Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 4: 1-11
L-Evanġelju skont San Mattew 4:1-11
[Mt:4:1] Mbagħad l-Ispirtu ħa lil Ġesù fid-deżert biex ix-Xitan iġarrbu.
[Mt:4:2] U Ġesù baqa’ sajjem għal erbgħin jum u erbgħin lejl, u fl-aħħar ħadu l-ġuħ.
[Mt:4:3] U resaq it-tentatur u qallu: “Jekk inti Bin Alla, ordna li dan il-ġebel isir ħobż.”
[Mt:4:4] Iżda Ġesù wieġbu: “Hemm miktub, ‘Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.’ “
[Mt:4:5] Mbagħad ix-Xitan ħadu miegħu fil-Belt imqaddsa, qiegħdu fuq il-quċċata tat-tempju,
[Mt:4:6] u qallu: “Jekk inti Bin Alla, inxteħet għal isfel; għax hemm miktub li, ‘Lill-anġli tiegħu jordnalhom jieħdu ħsiebek,’ u li ‘Fuq idejhom jerfgħuk, ħalli ma taħbatx riġlejk ma’ xi ġebla.’ ”
[Mt:4:7] Qallu Ġesù: “Hemm miktub ukoll, ‘Iġġarrabx lill-Mulej Alla tiegħek.’ ”
[Mt:4:8] Għal darb’oħra x-xitan ħadu miegħu fuq muntanja għolja ħafna, urieh is-saltniet kollha tad-dinja u l-glorja tagħhom,
[Mt:4:9] u qallu: “Dawn kollha nagħtihom lilek jekk tinxteħet tadurani.”
[Mt:4:10] Mbagħad qallu Ġesù: “Itlaq, Xitan! Għax hemm miktub, ‘Lill-Mulej Alla tiegħek, għandek tadura, u lilu biss taqdi.’ ”
[Mt:4:11] Mbagħad ix-Xitan ħallieh. U minnufih ġew xi anġli u kienu jaqduh.
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
Int lest li tgħaddi minn żmien ta’ prova?
Ġesu’ kellu jgħaddi minn żmien ta’ prova u tiġrib fil-bidu tal-ministeru pubbliku tiegħu. Il-kelma “Tempt” bl-ingliż normalment tfisser li tiġi mħajjar twettaq dnub. Il-kelma fl-Iskrittura hawn tfisser prova, fis-sens ta’ meta wieħed jiġi ppruvat u ppurifkat biex joħroġ jekk hux ippreparat għall-ħidma li hu msejjaħ iwettaq jew le.
Aħna ngħaddu l-piloti minn titjira bi prova biex naraw jekk humiex imħejjija sew biex itajru ajruplan. Bl-istess mod Alla jgħaddi l-qaddejja tiegħu mill-prova biex jara jekk humiex lesti jew le li jiġu wżati minnu għall-ġid tal-oħrajn.
Alla ġarrab lil Abraham biex hu jagħti prova tal-fidi tiegħu. Ġesu’ ma kienx l-eċċezzjoni għal dan it-tip ta’ provi. Satana jibqa’ jagħmel ħiltu kollha biex iħajjarna nagħżlu r-rieda tagħna fuq dik t’Alla. Jekk ma jkunx jista’ jħajjarna biex inwettqu dnub anki dak gravi, huwa mbagħad jipprova jwassalna biex nagħżlu dawk l-għażliet li eventwalment iwassluna biex nitbegħdu minn dak li Alla jrid minna.
Ħsieb għal Qalbek …
Ġesu’ kien imġarrab bħalna u rebaħ fuq it-tiġrib mhux bil-qawwa umana tiegħu, imma bil-grazzja u l-qawwa li tah Missieru. Kellu jħalli r-rieda tiegħu biex iwettaq dik t’Alla l-Missier. Hu rnexxielu għax ried jogħġob lil Missieru u fdah li kien se jagħtih il-qawwa biex jirbaħ fuq l-ostakli li jitfaċċaw fi triqtu. Il-Mulej jagħti lilna wkoll l-Ispirtu s-Santu biex ikun il-qawwa u l-gwida tagħna u Dak li jikkunslana fit-tiġrib u l-prova.
Meta aħna b’ruħ safja nirċievu lil Ġesu’ fit-Tqarbin Imqaddes, huwa Alla nnifsu li jsostina u jqawwina bil-preżenza divina tiegħu. Mistednin ukoll biex nirrikorru għand Ommna Marija li bħala Omm tiddefendina, tħarisna u tqawwina bit-talb tagħha biex aħna nibqgħu mħarsa u ma naqgħux għat-tentazzjonijiet tax-xitan. Alla dejjem lest biex jagħtina dak li għandna bżonn biex ngħixu fit-triq tiegħu tal-Imħabba u tas-Sewwa.
U inti tfittex l-għajnuniet li jixtieq jagħtik il-Mulej biex tkun tista’ tgħix fi Triqatu bil-qawwa u l-għajnuna meħtieġa?
Itlob …
Mulej, Kelmtek hi Ħajja, tagħti l-ħajja u tnissel il-ferħ vera. Għinni ngħix bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħek.
O Marija Omm qawwija, itlob miegħi biex inħalli ‘l ruħi tiggwadanja mill-benefiċċji tas-Sagramenti li l-Knisja toffrili. Agħmel ukoll li jiena nafda Fik u nirrikorri għandek bit-talba tant għal qalbek tar-Rużarju. Ammen.