almenu spiritwalment. Jien nilqgħek qisek inti ġa ġewwa fija u ningħaqad kollni kemm jien Miegħek, u tħallini qatt ninfired Minnek.

“Jiena nemmen illi Int O Ġesu’ tinsab fis-Santissmu Sagrament! Jien inħobboK u nixtieqeK! Ejja ġewwa qalbi. Jiena ngħannqeK miegħi; Oh, tħallini qatt!”

Waħda mill-iktar devoti tat-Tqarbina spiritwali kienet Santa Marija Madalena de Pazzi, li jingħad li kienet tagħmel mill-inqas 50 Tqarbina spiritwali kuljum. Darba kellha viżjoni li fiha rat lil Ġesu’ b’żewġ kalċijiet f’idejh wieħed tal-fidda u l-ieħor tad-deheb. Il-qaddisa fehmet illi ġo tal-fidda kien hemm it-Tqarbin Spiritwali li kienet għamlet waqt illi ġo tad-deheb kien hemm it-Tqarbin Sagramentali tagħha. Jingħad illi kienet tagħmel ukoll 33 vista kuljum lis-Santissmu Sagrament b’tifkira tan-numru tas-snin li Ġesu’ għadda fil-ħajja tiegħu fuq din l-art.

28. L-Istorja tad-Devozzjoni Ewkaristika

3ad03
Sa mill-ibgħad żminijiet il- “Ħobż” u l- “Inbid” tal-Ewkaristija kienu meqjuma bħala l-veru Ġisem u Demm ta’ Ġesu’ Kristu. Prova ta’ dan narawha fl-affreski tal-katakombi mibnija taħt l-belt ta’ Ruma bejn l-1 u t-3 sekli. Hawn naraw ħafna simboli jirrapreżentaw l-Ewkaristija Mqaddsa. Naraw basktijiet ta’ ħobż flimkien ma’ ħut li jfakkru fil-Miraklu ta’ Ġesu’. Fil-katakombi ta’ Callistus naraw pittura ta’ ħuta kbira ħdejn baskett mimli ħobż. Fuq l-faċċata tal-baskett hemm ftuħ (tieqa) u minn ġo fiha tidher tazza mimlija b’inbid aħmar. Ġol-katakombi ta’ Santa Prixxilla l-arkejoloġisti sabu ħobż imnaqqax fil-ħitan b’salib imħaffer fuqhom li hi l-marka tas-salvazzjoni. Dan ifakkarna fi kliem Ġesu’: “

Min jiekol minn dan il-ħobż igħix għal dejjem; u l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja.” (Ġw. 6,52)

Mill-Aħħar Ċena sal-lum il-Knisja dejjem emmnet illi l-Ewkaristija hija Sagrament permanenti għax l-elementi riservati fit-Tabernaklu jibqgħu l-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu anke wara li tispiċċa l-quddiesa; u f’dan ifakkarna l-martirju ta’ San Tarċisju. Mal-medda tas-sekli l-Ewkaristija baqgħet tiġi vvenerata b’iktar unuri u adorazzjoni għax il-Maġisteru tal-Knisja dejjem għallmet illi hemm jinsab il-veru Ġisem u Demm ta’ Kristu.

L-Elevazzjoni tal-Ostja waqt il-Quddiesa

L-elevazzjoni tal-Ostja kif nafuha llum issemmiet l-ewwel darba għal ħabta tas-sena 1200 għalkemm dwar żminijiet aktar bikrin tissemma l-elevazzjoni tal-Ostja qabel it-Tqarbin biex hekk il-poplu kien jara l-Ostja Kkonsagrata. L-elevazzjoni tal-Ostja dritt wara li din tiġi Kkonsagrata daħlet bħala difiża kontra t-tagħlim żbaljat ta’ Pietru Comestor u Pietru Chanter li kienu jgħidu illi l-ħobż ikun għadu ma nbidilx fil-Ġisem Divin meta jiġi Kkonsagrat iżda l-bidla tat-tnejn issir mal-kliem tal-Konsagrazzjoni tal-inbid. Biex jintwera li dan kien tagħlim qarrieq bdiet tiġi elevata l-Ostja hekk kif jingħad il-kliem: “Dan huwa Ġismi”.

Il-Knisja malajr indunat kemm hi ħaġa meritorja li tħares lejn il-Ġisem u d-Demm Divin. Skont Thurston, fiż-Żminijiet tan-Nofs kienet meqjusa illi li tħares lejn l-Ostja kienet l-iktar parti vitali tal-attendenza għall-quddiesa. Fit-18 ta’ Mejju, 1907, il-Papa San Piju X ikkonċieda ndulġenza lil dawk li jħarsu lejn l-Ostja bir-riverenza, fidi u mħabba waqt li jitolbu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi.”

151fe53955bc90559bf7e97183f30e27--catholic-art-roman-catholic

Il-Festa ta’ Corpus Christi

Din il-festa tmur lura għall-viżjoni li kellha Santa Juliana. Fost ħafna viżjonijiet oħra rat il-qamar sħiħ li d-dija tiegħu kienet imċajpra b’tebgħa waħda skura. Fil-kunvent ma setgħux jinterpretaw din id-dehra. Wara ħafna ġranet ta’ talb Juliana semgħet vuċi tas-Sema tgħidilha “Dak li qiegħed jinkwetak hu li fil-Knisja Militanti jonqos festa oħra li nixtieq li titwaqqaf. Hi l-festa ta’ l-Għola u l-Iktar Imqaddes Sagrament tal-Altar. Fil-preżent iċ-ċelebrazzjoni ta’ dan il-misteru hi osservata biss nhar Ħamis ix-Xirka, iżda f’din il-ġurnata jiġu kkunsidrati prinċipalment it-tbatijiet u l-mewt Tiegħi; għalhekk nixtieq li titwaqqaf festa oħra biex tiġi ċċelebrata fost il-Kristjani kollha…

Ingħataw tliet raġunijiet għaliex saret din it-talba:
a) Biex it-twemmin f’dan is-Sagrament ikun ikkonfermat b’din il-festa meta fil-futur jidħlu attakki kontra l-validita’ tiegħu.
b) Biex il-fidili jissaħħu fit-triq tal-virtu’ b’adorazzjoni sinċiera u profonda tas-Santissmu Sagrament.
c) Biex tingħata riparazzjoni għan-nuqqas ta’ qima u mħabba lejn is-Santissmu Sagrament.

Għal 22 sena hi ma qalet xejn lill-qassisin dwar din il-viżjoni, iżda fl-aħħar uriet lil Robert de Thorete Isqof ta’ Liege, lid-Dumnikan Hugh u lil James Pantaleon li kien l-Arċidjaknu ta’ Liege. L-isqof de Thorete sejjaħ sinodu fl-1246. Wara ħafna snin ta’ diskussjoni ġie deċiż illi titwaqqaf festa ta’ ringrazzjament lil Alla għal dan is-Sagrament kbir. Il-Papa Urbanu IV ipprova jxerred din iċ-ċelebrazzjoni mad-dinja kollha. Il-Papa ppublika l-bolla “Transiturus” nhar it-8 ta’ Settembru 1264 fejn ordna illi l-festa ta’ Corpus Christi għandha tiġi ċċelebrata kull sena nhar il-Ħamis wara Ħadd it-Trinita’. Ingħataw ħafna indulġenzi għal dawk il-fidili li jattendu għall-quddiesa u l-uffizzju.

Is-suċċessur tal-Papa Urbanu, jiġifieri Clement IV, kompla ordna li ssir din il-festa. Iżda kien fi żmien il-Papa Ġwanni XXII (1316-1334) illi l-festa bdiet tiġi ċċelebrata bil-purċissjoni tas-Santissmu Sagrament ġewwa Ostensorju. F’ħafna bliet fl-Ewropa l-purċissjoni ssir b’sollennita’ kbira. Tingħata l-Benedizzjoni f’erba’ altari matul il-purċissjoni, jintefgħu fjuri mal-art u t-twieqi jiġu mżejna għall-okkażjoni. Il-qniepen idoqqu kontinwament u ċ-ċelebrazzjoni hija professjoni ta’ fidi u qima lejn is-Santissmu Sagrament.

Il-Benedizzjoni tas-Santissmu Sagrament

Il-Benedizzjoni tikkonsisti fil-kant ta’ ċerti innijiet quddiem is-Santissmu Sagrament espost fuq l-altar f’Ostensorju ta’ metall prezzjuż. L-iktar parti sollenni hi meta s-saċerdot liebes il-kappa bl-Ostensorju f’idejh ibierek bis-sinjal tas-salib lil aduraturi. Benedizzjoni inqas formali hi meta flok bl-Ostensorju l-Barka tingħata bill-pissidi mgħotti b’velu. Jitkanta dejjem it- “Tantum Ergo”.

