15. Riflessjoni fuq Mark 6: 7-13

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mark 6: 7-13

Sending of the TwelveL-Evanġelju skont San Mark 6: 7-13

[Mk:6:7] F’dak iż-żmien, Ġesu sejjaħ it-Tnax, u beda jibgħathom tnejn tnejn, filwaqt li tahom is-setgħa fuq l-ispirti ħżiena.

[Mk:6:8] U wissiehom biex ma jieħdu xejn magħhom għat-triq ħlief ħatar: la ħobż, la ħorġa, lanqas flus fi ħżiemhom;

[Mk:6:9] imma li jilbsu l-qrieq u ma jxiddux żewġ ilbiesi.

[Mk:6:10] Qalilhom: “Fejn tidħlu f’xi dar, ibqgħu fiha sa ma titilqu minn hemmhekk.

[Mk:6:11] U jekk xi post ma jilqagħkomx u ma jisimgħukomx, itilqu minn hemm u farfru t-trab minn taħt saqajkom bħala xhieda kontrihom.”

[Mk:6:12] Ħarġu mela jxandru biex in-nies jindmu;

[Mk:6:13] u keċċew bosta xjaten, u dilku ħafna morda biż-żejt u fejjquhom.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Il-Mulej x’tip t’awtorita’ u qawwa jridna neżerċitaw f’Ismu?

Ġesu’ ta lill-Appostli kemm il-qawwa kif ukoll l-awtorita’ li jitkellmu u jaġixxu f’Ismu. Hu kkmandahom biex jagħmlu l-ħidma li għamel huwa stess, biex ikeċċu l-ispirti ħżiena, biex ifejjqu u biex ixandru l-Kelma t’Alla, l-Aħbar t-Tajba tal-Evanġelju li rċevew mingħand Ġesu’.

Meta Ġesu’ tkellem fuq il-qawwa u l-awtorita’ hu għamel xi ħaġa li wieħed ma jobsorhiex. Hu għaqqad il-poter u l-awtorita’, mal-imħabba u l-umilta’. Id-dinja u l-ġisem ifittxu l-poter għall-qliegħ egoistiku. Ġesu’ jgħallimna biex nużawha għall-ġid tal-proxxmu.

Għaliex Ġesu’ jgħid lill-Appostli tiegħu biex jivvjaġġaw ħfief bi ftit jew bl-ebda provedimenti?

Il-faqar fl-ispirtu jeħlisna mill-kilba u l-preokkupazzjoni tal-affarijiet li naħsbu li għandna bżonn u jagħti spazju għall-providenza t’Alla. Il-Mulej irid li d-dixxipli tiegħu jkunu dipendenti fuqu u mhux fuqhom infushom. Hu jrid jaħdem fina u permezz tagħna għall-glorja tiegħu.

Ħsieb għal Qalbek …

Int lest li tilqa’ l-qawwa u l-awtorita’ li Alla jridek teżerċita f’Ismu?

Il-Mulej fdalna d-doni u t-talenti tiegħu.

Int ħerqan li tpoġġi lilek innifsek għas-servizz tiegħu biex tagħmel dak kollu li jitlob minnek u biex tkun xhieda tal-verita’ u tal-qawwa tiegħu li ssalva lil kull min jibgħatlek?

Itlob …

Mulej, agħmilna kanal li minnu tgħaddi l-grazzja u l-imħabba tiegħek li tfejjaq, ħalli l-oħrajn ikunu jistgħu jsibu l-ħajja u l-ħelsien fik. Eħlisni minn kull irbit ieħor biex jien infittex bil-ferħ u bil-ħerqa dak li jorbotni mas-Sema. Agħtini li nkun xhieda tal-ferħ tal-Vanġelu kemm bi kliemi kif ukoll b’għemili. Ammen.