118. Riflessjoni fuq Mattew 12: 14-21

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 12: 14-21

1080-The-Pharisees-and-the-Herodians-Conspire-Against-Yeshua

L-Evanġelju skont San Mattew 12: 14-21

[Mt:12:14] U l-Fariżej ħarġu u bdew jiftiehmu bejniethom kontra tiegħu, kif se jeqirduh.

[Mt:12:15] Ġesù sar jaf b’dan u telaq minn hemm. Ħafna nies marru warajh u fejjaqhom kollha,

[Mt:12:16] u ordnalhom bis-sħiħ biex ma jurux min kien,

[Mt:12:17] biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Isaija, meta qal,

[Mt:12:18] ‘Ara l-Qaddej tiegħi li jiena ħtart, il-Għażiż tiegħi li bih ruħi tgħaxxqet! Jiena nqiegħed l-Ispirtu tiegħi fuqu u hu jxandar il-ġustizzja lill-ġnus.

[Mt:12:19] Ma jiksirha ma’ ħadd, ma jgħollix leħnu u ħadd ma jisma leħnu fil-pjazez.

[Mt:12:20] Qasba mġelġla ma jiksirhiex, u musbieħ inemnem ma jitfihx, sa ma jwassal il-ġustizzja għar-rebħa,

[Mt:12:21] u f’ismu jittamaw il-ġnus.’

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna jkun hemm mumenti kruċjali u deċiżżjonijiet importanti li fuqhom tiddependi kif se ngħixu ħajjitna. Il-konfrontazzjoni dejjem iżjed ħarxa bejn il-Fariżej u Ġesu’ waslet biex il-Fariżej saru intolleranti lejn l-attitudni ta’ Ġesu’ minħabba l-preġudizzji tagħhom.

Minn dan il-mument ‘il quddiem l-ebda ħaġa minn dak li kien qed jgħid jew jagħmel Ġesu’ ma setgħa jidher sewwa f’għajnejhom. Huma ftehmu kontrieh bejniethom mhux biss biex joppunuh imma biex jeleminawh. Ġesu’ affaċċja dan l-insult u komplott ta’ ħażen bil-kuraġġ u d-determinazzjoni. Ġesu’ uża din l-istess kriżi biex jgħallem lid-dixxipli tiegħu lezzjoni importanti ta’ kif wieħed għandu jkun suċċess u jirbaħ fis-Saltna l-ġdida tiegħu.

L-unika triq tal-glorja fis-Saltna t’Alla tinkiseb permezz tas-salib. Ġesu’ kkwota mill-profeziji t’ Iżaija dwar il-qaddej li jsofri biex jispjega kif hu nnifsu kien iwettaq il-missjoni tiegħu mhux b’ħakma li tattan lill-oħrajn imma permezz ta’ servizz ta’ qadi lejn kulħadd. Minn flok tron hu kellu jitla’ fuq is-salib u jilbes kuruna tax-xewk. Iżaija kien ħabbar sekli qabel li l-Messija kellu jġib il-ġustizzja lill-pagani. Għal dak li kienu jifhmu bih il-griegi l-ġustizzja tinvolvi li wieħed jagħti lil Alla u lill-bniedem dak li jmiss lil kull wieħed.

Ħsieb għal Qalbek …

Ġesu’ għallem lid-dixxipli tiegħu x’attitudni kellu jkollhom lejn Alla u lejn l-oħrajn. Ġesu’ jġib il-ġustizzja bl-attitudni tal-imħabba divina. Hu ma jkiddx lil min hu dgħajjef jew jitrattahom daqs li kieku bla valur anzi jurihom li jifhimhom. Hu ma jiskuraġġix lil dawk li jkunu se jaqgħtu qalbhom imma jagħmlilhom kuraġġ u jimliehom bit-tama. Minkejja kemm wieħed jista’ jkun bla tama u tassew dgħajjef il-Mulej Ġesu’ huwa dejjem lest li jwassalu l-imħabba tiegħu li tfejjaq, it-tama u l-kuraġġ.

U inti tittama f’Alla u tafda fil-ħniena u l-ġustizzja tiegħu?

Itlob …

Mulej saħħaħni fl-imħabba u t-tama tiegħek, agħmilni strument tat-tama tiegħek ħalli jien inkun nista’ nagħmel kuraġġ lil dawk li tilfu kull tama. Ammen.