Espożizzjoni tas-Santissmu Sagrament

Iċ-ċerimonja li fiha s-Santissmu Sagrament joħorġuh mit-Tabernaklu u jitpoġġa f’Ostensorju espost għall-qima tal-fidili ġiet formalment introdotta fis-seklu 14 mal-festa ta’ Corpus Christi.

Fis-seklu 14 fil-Ġermanja u f’Dantzig is-Santissmu Sagrament kien jinżamm f’Ostensorju trasparenti matul il-ġurnata. F’digriet mgħoddi fi Breslau fl-1416 ingħata l-permess biex il-Ġisem ta’ Ġesu’ jkun espost għall-fidili għal xi ġranet fil-ġimgħa. Iżda f’digriet ieħor f’Cologne fl-1452 il-Kardinal Nikola ta’ Cusa pprojbixxa din l-espożizzjoni ħlief biss għall-ottava ta’ Corpus Christi. Matul is-seklu 15 ħafna sinodi ħarġu b’digrieti fejn impedew din l-espożizzjoni għar-raġuni illi tonqos ir-reverenza lejn is-Sagrament.

Fi żmien San Filippu Neri (miet fl-1595) u San Karlu Borromeo (miet fl-1584) bdew jidħlu ħafna varjetajiet ta’ esposiżizzjoni bħal per eżempju dik pubblika u l-oħra privata. F’ċerimonja pubblika l-Ostja titqiegħed f’Ostensorju fuq l-altar jew ġo niċċa ‘l fuq mit-Tabernaklu. F’espożizzjoni privata l-pissidi jitpoġġa ‘l barra mit-Tabernaklu miftuħ. Il-Kanoni 941 igħid illi fejn hemm preżenti s-Sagrament jistgħu jsiru espożizzjonijiet sew privati kif ukoll pubbliċi, iżda dejjem skont in-normi preskritti fil-kotba tal-liturġija. Il-Kanoni 942 jirrakkommanda illi fi Knejjes jew Oratorji bħal dawn darba f’sena ssir espożizzjoni sollenni f’xi ħin matul is-sena, anke jekk ma tkunx kontinwa, biex hekk il-komunita’ lokali tkun tista’ timmedita u tadura dan il-Misteru b’iktar profondita’, iżda din ix-xorta ta’ espożizzjoni tista’ ssir biss fejn ikun hemm numru suffiċjenti ta’ aduraturi u dejjem skont in-normi. Espożizzjoni privata tista’ ssir għal kull kawża tajba u raġjonevoli.

Devozzjoni Ewkaristika ta’ Erbgħin Siegħa

Il- “Quarant Ore” jikkorrispondi mal-erbgħin siegħa li għadda Ġesu’ waħdu fil-qabar. Il-prattika ta’ din il-qima kif nafuha llum bdiet għall-bidu tas-seklu 16 u din id-devozzjoni nfirxet malajr. Is-Sagrament jiġi espost għall-erbgħin siegħa, u din id-devozzjoni tista’ ssir f’kull żmien tas-sena. L-idejali hu li l-espożizzjoni tibqa’ sejra wkoll matul il-lejl, iżda fejn dan ma jistax isir id-devozzjoni tieqaf għal matul il-lejl. Il-Papa Pawlu III ikkonċieda ndulġenzi għal din id-devozzjoni. F’ħafna bliet kbar u stati fl-Ewropa u anke fl-Istati Uniti l-isqfijiet irranġaw biex din id-devozzjoni ma taqta’ qatt matul is-sena fid-djoċesi tagħhom, hekk illi l-“Quarant Ore” waqt li jispiċċaw ġo Knisja jibdew f’oħra.

repar-20-sjwL-Adorazzjoni Perpetwa

L-Adorazzjoni Perpetwa hi l-espożizzjoni tas-Santissmu Sagrament li tibqa’ għaddejja bla ma tieqaf lejl u nhar għal żmien twil, u li matulha erwieħ tajba jieħdu sehem kif imisshom bħala aduraturi.

Probbabilment l-iktar antika u l-itwal każ ta’ adorazzjoni perpetwa kienet dik li saret għal aktar minn tul ta’ 1000 sena fil-Katidral ta’ Lugo fi Spanja bħala tpattija għall-ereżija Prixxillana tar-4 seklu. Din jirreferi għaliha f’ittra uffiċjali miktuba mill-Kardinal Vaughan fl-1895 lill-Kardinal Primat ta’ Spanja.

Fl-4 ta’ Settembru 1226 ir-Re Luiġi VIII ta’ Franza talab biex is-Santissmu Sagrament jiġi espost għall-adorazzjoni fil-kappella tas-Salib Imqaddes bħala ringrazzjament għar-rebħa li kellu reċentament fuq is-setta tal-Albagesi. Tant kien hemm folol ta’ aduraturi illi l-Isqof Pierre de Corbie ħasibha li jkompli l-adorazzjoni bil-lejl u bi nhar. Din l-adorazzjoni damet sejra tul 500 sena meta ġiet imwaqqfa fl-1793, iżda reġgħet bdiet mill-ġdid fl-1829.

L-Adorazzjoni Perpetwa żviluppat wara li twaqqfet id-devozzjoni tal- “Quarant Ore”. Wara li din l-Adorazzjoni Perpetwa kienet osservata f’ħafna Knejjes f’Ruma, bil-mod il-mod infirxet mad-dinja kollha. Din id-devozzjoni hi l-mira speċjali ta’ ħafna għaqdiet devoti u kongregazzjonijiet reliġjużi. Illum bis-saħħa ta’ sforzi diliġenti min-naħa tal-lajċi u l-kleru, l-Adorazzjoni Perpetwa tas-Santissmu Sagrament kull ma jmur qegħda dejjem tintxered speċjalment fl-Istati Uniti.

Kungressi Ewakristiċi

Kungress Ewakristiku hija laqgħa internazzjonali ta’ saċerdoti u lajċi, mmexxiha minn legat tal-Papa, bl-iskop li jiċċelebraw u jagħtu glorja lil Ewkaristija u biex isibu l-aħjar mezzi ta’ kif ikabbru l-għarfien u l-imħabba għal dan is-Sagrament mad-dinja kollha. Dan ikun immexxi minn kumitat permanenti ta’ saċerdoti, reliġjużi u lajċi minn ħafna pajjiżi kif ukoll minn rappreżentanti ta’ organizzazzjonjiet nazzjonali u internazzjonali. Fil-konklużjoni ta’ kull Kungress il-kumitat jipperpara volum bid-dettalji ta’ kull sar.

Marthe Marie Tamissier, mara twajba mwielda f’Tours Franza fl-1834, kienet hi l-ewwel darba ħarġet bl-ideja ta’ laqgħat li llum insejjħulhom Kungressi Ewkaristiċi. Tant kemm għamlet enfasi l-isqof Gaston de Segur organizza laqgħa fl-Universita’ ta’ Lille nhar l- 21 ta’ Ġunju 1881 u fiha attendew eluf ta’ fidili minn diversi nazzjonijiet. Din il-laqgħa ġiet magħrufa bħala l-Ewwel Kungress Ewkaristiku. It-Tieni Kungress sar f’Avignon fi Franza fl-1882. It-Tielet sar Ruma fl-1905. Hawn il-Papa Piju X qaddes il-quddiesa tal-ftuħ u kien preżenti fil-purċissjoni tal-għeluq.

Mill-ewwel Kungress tal-1881 sas-sena 1985 saru 43 Kungress Ewkaristiku internazzjonali f’pajjiżi differenti fid-dinja.

27. Levitazzjonijiet

f4n0112aDan huwa fenominu mistiku fejn il-ġisem jintrefa’ fl-arja mingħajr ebda għajnuna fiżika. Dan insibuh fil-ħajja ta’ aktar minn 200 qaddis jew erwieħ twajba. Dan jurina kemm it-talb huwa r-refgħa tal-qalb u tal-moħħ lejn Alla. Santa Tereża t’Avila tgħidlina li kellha ħafna esperjenzi ta’ levitazzjonijiet.

San Franġisk Solano (miet fl-1610) spiss kien jidher fl-arja ftit piedi ‘l fuq mill-art waqt li jkun jiċċelebra l-quddiesa.

