10. Talb għal dawk li jinsabu fil-Missjonijiet

Dokument sħiħ PDF jew WORD ta’ Talb għas-Saċerdoti.

cardinal01Talba għall-Missjonijiet 1

Alla Etern, Ħallieq ta’ kollox, ftakar fl-erwieħ ta’ dawk li ma jemmnux li huma xogħol idejk u maħluqa fuq ix-xbieha u x-xebħ tiegħek. Ftakar li Ġesu’ Kristu Ibnek bata mewt mill-aktar krudili għas-salvazzjoni tagħhom.

Tħallix iżjed li Ibnek il-għażiż ikun rridikolat minn dawk li ma jemmnux, imma li jkun milqugħ permezz tat-talb tal-magħżulin tiegħek u tal-Knisja, l-Għarusa ta’ Ibnek l-Aktar Imbierek, li hu s-saħħa tagħna, il-ħajja u l-qawmien, li minnu aħna salvati u meħlusa u li lilu tingħata l-glorja għal dejjem. Ammen.

San Franġisk Saverju


Talba għall-Missjonijiet 2

Ġesu’ kollok imħabba u l-Mulej tagħna, li salvajt id-dinja bil-prezz tad-Demm tiegħek l-Aktar Prezzjuż, ħares bi ħniena fuq l-imsejkna umanita’, li fil-maġġoranza tagħha tinsab fid-dlam tal-iżball u fid-dell tal-mewt. Iddi fuqha il-milja tad-dawl tal-verita’.

Kattar Mulej, l-appostli tal-Vanġelu tiegħek. Agħmel li qatt ma tonqos fihom il-ħeġġa tiegħek u li jagħtu l-frott mistenni minnek. Bierek bil-grazzja tiegħek iż-żelu tagħhom u l-uġigħ tagħhom biex permezz tagħhom dawk kollha li ma jemmnux isiru jafuk u jduru lejk, il-Ħallieq u s-Salvatur tagħhom.

Erġa’ sejjaħ lura fil-merħla tiegħek dawk li tbiegħdu, u lura fil-ġuf tal-unika Knisja vera, lir-ribellużi.

O Salvatur ta’ min iħobbok, fittex ġib l-avvent tant mistenni tas-Saltna tiegħek fuq din id-dinja. Iġbed lill-bnedmin kollha lejn il-Qalb ħelwa tiegħek biex kulħadd jipparteċipa mill-benefiċċji li ma jistgħux jiġu pparagunati tas-Salvazzjoni. Ammen.

O Marija, Reġina tal-Missjonijiet, agħtina ħafna missjunarji qaddisin.

Missierna, Sliema, Glorja…

Papa Piju XII


Untitled-1Talba għall-Missjunarji

Ħares bi tjieba Mulej fuq il-missjunarji tagħna, saċerdoti, reliġjużi u lajċi li telqu kollox biex ikunu xhieda tal-kelma u l-imħabba tiegħek. Kun għal kull wieħed u waħda minnhom “il-protettur qawwi tagħhom li tissapportjahom, id-dell tagħhom fix-xemx ta’ nofs il-jum, ir-refuġju tagħhom mir-riħ tad-deżert, il-gwida tagħhom kontra kull tfixkil u s-sigurta’ tagħhom kontra l-qtiegħ ta’ qalb…”  (Ekk 34:19).

Saħħaħhom f’mumenti diffiċli, iggwida l-qawwa tagħhom, farraġ lil qalbhom u nkuruna l-ħidma tagħhom b’ħafna rebħiet spiritwali. Tħallihomx ifittxu s-suċċess jew il-ġid ta’ din id-dinja, imma biss ir-rebħa tiegħek u l-ġid tal-erwieħ. Ħa jkun is-Salib tiegħek, li jakkumpanjahom tul ħajjithom, li jkellimhom fuq l-erojiżmu, iċ-ċaħda u l-paċi. Kun il-hena tagħhom, il-gwida tagħhom, id-dawl u l-qawwa tagħhom, sabiex ismek ikun mxandar kullimkien u li, imdawrin b’numru dejjem akbar ta’ wliedek, ikunu jistgħu jkantaw innu ta’ tifħir, ta’ glorja u salvazzjoni. Ammen.

Papa San Ġwanni Pawlu II