X’inhi l-pożizzjoni tal-Knisja fuq il-Kontraċezzjoni?

52

🌻 Il-kontraċezzjoni ġiet aċċettata fis-soċjetà għax kienet ippreżentata bħala ‘bżonn’ f’ċerti każi estremi kif ukoll bħala ‘dritt’ tal-persuna fuq ġisimha.

🌻 Ħafna politiċi fid-dinja riedu li tidħol il-mentalità favur il-kontraċezzjoni biex ikunu jistgħu jagħmlu ‘population control’ f’pajjiżhom u f’pajjiżi fqar għal skopijiet politiċi.

🌻 Ir-riżultat tal-mentalità kontraċettiva hu li popli sħaħ issa għandhom ‘trend’ fil-popolazzjoni li jnaqqsu b’mod esaġerat in-numru ta’ trabi li jitwieldu. Dan għandu konsegwenzi koroh ħafna.

🌻 Riżultat ieħor hu li s-sesswalità tilfet is-sens profond tagħha u spiss jgħixuha biss bħala sfog personali. Minn dan joħroġ ukoll li ħafna m’humiex isibu min iħobbhom b’mod sħiħ u huma stess qed jitilfu din l-opportunità li jħobbu lil ħaddieħor b’dan il-mod, u għalhekk qed jgħixu esperjenza umana fqira ħafna.

🌻 L-użu tal-‘condom’ ħa spinta kbira ‘l quddiem fid-dinja kollha meta nxterdet il-marda tal-AIDS. Il-Knisja mill-ewwel ikkritikat lill-gvernijiet li ħasbu li bil-propoganda għall-użu tal-condom kienu se jwaqqfu t-tixrid tal-AIDS. Il-Knisja qaltilhom li hemm bżonn edukazzjoni tal-mentalità tan-nies biex ikunu fidili fiż-żwieġ. Il-gvernijiet tad-dinja spiss ħaduha kontra l-Knisja talli hi titkellem hekk. Iż-żmien tana parir, għax il-Knisja kellha raġun. Fil-fatt bil-propoganda għall-użu tal-condom, ir-riżultat hu li ħafna iżjed nies huma issa sesswalment attivi (li qabel ma kienux) u l-użu tal-condom wara l-ewwel furja jaqa’ wkoll. Mela l-propoganda f’termini reali kattret it-tixrid tal-AIDS.

🌻 Il-Knisja tgħallem lill-insara miżżewġa biex jipprattikaw it-tnissil responsabbli tat-tfal. Għandhom jibbażaw ir-relazzjoni tagħhom fuq id-dedikazzjoni lil xulxin mhux fuq is-sess. Is-sess għandhom jipprattikawh b’responsabiltà biex jippruvaw inisslu t-tfal meta jkun sewwa li jsir dan.