Il-bijografu P.Tannoia, li kiteb il-ħajja ta’ San Alfons Maria Ligouri (miet fl-1787), jirrakkonta illi meta darba hu stess kien jiċċelebra l-quddiesa lemaħ lil San Alfons jintrefa’ fl-arja minkejja l-fatt illi kienu wassluh fil-kappella b’diffikluta’ kbira għax il-qaddis dakinhar kellu madwar id-disgħin sena.

Santa Angela Merici (mietet fl-1540) il-fundatriċi tal-Ursulini, darba waqt quddiesa ġiet merfugħa mill-art quddiem il-kongregazzjoni kollha u baqgħet għal tul ġmielu ta’ ħin f’din il-pożizzjoni.

San Arey, Isqof ta’ Gap (miet fis-sena 604) kien jgħaddi sigħat twal billejl quddiem it-Tabernaklu. Probus, li kiteb il-bijografija tal-qaddis, igħidilna illi hu stess kemm -il darba ra lil Arey maqtugħ mill-art fl-arja mdawwar bl-anġli. F’ħinijiet bħal dawn il-knisja kollha kienet tkun ħuġġieġa b’dawl tas-Sema.

Meta San Pietru Calestine (miet fl-1274) mar Ruma biex iġib l-approvazzjoni tal-Ordni Reliġjuża li kien għadu kif waqqaf, l-assistenti tal-Papa billi kienu semgħu bil-grad kbir ta’ qdusija li kien laħaq talbuh iqaddes għal Papa. Hekk kif beda jiċċelebra l-quddiesa ġiet merfugħ fl-arja u baqa’ hekk sakemm spiċċat il-quddiesa.

Il-Papa San Ċelestinu V wara li abdika ġie mitfugħ il-ħabs. Darba waqt li kien jiċċelebra l-quddiesa l-gwardji tiegħu baqgħu miblugħa meta rawh merfugħ fl-arja u mdawwar b’dija kbira.

San Franġisk ta’ Posadas (miet fl-1713) fl-estasi tiegħu kien spiss jidher merfugħ mill-art u mdawwar b’dija tal-għaġeb. Darba waqt li kien jippronunzja l-kliem tal-Konsagrazzjoni daħal f’estasi u baqa’ merfugħ fl-arja sakemm spiċċat il-quddiesa. Deher ukoll imdawwar b’dija kbira.

San Ġwann tas-Salib (miet fl-1734) waqt l-estasi tiegħu kien ikun spiss merfugħ fl-arja. Meta kien qiegħed jinbena l-monasteru hu kien jgħin lil ħaddiema fix-xogħol. Darba ma marx ħdejhom u meta marru jfittxuh sabuh f’kontemplazzjoni profonda u maqtugħ mill-art sa mogħla s-saqaf ġewwa l-kappella.

San Ġużepp ta’ Copertino (miet fl-1663) kien bniedem ta’ penitenzi ħorox u sawm kważi kontinwu. Kien isib ruħu merfugħ fl-arja f’estasi ta’ mħabba tista’ tgħid f’kull quddiesa. Darba waħda f’Ħamis ix-Xirka waqt li kien jitlob ma’ patrijiet oħra quddiem l-altar tar-ripożizzjoni l-qaddis intrefa’ mill-art u resaq lejn il-bieba fejn kien miżmum is-Santissmu Sagrament. Baqa’ hemm f’adorazzjoni profonda sakemm sejjaħlu s-superjur tiegħu.

Darba meta għamel vista Napli, kien qiegħed jitlob fil-knisja ta’ San Girgor ta’ Armenia li kienu jieħdu ħsiebha s-sorijiet ta’ San Ligorio. F’daqqa waħda ntrefa’ fl-arja u tar lejn l-altar. Baqa’ hemm b’idejh miftuħa forma ta’ salib u wara ftit tal-ħin reġa’ f’postu bla ma nħaraq bix-xemgħa kif kienu beżgħu li kien sejjer jiġrilu s-sorijiet li rawh.

Waqt li wieħed mill-vjaġġi tiegħu Giuseppe u sieħbu daħlu ġo knisja. Billi l-lampier ma kienx jixgħel sieħbu staqsieh jekk kien hemm is-Sagrament. Iżda f’daqqa waħda l-qaddis tar lejn it-Tabernaklu u hemm qagħad jadura s-Santissmu Sagrament.

Darba waħda lejliet il-Milied Giuseppe stieden xi rgħajja biex immorru miegħu ħalli jiċċelebraw it-twelid tal-Messija. Waqt il-funzjoni hu ntrefa’ fl-arja u resaq lejn l-altar maġġur, u din kienet distanza ta’ madwar 40 pied. Baqa’ hemm daqs kwarta bla ma mess max-xemgħa jew qabbad ħwejjġu.
F’Nardo, fejn qagħad għal xi żmien, rawh jintrefa’ f’estasi fil-knisja ta’ San Franġisk. Darb’oħra waqt il-litanija tal-Madonna deher itir lejn l-altar tal-Kunċizzjoni u lura f’postu.

Fl-1645 l-ambaxxatur Spanjol l-Ammiral ta’ Castile flimkien ma’ martu għadda minn Assisi bil-ħsieb li jiltaqa’ ma San Giuseppe ta’ Copertino. Waqt li kien fil-knisja l-qaddis ħares lejn statwa tal-Kunċizzjoni u tar fuq l-irjus tan-nies u mar f’riġlejn ix-xbieha. Wara li dam jitlob għal xi ħin tar lura u baqa’ sejjer lejn iċ-ċella tiegħu. Dan l-inċident għaġġeb l-Ammiral u lil kull min kien miegħu.

Dawn kienu xi eżempji ta’ qaddisin li kellhom levitazzjonijiet fil-preżenza tas-Santissmu Sagrament.

26. Dmugħ, Nar u Dawl

alphonsus-adoring.jpg

Santa Joan ta’ Valois (mietet fl-1505) bint ir-re ta’ Franza Luiġi XI kienet miżżewġa lid-Duka ta’ Orleans. Ma damx ma taha l-ġenb u hi rtirat lejn Bourges u waqqfet l-Ordni tal-Annuzjoni tal-Verġni Mbierka. Jingħad illi kull darba li kienet titqarben kienet ixxerred ħafna dmugħ. Il-qaddisa kellha ħafna viżjonijiet ta’ Ġesu’ u l-Verġni Mbierka u sofriet ħafna fil-mard tagħha.

San Lawrenz Ġustinjanu (miet fl-1455) kien Superjur tal-Ordni tiegħu u anke l-ewwel patrijarka ta’ Venezja. Jingħad li kien ixerred ħafna dmugħ u anke jidħol f’estasi waqt li kien joffri s-sagrifiċċju tal-quddiesa.

Santa Chiara (mietet fl-1253) ukoll xerrdet dmugħ ta’ mħabba quddiem is-Santissmu Sagrament. Tant kienet tibki li kienu jaħsbu li qalbha kienet ser tinqasam. Sabet faraġ u hena kbar fil-viżti li kien igħamlilha Ġesu’ waqt il-mard u s-sofferenzi tagħha.

San Feliċ ta’ Cantalice (miet fl-1587), ajk umli tal-Ordni Kapuċċin xerred kemm -il darba dmugħ ta’ mħabba waqt li kien jassisti l-quddiesa. Ma kienx ikun kapaċi jlissen it-talb bħal “Nistqarr ‘l Alla…” jew “il-Mulej ma jistħoqqlix…” Kien jinżel mal-lejl bil-moħbi ta’ sħabu jadura lil Ġesu’ fil-kappella, u hawn kien jibki ħafna hu u jitlob għall-midinbin. Darba meta kellu fuq 70 sena (kif jirrakkonta Patri Lupus) waqt l-adorazzjoni tiegħu ta’ mal-lejl resaq lejn statwa tal-Madonna u talabha tagħtih f’idejh it-tarbija Ġesu’. U l-Madonna newlitlu it-Tarbija f’idejh. Dan rassu ma’ qalbu fost ħafna tixrid ta’ dmugħ.

San Franġisk Solano (miet fl-1610) minn Spanja, kien żagħżugħ twajjeb u kontemplattiv. Kien jitqarben spiss u ħajjar oħrajn biex jagħmlu bħalu. Ta’ 20 sena daħal fl-Ordni Franġiskana. Fl-1589 telaq ma’ patrijiet oħra lejn il-missjoni fil-Peru. Għammed ‘l fuq minn 9,000 ruħ. Bħal ħafna qaddisin oħra ma kienx iqaddes jekk ma jxerridx ħafna dmugħ. Minħabba f’hekk kien ikollu jiġi assistit minn patri ieħor waqt is-sagrifiċċju tal-quddiesa.

