Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 8: 23-27
L-Evanġelju skont San Mattew 8: 23-27
[Mt:8:23] Ġesù tala’ fuq dgħajsa, u d-dixxipli marru warajh.
[Mt:8:24] U qamet taqliba kbira fuq il-baħar, hekk li l-mewġ beda jgħatti d-dgħajsa; iżda hu kien rieqed.
[Mt:8:25] Id-dixxipli resqu fuqu, qajjmuh u qalulu: “Salvana, Mulej! Se nintilfu!”
[Mt:8:26] U qalilhom: “Dan il-biża’ kollu għalfejn, ja nies ta’ fidi ċkejkna?” Mbagħad qam, ordna lill-irjieħ u lill-baħar, u waqgħet kalma kbira.
[Mt:8:27] Dawk stagħġbu, u bdew jgħidu: “Dan xi bniedem hu, biex sa l-irjieħ u l-baħar jisimgħu minnu.”
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
X’hemm aktar qawwi mill-biża’, anke mill-biża’ tal-mewt li titlef ħajtek?
L-Iskrittura tagħtina tweġiba. M’hemmx biża’ fl-imħabba, imma l-imħabba perfetta tkeċċi l-biża’ ‘l barra. (1Ġwanni kap 4 vers 18.) U fil-ktieb tal-Għanja tal-Għanjiet insibu l-imħabba aktar mill-mewt qawwija.
Il-preżenza ta’ Ġesu’ rieqed fit-tempesta u l-baħar imqalleb tirrivela l-fidi rieqda tad-dixxipli tiegħu. Huma beżgħu li se jitilfu ħajjithom minkejja li kellhom lill-Mulej u s-Sid magħhom fuq id-dgħajsa. Huma kienu reqdin għal Kristu filwaqt li huwa kien preżenti għalihom meta kellhom tant bżonnu.
Ħsieb għal Qalbek …
Il-Mulej dejjem preżenti għalina fil-ħajja tagħna u meta ngħaddu minn mumenti ta’ prova hu jistaqsina l-istess mistoqsija. ‘Għaliex qed tibżgħu, mela m’għandkomx fidi?’
Inti għaraftha l-preżenza tal-Mulej fik, b’mod speċjali meta tħabbat wiċċek mat-tempesti tal-kuntrarju, niket jew tentazzjoni?
Kull darba li nkunu mħabbta bit-tiġrib il-Mulej qiegħed hemm preżenti bl-istess messaġġ. ‘Jiena Hu, la tibżax!’
Itlob …
Mulej, agħmel li dejjem nagħraf il-preżenza tiegħek li tgħammar fija u f’mumenti ta’ tiġrib jew biża’ ħa nsib il-kuraġġ u l-qawwa biex naġixxi kif kieku taġixxi Inti.
Għinni u għallimni nserraħ fuqek f’kull ċirkustanza tal-ħajja tiegħi u li nafda fl-għajnuna tiegħek kemm fil-kuntrarju kemm ukoll fit-tiġrib. Ammen.