San Franġisk ta’ Posadas (miet fl-1713) billi waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa kien iħossu ndenn li jieħu f’idejh lil Ġesu’ kien jinfexx f’biki kontinwu. Waqt l-elevazzjoni ġismu kollu kien jirtogħod. Fenomenu ieħor kien illi wara l-estasi li kien ikollu kien jisfa’ mdawwar b’dawl qawwi, il-ġilda tiegħu kienet issir trasparenti u ħaddejh isiru ħomor nar. Darbtejn fi żmien tal-Għid il-Ħamsin dawl sabiħ ħareġ minn ġismu u dawwal l-altar. Jingħad illi darba oħra raġġi ta’ dawl ħarġu minn fommu u dawlu l-missal li kellu f’idejh.

Fenomenu ieħor narawh fil-ħajja ta’ San Alfons Maria de Ligouri (miet fl-1787). Għodwa waħda l-qaddis kien jaqra quddiem is-Santissmu Sagrament u daħlu xi patrijiet fil-knisja li kienet kważi fid-dlam. Stagħġbu ħafna meta raw raġġ ta’ dawl ħiereġ minn ġbin il-qaddis u jdawwallu l-ktieb li kellu f’idu.

Sant’ Injazju ta’ Loyola, (miet fl-1556) il-fundatur tal-Ordni tal-Ġiżwiti, kien tant jibki bil-ferħ waqt is-sagrifiċċju tal-quddiesa illi l-istess taħbita ta’ qalbu kienet tinstema’ ċar ħafna. Naqraw illi darb’oħra waqt il-quddiesa Patri Nikola Lannoy, lemaħ fjamma tan-nar iddur fuq ras Sant’Injazju. Dan kien sejjer jitfiha, iżda malajr intebaħ illi wiċċ il-qaddis kien jixhed li kien mitluf f’kontemplazzjoni u li l-fjamma ma kienet tagħmillu l-ebda ħsara.

clareManifestazzjoni oħra ta’ nar narawha fil-ħajja ta’ San Filippu Neri (miet fl-1595) il-fundatur tal-Kongregazzjoni tal-Oratorju. Jingħad illi tant kellu mħabba għal Alla illi qalbu ma kinitx tiflaħ għaliha u hekk inkisrulu żewġ kustilji. Terġa’ qalbu kienet tant tħeġġeġ b’din l-imħabba li din l-istess imħabba kienet tqabbad lil ġismu bis-sħana. Waqt it-talb kont tara xrar tan-nar joħorġu minn għajnejh u minn wiċċu hekk kif issemma fid-Digrieti tal-Kanonizazzjoni tiegħu. Dan in-nirien ta’ mħabba li kien iħoss fil-ġisem tiegħu kien iġegħlu jiftaħ it-twieqi anke fix-xitwa biex iżomm temperatura normali. Ħafna drabi dan in-nar kien jikkaġunalu ħass ħażin, u għalkemm ma kellu l-ebda sinjal ta’ mard kien ikollu joqgħod fis-sodda għall-ġranet sħaħ.

Din il-fjamma mistika narawha wkoll iddawwar lis-serva t’Alla Joanna tas-Salib. Darba f’lejlet il-Milied waqt li kienet titlob ġietha xewqa kbira biex tirċievi l-Ewkaristija. Billi ma setgħetx trażżan din ix-xewqa talbet permess mingħand il-konfessur tagħha. Wara li tqarbnet ħaddejha xegħlu bi fjamma tas-Sema; u din qabel tqarbnet kienet pallida daqs katavru.

It-“tallab qaddis ta’ Ruma” Benedittu Giuseppi Labre (miet fl-1738) kien jinxtegħel b’nar divin waqt li kien ikun fil-preżenza tas-Santissmu Sagrament. Meta ma jkunx qiegħed jitlob wiċċu kien ikun bla kulur, iżda matul is-sitt sigħat li kien jagħmel quddiem it-Tabernaklu n-nar tal-imħabba li kellu f’qalbu għal Alla kien jixgħel lil wiċċu.

San Ġwann Giuseppe tas-Salib (miet fl-1734) kien ikollu estasi ta’ spiss fejn kien ikun insensibbli għal kull ma kien jiġri madwaru. Spiss rasu kienet tidher imdawwra b’dawl sopranaturali jew wiċċu jiddi b’dija tas-Sema.

San Ġwann tas-Salib (miet fl-1591) kien spiss ikun b’dija madwaru. Jingħad illi darba waqt quddiesa minn tiegħu student rah hekk imdawwar b’din id-dija u tant impressjona ruħu li daħal fil-ħajja reliġjuża.

Fil-kunvent ta’ Caravaca, meta kienet ser tiġi eletta xi prijura ġdida, San Ġwann kien iqaddes quddiesa u fiha kien jitlob biex issir għażla tajba skont ir-rieda t’Alla. Darba waqt quddiesa bħal din dawl sopranaturali ħeba dan il-qaddis. Żewġ sorijiet ħasbu li dan kien ġej mit-Tabernaklu, iżda meta l-qaddis dar lejhom deher ċar illi dak id-dawl kien ħiereġ minn wiċċu. Soru oħra li kienet wara grada differenti rat l-istess ħaġa.

Santa Maria Madalena de Pazzi (mietet fl-1607) kienet magħrufa għall-imħabba kbira li kellha lejn Ġesu’ Ewkaristija u għall-estasi li kien ikollha. Waqt in-novizzjat tagħha mardet ħafna u waqt li kienet fl-infermerija daħlet f’estasi. Is-siegħa li għaddiet f’din l-estasi wiċċha ddawwar b’dija tal-għaġeb.

Ġurnata waħda meta San Pietru ta’ Alcantara (miet fl-1562) kien għadu żagħżugħ dam ħafna ħin il-knisja wara li assista għall-quddiesa. Meta għadda nofsinhar ommu bagħtet qaddej ifittxu. Il-qaddis kien qiegħed ġol-kor għarkupptejh wara l-orgni u wiċċu kien jiddi b’dawl tas-Sema. Kien tant mitluf fil-kontemplazzjoni illi l-qaddej kellu diffikulta’ kbira biex iqajjmu.

Father A. Tanquerey fit-trattat tiegħu “The Spiritual Life” (nru. 1519) igħidilna illi l-estasi ħafna drabi jkunu akkumpanjati bil-fenomenu ta’ dija jew ċirku madwar ir-ras jew dija li ddawwal il-ġisem kollu, u dan skont it-tagħlim tal-Papa Benedittu XIV. Il-qaddisin imsemmija f’dan il-kapitlu kollha laħqu l-kriterja meħtieġa skont Benedittu XIV.

 

25. Vuċijiet u Viżjonijiet

151fe53955bc90559bf7e97183f30e27--catholic-art-roman-catholicĦafna qaddisin kellhom ix-xorti li jisimgħu lil Ġesu’ jkellimhom mill-Ostja Kkonsagrata. Wieħed minn dawn kien San Pawl tas-Salib (miet fl-1775) li kien fundatur tal-Passjonisti. Dan Pawlu kien inkiteb biex imur fi kruċjata kontra t-Torok, iżda vuċi mit-Tabernaklu sejħitlu biex iwaqqaf Ordni Reliġjuża.

Santa Kjara t’Assisi semgħet il-vuċi ta’ Ġesu’ meta s-Saraċini ħabtu għall-monsasteru ta’ San Damiano fi Spoleto. Hi kienet il-fundatriċi ta’ dan il-monasteru. Meta ndunat illi l-għadu kien wara l-bieb, hi bil-għajnuna tas-sorijiet l-oħra, ġarret is-Sagrament ġo kaxxa tal-fidda wara dan l-istess bieb u mixħuta fuq irkopptejha talbitu bil-ħerqa għal dik il-merħla bla għajnuna ta’ ħadd. Vuċi qisha ta’ tifel żgħir instemgħet tgħidilha: “Jien se nibqa’ dejjem nieħu ħsiebkom.” U hekk ġara għax meta s-suldati lemħu l-Ostja qabadhom biża’ kbir u rtiraw b’ħeffa kbira.

Kunvent ieħor tas-sorijiet ta’ Santa Chiara jismu Betlehem safa’ l-mira ta’ attakki minn eretiċi. Is-sorijiet beżgħu ħafna bl-aħbar ħażina iżda nqalgħu xi ħbieb li ħarġu lis-sorijiet f’post ta’ kenn. Meta waslu s-suldati pprofonaw il-kunvent u serquh. Iżda grupp ta’ suldati Irlandiżi flimkien ma’ xi kattoliċi ltaqgħu magħhom fi triqthom lura u qatlu lil dawn il-120 eretiku. Kulħadd qal illi dan sar b’intervent divin.

Is-serva t’Alla Katarina ta’ Ġesu’ (mietet fl-1594) li kienet soru Karmelitana Skalza, semgħet vuċijiet ta’ anġli jkantaw meta lejla waħda kienet titlob u ddispjaċuta li f’ħafna knejjes ma hemmx min jadura lil Ġesu’. Il-melodija tal-anġli fost dwal li jgħammxu kienet tgħid hekk: “Benedizzjoni u glorja u għerf u ringrazzjament, unur u setgħa lil Alla tagħna għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.” Hekk Katarina fehmet illi l-anġli jpattu għat-traskuraġni tal-bnedmin.

San Filippu Neri (miet fl-1595) f’quddiesa ta’ lejliet il-Milied preċis wara l-konsagrazzjoni ra l-Ostja tinbidel fit-Tarbija Ġesu’, li l-ġmiel tal-viżjoni bniedem ma jasalx biex jiddeskrivi. F’okkażjonijiet oħra San Filippu ġie li ra qtajja kbar ta’ anġli u l-glorja tal-ġenna fl-istess Ostja Kkonsagrata.

San Lawrenz Brindisi, Naplitan li kien iħaddan l-Ordni Kappuċċina kien spiss jidħol f’estasi. Darba eżatt wara l-konsagrazzjoni fl-Ostja ra s-Salvatur Divin taħt forma ta’ tifel żgħir u dan deher jikkarezza u jitbissem lil Lawrenz. Patri Adam de Rovigo li kien ħdejh ra wkoll lit-Tarbija Ġesu’. Dan insibuh imniżżel fil-ħajja ta’ San Lawrenz.

Waqt li San Waltheof (miet fl-1159), li kien Patri fl-Ordni Ċisterċina, kien darba waħda jiċċelebra l-quddiesa nhar il-Milied kellu dehra oħra. Eżatt wara l-konsagrazzjoni daħal f’kontemplazzjoni profonda u flok l-Ostja ra f’idejh it-Tarbija Ġesu’. Wara li adurah poġġieh fuq l-altar u wara ma rax ħlief l-Ispeċi. Dan il-Miraklu jirrakkontah il-konfessur tiegħu Everard.

Darba, nhar il-Milied, Santa Katarina ta’ Siena kienet titlob quddiem presepju, u hemm il-Verġni tatha t-Tarbija Ġesu’ f’dirgħajha. Wara li kkarezzatu u kellmitu b’imħabba kbira newlitu lura lil Marija. Wara, waqt il-quddiesa rat lit-Tarbija Divina fl-Ostja. Minn ħdanu kienet ħierġa dielja mimlija għeneb li kienu jiekluhom b’reverenza kbira klieb li kienu suwed u bojod. Katarina nterpretat din il-viżjoni bħala tħabbira ta’ riforma li kellha ssir fil-Knisja bis-saħħa tal-Ordni Dumnikana. Hi stess kienet soru ta’ din l-Ordni li l-ilbies (abitu) tagħhom hu ta’ kulur abjad u iswed.

Santa Tereża t’Avila kellha viżjonijiet ta’ Ġesu’ fl-Ostja Kkonsagrata bħala bniedem f’ħinijiet differenti tal-Passjoni Tiegħu, kif ukoll wara li rxoxta. Dan nafuh mill-kitba dwar il-ħajja tagħha miktuba minnha stess.

Santa Columbia ta’ Rieti (mietet fl-1501) kien spiss ikollha viżjonijiet u estasi, u li jixhdulna għalihom ommha u l-konfessur tagħha. Il-bijografu tagħha Sebastian ta’ Perousa jirrakkonta illi darba waqt l-elevazzjoni tal-Kalċi Columbia rat lil Ġesu’ msallab fuq is-salib, musfar u mejjet. Ġenbu kien minfud bil-lanza u rasu tnixxi d-demm minn taħt il-kuruna tax-xewk. Il-qaddisa talbet lill-konfessur tagħha jitlob biex ma jkollhiex iżjed viżjonijiet oħra bħal din għax ħassitha ser tmut bid-dulur.

San Ġwann ta’ San Facundo li kien Patri Agostinjan (miet fl-1479) kellu x-xorti li jara lil Ġesu’ fl-Ostja Kkonsagrata għal ħafna drabi, u dan għenu jneħħi kull diffikulta’ dwar li jifhem dan il-misteru qaddis.

Is-serva t’Alla Anna Maria Taigi li kienet mara tad-dar, omm u ruħ mistika darba deherilha Ġesu’ fl-Ewkaristija. Rat ġilju sabiħ u miftuħ u f’din il-fjura lemħet lis-Salvatur ta’ ġmiel sopranaturali qisu qiegħed fuq tron. Semgħet ukoll vuċi tgħidilha: “Jiena l-fjura tal-għalqa, l-ġilju tal-wied. Jiena tiegħek biss.”

Santa Marija Margerita Alacoque, li xerrdet id-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Ġesu’, kienet darba għarkupptejha f’kontemplazzjoni profonda quddiem is-Santissmu Sagrament meta deherilha Ġesu’ u rregalalha l-privileġġ singulari li tpoġġi rasha fuq qalbu. Ġesu’ hawn urieha l-imħabba kbira li għandu lejn il-bniedem u l-misteri moħbija tal-Qalb Divina Tiegħu.

24. Tqarbin Mirakuluż

anjodeportugal

Fis-seklu 4, waqt il-persekuzzjoni tal-impertaur Djoklezjanu, nsibu lil San Klement Isqof ta’ Ancyra maqful il-ħabs fost ħafna torturi. Il-priġunieri sħabu baqgħu mpressjonati bil-qdusija tiegħu u ħafna tgħammdu minn idejh. Kien ikellimhom u jgħallimhom tard matul il-lejl. Darba waqt waħda mill-laqgħat iċ-ċella ddawwlet u deher ġuvni sabiħ bi ħwejjġu jleqqu. Resaq lejn l-isqof u newwillu Kalċi u Ostja. San Klement qassam l-Ostja u l-kontenut tal-Kalċi bejn sħabu, u hekk l-għada sebħu ferħana u msaħħa biex jirċievu l-martirju.

San Paschal Baylon (miet fl-1592) irċieva ħafna Tqarbin li sar b’Miraklu. Kien ajk Franġiskan, iżda bħala tfajjel kien jirgħa l-merħla ta’ missieru, u waqt li kien ikun qalb il-muntanji kien jinżel fuq irkupptejh hekk kif jisma’ d-daqq tal-qanpiena li kienet tindika l-konsagrazzjoni waqt il-quddiesa. U hawn kien jiġi anġlu jqarbnu. Kellu mħabba kbira lejn l-Ewkaristija u meta seta’ kien jgħaddi sigħat għarkupptejh f’estasi quddiem it-Tabernaklu.

Minħabba fl-umilta’ tiegħu San Bonaventura (miet fl-1274) għamel xi żmien ma jersaqx għat-Tqarbin, iżda darba waqt li kien jimmedita fuq il-Passjoni ta’ Kristu fil-quddiesa, Ġesu’ biex jinkuruna l-imħabba u l-umilta’ ta’ din ir-ruħ bagħat anġlu jqarbnu b’parti mill-Ostja Kkonsagrata li kellu f’idu s-saċerdot. Butler jikteb illi minn hawn ‘l quddiem baqa’ jitqarben bla ebda skrupli.

Sebastian ta’ Persousa jikteb illi darba billi Santa Columba ta’ Rieti (mietet fl-1501) ma setgħetx tattendi għall-quddiesa talbet lill-Madonna tgħinha biex tiltaqa’ ma’ Ġesu’. Wara ftit mumenti deher anġlu b’Ostja f’idu u qarbinha.

Is-serva t’Alla Katerina ta’ Ġesu’ (mietet fl-1594) kien ikollha xewqat kbar li tirċievi l-Ewkaristija u hekk narawhom jinqatgħu b’modi straordinarji. Fost ħafna oħrajn narawha tterraq lejn knisja Karmelitana li għalkemm sabitha magħluqa jasal saċerdot u dan fetaħ il-bieb. Meta daħlet tara tliet reliġjużi fuq l-altar jagħmlulha s-sinjal biex titla’ titqarben. Wara it-Tqarbin daħlet f’estasi profonda fejn ġie rrivelat lilha li dawk kienu anġli mibgħuta minn Alla għat-talba tagħha.

Fi żminijiet iktar riċenti fl-1917 naraw lit-tliet it-tfal ta’ Fatima waqt waħda mill-ewwel dehriet li kellhom. Deher anġlu bl-Ostja u l-Kalċi f’idu u wara li talab magħhom biex iberrdu l-korla t’Alla kontra l-ħażen fid-dinja qarbinhom it-tlieta.

Fil-ħajja ta’ San Stanislaus Kostka (miet fl-1568) naqraw illi darba waqt li kien marid serjament u kien alloġġjat għand familja luterana xtaq ħafna li jirċievi l-Ewkaristija. Talab lil Santa Barbara. Din dehert flimkien ma’ anġlu u ġabitlu l-Ewakristija.

Is-serva t’Alla Anna Maria Taigi (mietet fl-1837) minkejja li kienet mart raġel ribelluż u omm ta’ seba’ wlied kuljum sabet ħin għall-quddiesa u t-Tqarbin. Darba waqt il-quddiesa fil-knisja ta’ San Karlu fil-ħin ta’ l-“Agnus Dei” l-Ostja taret minn idejn is-saċerdot u waslet bla ħadd ma jaf kif fuq xofftejn Anna Maria.

Is-serva t’Alla Joanna tas-salib (mietet fl-1673) bdiet ordni reliġjuża ta’ sorijiet tal-klawsura. Fi żmien għaks kbir din kienet tipprovdilhom l-ikel b’mod Mirakuluż. Hi tgħid illi waqt il-quddiesa ferħ kbir kien jidħol f’qalbha tant li ġisimha kollu kien jirtogħod.

Xi qaddisin bħal San Lawrenz ta’ Brindisi (miet fl-1619) li kien Kappuċin, kellhom ix-xorti li jirċievu l-Ewkaristija minn idejn Ġesu’ nnifsu. Kien kappillan tal-armata mperjali ta’ Praga. Wara battalja qalila bejn l-insara u t-Torok li dehret li ntrebħet b’Miraklu. Ġesu’ deher lil San Lawrenz u s-suldati miegħu u amministralhom l-Ewkaristija minn idejh. Spiss kien jidħol f’estasi waqt is-sagrifiċċju tal-quddiesa.

Jingħad illi San Onorju (seklu sitta) vjaġġa sal-katidral ta’ Acheolus biex jieħu sehem fil-quddiesa fil-kappella tal-Verġni Mbierka. Waqt il-quddiesa kien Ġesu’ stess li deherlu u qarbnu.

Santa Katerina ta’ Siena narawha ħafna drabi tirċievi l-Ewkaristija b’mod Mirakuluż. Il-pirjol tal-monasteru tas-sorijiet Dumnikani kien ta’ ordni lis-saċerdoti biex b’ubbidjenza ma jqarbnux lil Katarina; u dan la hi u lanqas sħabha s-sorijiet ma kienu jafu għaliex. Katarina aċċettatha bħala r-rieda t’Alla. Iżda mat-tieni darba li ġara dan l-altar iddawwar b’dawl sabiħ u fuqu dehret it-Trinita’ Qaddisa. Dehret ukoll id tan-nar iżżomm l-Ostja. Din l-Ostja ġiet poġġutha fuq ilsien Katarina li kienet mitlufa f’estasi.

Is-serv t’Alla Raymond ta’ Capua kiteb il-ħajja ta’ din il-qaddisa fejn jgħidilna illi darba waqt li kien iqaddes u s-soru ma kinitx preżenti, hu meta qasam l-Ostja wara l-konsagrazzjoni din inqassmet fi tlieta flok fi tnejn. Il-parti ż-żgħira raha tinżel fuq il-korporal u ma seta’ jsibha mkien. Wara l-quddiesa ħalla l-għassa mal-altar u mar jikkonferma d-dubji tiegħu ma’ Katarina jekk kinitx irċevietha Mirakulużament. Katarina aċċertatu illi l-Għarus Divin kien ġabilha u hi tqarbnet minn idejh.

Santa Maria Madalena de Pazzi (mietet fl-1607) kienet soru Karmelitana. Din irċeviet Tqarbina Mirakuluża għal tliet darbiet. L-ewwel waħda ġrat nhar il-Ħamis ix-Xirka tal-1585 meta kellha 19 -il sena u kienet għadha novizza. Ġa kien ikollha estasi, u f’waħda minn dawn hi rċeviet l-Ewkaristija minn idejn is-Salvatur. Nhar is-7 t’Awwissu tal-istess sena waqt diskussjoni twila mar-Redentur fil-ħin tal-quddiesa qarbinha Ġesu’ stess. L-aħħar Tqarbina ġrat nhar il-Ħamis ix-Xirka tal-1592 waqt li kienet tipparteċipa fil-Passjoni ta’ Kristu.

Santa Maria Franġiska tal-Ħames Pjagi (mietet fl-1791) irċeviet l-Ewkaristija Mirakulużament waqt li Dom Cervellino kien jiċċelebra l-quddiesa. Fil-ħin tal-“Agnus Dei”l-Ostja sparixxiet minn idejh. Wara li nvestiga sab li l-Ostja kienet fuq ilsien Maria. F’okkażjoni oħra meta kienet mitlufa f’estasi, sabitha diffiċli biex tqum u tmur titqarben, u hekk talbet bil-qalb lil Alla biex tirċievi lil Ġesu’. U hekk l-Ostja telqet mill-pissidi u marret f’ħalq Maria.

L-istigmatista Therese Neumann (mietet fl-1962) irċeviet kemm -il darba Tqarbin Mirakulużament. L-Ostja kienet issib ruħha fuq ilsien Therese mingħajr ma kien ikun tahielha s-saċerdot. Spiss fil-ħin tat-Tqarbin Therese kienet tkun f’estasi u Ġesu’ kien iqarbinha hu stess.

23. Estasi

Eucharistic-adoration-1160x480ESTASI

L-estasi huwa stat starordinarju li fih Alla jerfa’ r-ruħ għall-kontemplazzjoni sopranaturali. Xi drabi illi r-ruħ tħalli l-ġisem u ttir lejn is-Sema.

Xi estasi huma qosra bħal dik ta’ Santa Katarina ta’ Genoa (mietet fl-1510). Din kienet tibda waqt il-quddiesa iżda dejjem reġgħet ġiet f’sensiha sa ħin t-Tqarbin.

San Franġisk Saverju (miet fl-1552) ġie li kellu estasi għall-ġurnata sħiħa.

Sant Injazju ta’ Loyola (miet fl-1556) kien jieħu mill-inqas siegħa bħala preparazzjoni għall-quddiesa. Is-sagrifiċċju kien jeħodlu ħafna iktar minn siegħa.

San Franġisk Borgia (miet fl-1572) Ġiżwita, kien jidħol tant f’kontemplazzjonijiet twal illi kien jibda l-quddiesa filgħodu u jispiċċa filgħaxija. Tant hu hekk illi rari kien iqaddes fil-pubbliku.

Santa Teresa t’Avila (mietet fl-1582) spiss kienet tidħol f’estasi twal wara li titqarben. Ġie li għaddiet sagħtejn sħaħ f’din it-telfa ta’ mħabba lejn Ġesu’.

San Filippu Neri (miet fl-1595) kien ikollu estasi hekk qawwija waqt l-Elevazzjoni u t-Tqarbin illi kienu jieħdu fuq sagħtejn. Ġieli għatta wiċċu b’maktur tal-għażel biex ikun jista’ jgawdi l-preżenza tal-Feddej bla ebda tfixkil. Kien iqaddes f’kappella privata. Fl-aħħar ħames snin ta’ ħajtu kien idum iqaddes iktar minn sagħtejn.

Santa Margerita Maria Alacoque kienet għadha tirrikovera minn marda qalila meta talbet lis-superjura tagħha biex tħalliha quddiem it-Tabernaklu matul il-lejl ta’ Ħamis ix-Xirka. Is-superjura ċeditilha kontra qalbha u s-soru għaddiet il-lejl għarkupptejha mingħajr ma tiċċaqlaq mitlufa quddiem Ġesu’.

mary-magdalene-incarnationAnna Maria Taigi (mietet fl-1837) kienet tidħol f’estasi kbira hekk kif tirċievi l-Ewkaristija.

Wara li San Benedittu Guiseppi Labre (mietet fl-1738) ġie rrifjutat minn ħafna monasteri minħabba f’saħħtu, beda jinviżta ħafna knejjes f’Ruma. Jingħad illi waqt dawn il-pellegrinaġġi kont tarah fuq irkupptejh bla ċaqliq quddiem it-Tabernaklu minn filgħodu sa filgħaxija, hekk illi laqqmuh
“Il-fqajjar tal-Kwaranturi.”

San Alfonzu Liguori (miet fl-1787) kont spiss issibu f’estasi quddiem is-Santissmu Sagrament. Jingħad illi l-ebda qaddis qatt ma għamel viżti lil Ġesu’ daqsu. Meta minħabba l-eta’ avvanzata tiegħu ma kienx għadu kapaċi jqaddes kien jisma’ ħames jew sitt quddisiet kuljum u jgħaddi madwar sitt sigħat ta’ talb kuljum quddiem is-Santissmu Sagrament. Kien spiss jistqarr illi wara l-quddiesa ma hemmx għeżeż minn viżta kuljum lil Ġesu’ fl-Ewkaristija, għax fil-kwarta li tgħaddi f’riġlejn Ġesu’ takkwista bil-bosta iżjed mix-xogħol kollu ta’ matul il-jum.

San Pietru t’Alcantara (miet fl-1562) kien Patri Franġiskan. Sa minn meta rċieva l-Ordni Sagri kien spiss jidħol f’estasi quddiem it-Tabernaklu. Għalhekk kull meta kien ikun jivvjaġġa kienu jagħtuh ċella ħdejn il-kappella biex ikun dejjem qrib it-Tabernaklu.

San Charbel Makhlouf (miet fl-1898) tal-Lebanon kien ġeneralment iqaddes għall-ħabta ta’ nofsinhar biex igħaddi filgħodu fi preparazzjoni għall-quddiesa u filgħaxija f’ringrazzjament. Kien jitlob f’ġabra profonda bla ma jagħti xejn kas ta’ dak li jkun jiġri madwaru.

San Piju tal-Pjagi (miet fl-1968) kien Patri kappuċin f’Pietrelcina u dan kien l-ewwel saċerdot li rċieva l-pjagi tal-Feddej. Kien iqum fit-tlieta ta’ filgħodu biex jgħaddi sigħat fit-talb qabel iqaddes. Waqt il-quddiesa kien jidħol f’estasi twal u kien iħoss ħafna mit-tbatija u mill-Passjoni ta’ Ġesu’. Ġeneralment il-quddiesa tiegħu kienet tieħu ‘l fuq minn erbgħa sigħat.

22. Sawm Ewkaristiku

Blessed_Alexandrina_da_Costa_1935SAWM EWKARISTIKU

Waħda mill-ħafna fenomeni Mirakulużi li nsibu fil-ħajja ta’ ħafna qaddisin hi s-sawma Ewkaristika, fejn naraw li l-Ewkaristija kienet l-ikel prinċipali, jekk mhux l-uniku ikel għal ħafna snin:

San Gerasimus eremita tal-Palestina (miet fis-sena 475) ma kien jiekol xejn matul l-erbgħin ġurnata tar-Randan ħlief l-Ostja Kkonsagrata.

Il-qaddisa Alpais (mietet fl-1211) ta’ Cudot fi Franza għaddiet snin twal ma titrejjaq b’xejn ħlief l-Ostja fit-Tqarbin.

Santa Rita ta’ Cascia (mietet fl-1456) kienet tosserva 3 Randanijiet fis-sena, u matulhom kienet tieħu ftit ikel ħafif li kien ikun imħallat bl-għeruq ta’ pjanta morra. Kienet tgħid li l-ikel li kien isostnija kien l-Ewkaristija.

Santa Katarina ta’ Siena (mietet fl-1380) kellha viżjoni fejn rat lil Ġesu’, u wara dan qatt ma kellha bżonn ta’ ikel, anzi kull meta kienet tkun sfurzata biex tiekol xi ħaġa kienet tbati ħafna biex tirremmetija għaliex l-istonku tagħha ma kienx iniżżlu. Għexet snin twal bl-Ewkaristija biss, u dan nafuh mill-konfessur tagħha, s-serv t’Alla, Raymond ta’ Capua li kiteb il-bijografija tagħha.

Santa Katarina Fieschi ta’ Genoa (mietet fl-1510) kienet tosserva sawm strett kull sena fl-Avvent u fir-Randan. Ma kienet tieħu xejn ikel ħlief “il-Manna tas-Sema” waqt il-quddiesa. Damet sejra hekk għal 23 sena. Meta ssikkawha biex titrejjaq l-istonku kien jitfa’ l-ikel ‘l barra.

Sant’Ita (mietet fis-sena 569) qaddisa Irlandiża li kienet il-fundatriċi ta’ komunita’ ta’ sorijiet f’Hy Conaill għaddiet snin twal tgħix biss billi tirċievi l-Ewkaristija kuljum.

San Nikola ta’ Flüe fl-Isvizzera (miet fl-1487) wara 25 miżżewweġ u kellu għaxart itfal ħalla l-familja bil-kunsens ta’ martu u għex bħala eremita f’wied fil-qrib għal 20 sena. Matul dawn is-snin kien jitqarben darba fix-xahar u qatt ma kiel jew xorob xejn. Dan jixhdu l-kurat ta’ Kerns, Oswald Isner.

Santa Lidwina ta’ Schiedam fl-Olanda (mietet fl-1433) kellha aċċident li kkaġunalha uġigħ tremend għal ħajjitha kollha. Kellha wkoll l-istigmati tal-Pjagi ta’ Ġesu’. Għal 19 -il sena għexet biss bl-Ewkaristija. Meta għal xi raġuni kienet iddum ma tirċievi s-Sagrament saħħitha kienet iċċedi iżda terġa’ tirpilja fost ħafna konsolazzjonijiet meta tirċievi lil Ġesu’. Joannes Brugmann u Thomas a’ Kempis kitbu dwar it-tbatijiet u l-favuri mistiċi tagħha.

Naqraw li San Ġużepp ta’ Copertino (miet fl-1663) kien isum għal 7 Randanijiet ta’ 40 ġurnata l-wieħed kull sena, jiekol biss ftit ikel nhar ta’ Ħamis u nhar ta’ Ħadd. Għex 5 snin bla ma jiekol u għal 15 -il sena bla ma jixrob. Matul dawn is-sawmiet twal kien imsostni biss billi jirċievi l-Ewkaristija. Kienu jinnotaw illi qabel ma jitqarben kien ikun musfar, għajjien u bla ħeġġa, iżda hekk kif jitqarben kien jimtela ħeġġa u ħajja.

Il-Venerabbli Ursula Benincasa (mietet fl-1580) kienet membru tal-Ordni Immakulata Kunċizzjoni ta’ Napli. Għalkemm waslet li l-istonku tagħha ma kien kapaċi jżomm xejn, iżda ma kellha l-ebda diffikulta’ biex titqarben. Għalkemm San Filippu Neri poġġiha taħt prova u ċaħdilha li titqarben, hi obdiet. Iżda wara xi żmien it-tabib induna li kienet sejra lura u li ma kinitx sejra tgħix fit-tul. Talbu lil San Filippu biex jerġa’ jippermettilha titqarben bħala mezz ta’ fejqan. U hekk kif reġgħet bdiet tirċievi l-Ewkaristija ħadet saħħitha mill-ġdid.

Angela ta’ Foligno (mietet fl-1309) kienet mara miżżewġa u omm ta’ ħafna wlied. Kienet xalatura u anke mara tad-dnub. Iżda wara konverżjoni spontanja bħal dik ta’ San Pawl daħlet Franġiskana tat-Tielet Ordni. Wara l-mewt ta’ żewġha u uliedha kollha biegħet kull ma kellha u għaqqdet familja kbira ta’ Terzjarji Franġiskani. Il-konfessur tagħha stqarr illi ħafna mill-viżjonijiet u grazzji speċjali li kien ikollha ġraw waqt il-quddiesa jew wara li kienet tirċievi l-Ewkaristija. Għexet bl-Ewkaristija u ikel xejn għal 12 -il sena.

Santa Columbia ta’ Rieti (mietet fl-1501) kienet tipprattika penitenzi kbar sa minn ċkunitha. Ta’ 20 sena kienet tgħix kompletament bl-Ewkaristija biss, u meta kienet tkun imċaħħda mit-Tqarbin kienet taqa’ f’debulizzi kbar.

Santa Marija Franġiska tal-Ħames Pjagi (mietet fl-1791) Terzjarja Franġiskana kienet iġġib l-istigmati, nhar ta’ Ġimgħa speċjalment dawk ta’ matul ir-Randan kienet tħoss it-tbatijiet tal-Passjoni ta’ Kristu. Għexet għal żmien twil bl-Ewkaristija biss.

Santa Juliana ta’ Cornillon (mietet fl-1260) daħlet fl-Ordni Ċisterjana ta’ 14 -il sena. Malajr ipprofondiet f’imħabba kbira lejn l-Ewkaristija. Beda jkollha viżjonijiet ta’ 16 -il sena u hawn bdiet sawm fit-tul. Kif kienet tgħid hi l-ikel kienet tħossu bla tomgħa u l-Ewkaristija kienet l-uniku ferħ għal ruħha.

Santa Maria de Parades (mietet fl-1645) kienet ruħ ta’ penitenza sa minn ċkunitha. Qatt ma daħlet f’ordni reliġjuża iżda ħadet il-voti tal-faqar, kastita’  ubbidjenza. Kienet tiekol biss uqija ħobż niexfa kull tmienja jew għaxart ijiem. L-ikel li kien isostniha Mirakulużament kienet l-Ewkaristija li kienet tirċievi kuljum. Għamlet ħafna Mirakli fosthom irxuxtat persuna mejta. Ġiet ibbeatifikata fl-1853 u kanonizzata fl-1950.

Santa Rosa ta’ Lima (mietet fl-1617) kienet tkun spiss għajjiena minħabba fis-sawm u fil-penitenzi li kienet tagħmel. Tant hu hekk li kien ikollha tistrieħ hi u sejra lejn il-knisja. Iżda wara li tirċievi l-Ewkaristija kienet tiġiha saħħa speċjali. Meta Rosa kienu jippermettulha li tirċievi l-Ewkaristija din kienet tkun kapaċi tgħix bla ikel ieħor ordinarju.

Fost tant erwieħ li ma humiex ikkanonizzati nsibu lil Ġermaniża Anna Katarina Emmerich (mietet fl-1824) li għexet biss bl-ilma u l-Ewkaristija għall-aħħar 12 -il sena ta’ ħajjitha.

Fis-seklu 20 insibu lill-Beata Alessandrina Maria da Costa tal-Portugall (mietet fl-1955) li kienet ma tiekol xejn ħlief l-Ewkaristija. Samet għal 3 snin. Nhar ta’ Ġimgħa kienet issofri t-tbatijiet tal-Passjoni ta’ Kristu.

Therese Neumann tal-Ġermanja (mietet fl-1962) kellha l-istigmati tal-Passjoni ta’ Kristu. Din la kienet tiekol u lanqas tixrob ħlief li tirċievi l-Ewkaristija sa mill-1926 sa meta mietet fl-1962. Għaddej il-każ tal-beatifikazzjoni tagħha.

 

 

 

21. Mirakli Ewkarisiċi u l-Qaddisin

StAnthonyDonkey.jpg

MIRAKLI EWKARISTIĊI U L-QADDISIN

 

I

L-istorja turina kemm l-ewlenin insara ħadu l-martriju għax kienu sodi fil-fidi u fit-twemmin tagħhom fl-Ewkaristija. L-ewwel Miraklu Ewkaristiku huwa ta’ San Tarċisju li, għax kien jieħu bil-moħbi is-Sagrament lill-insara fil-ħabs ġie msawwat, imħaġġar u maqtul. Tarċisju kellu fuqu l-Ewakristija, iżda wara li qatluh dawn fittxewlu fuqu u fi ħwejjġu u baqgħu ma sabu l-ebda traċċa tal-Ewkaristija. Dan ġara fis-seklu 3 fi żmien l-Imperatur Valerjanu.

 

II

Fil-ħajja ta’ Sant’Antnin ta’ Padova (miet fl-1231) naqraw dwar il-Miraklu Ewkaristiku drammatiku. L-eretiku Boniville, li ma kien jemmen b’xejn, kien jiċħad il-preżenza ta’ Ġesu’ fl-Ostja Kkonsagrata minkejja t-tagħlim ta’ Sant’Antnin. Darba kkonkludew illi jpoġġu l-bagħal igħinhom dwar dan il-fenomenu. Hekk tħalla fl-istalla għal tlett ijiem bla ikel xejn. Meta ħarġuh ressquh quddiem sidu Boniville li kellu f’idejh ħafur u tiben waqt li kien preżenti wkoll Sant’Antnin b’Ostja Kkonsagrata f’idu. Il-bagħal ma tax kas ta’ sidu iżda niżel għarkopptejh quddiem is-Santissmu Sagrament. Jingħad li Boniville meta ra dan ikkonverta u miegħu numru ta’ eretiċi oħra.

 

III

Miraklu ieħor li seħħ fis-seklu 16 fl-Irlanda jikkonċerna lill-Imħallef Sir Richard Shee li kien bniedem għaref iżda mhux reliġjuż u li x’aktarx kien jieħu sehem f’ċerimonji djaboliċi. Waqt il-quddiesa tal-Ħadd kien joħroġ lill-klieb tal-kaċċa bil-ħsieb illi bl-inbieħ tagħhom itellef lil dawk li kienu jitolbu.

Darba waqt purċissjoni, folla kbira ta’ nies kienet fit-triq tistenna lil Ġesu’ fl-Ewkaristija għaddej. Sir Richard resaq biż-żiemel u l-klieb lejn il-folla u pprova jgħaddi minn ġo nofshom, iżda iż-żiemel flok baqa’ għaddej niżel fuq irkopptejh man-nies u ma qamx qabel ma għadda s-Sagrament. Sir Richard tant stagħġeb illi biddel ħajtu u jgħidu li kien hu li bena Butts Cross biex jimmarka l-post fejn ikkonverta.

 

IV

San Pietru d’Alcantara (miet fl-1662) darba kien mistieden biex iqaddes quddiesa kantata f’Pedrosa fi żmien l-Għid. Issa billi l-knisja kienet żgħira għall-folol li nġabru kellhom iwaqqfu altar barra. Hekk meta kienu waslu fil-kredu qamet maltempata kbira li kienet tidher ser tfarrak dan l-altar. In-nies beżgħu iżda l-qaddis żamm il-kalma u kompla bit-talb. Il-kappillan induna illi l-ispirti ħżiena kienu qegħdin jippruvaw iħarbtu ċ-ċelebrazzjoni, iżda l-qaddis ma ħalliehx jibda t-talb tal-eżorċiżmu. Il-biża’ malajr inbidel fi stgħaġib meta raw illi għalkemm il-kampanja ta’ madwarhom kienet imgħarrqa bl-ilma lanqas qatra ma waqgħet fuq l-altar jew fuq in-nies miġbura u l-ebda xemgħa ma ntfiet. Hekk wara l-quddiesa saret talba ta’ ringrazzjament għal dan il-Miraklu.

 

V

Id-devozzjoni kbira lejn l-Ewkaristija Mqaddsa li kellhom San Feliċ ta’ Cantalice (miet 1587) u Sant’ Isidoru (miet fl-1130) ġiet ikkonfermata b’Mirakli.

San Feliċ kien impjegat jaħdem ir-raba’ ma’ wieħed sinjur. Dan l-imgħallem tiegħu dejjem ippermettielu jisma’ l-quddies kuljum fejn wieħed seta’ jara d-devozzjoni kbira li kellu lejn l-Ewakristija. Waqt li Feliċ kien ikun għall-quddiesa kienu jidhru l-anġli jagħmlu x-xogħol tiegħu fl-għelieqi. Il-quddiem Feliċ daħal bħala ajk fl-Ordni Kappuċin u sar l-ewwel qaddis tal-Ordni.

 

VI

Sant’Isidoru kien ukoll jaħdem fl-għelieqi mal-benestant John de Vergas. Qabel ma kien imur għax-xogħol kien kull filgħodu jmur il-quddies. Min jaf kemm-il darba qasam il-biċċa tal-ħobż fqajra li kien ikollu ma’ sħabu u din kienet timmultipplika ruħha sakemm ikun ħa kulħadd. Ġie rrappurtat li kien jidħol tard għax-xogħol, u l-imgħallem tiegħu biex jiġbor biżżejjed biex ikun jista’ jkeċċieh, darba staħbielu. Sidor tassew kien jidħol tard għax kien igħaddi l-knisja, iżda l-imgħallem induna li waqt li Sidor kien ikun għadu ma wasalx idejn moħbija kienu jsuqu barrin bojod jaħdmu r-raba’ u dawn kienu jagħmlu triplu tax-xogħol li kien jagħmel Sidor. L-imgħallem niżel f’riġlejn Sidor u talbu maħfra talli kien ħaseb ħażin fih. Sidor wieġbu, “Mgħallem, l-ebda ħin ma jintilef għax isir it-talb, għax dawk li jitolbu huma ħaddiema flimkien ma’ Alla.” Hekk naraw li Sidor mhux biss irrispettat minn sħabu iżda wkoll mogħti xogħol ta’ responsabbilta’. Jingħad ukoll li min jaf kemm-il darba kattar il-qamħ.