Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 8: 5-17
L-Evanġelju skont San Mattew 8: 5-17
[Mt:8:5] Daħal Kafarnahum, u resaq fuqu wieħed ċenturjun jitolbu bil-ħerqa
[Mt:8:6] u jgħidlu: “Sinjur, id-dar għandi l-qaddej mixħut, mifluġ u batut wisq.”
[Mt:8:7] Qallu Ġesù: “Niġi jien infejjqu.”
[Mt:8:8] “Sinjur!”, qallu ċ-ċenturjun,”Ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi. Iżda int għid kelma biss, u l-qaddej tiegħi jfiq.
[Mt:8:9] Għax jien ukoll bniedem taħt is-setgħa ta’ ħaddieħor, u jien stess għandi suldati taħti; lil wieħed ngħidlu, ‘Mur’, u jmur; lil ieħor ngħidlu, ‘Ejja’, u jiġi; u lill-ilsir tiegħi ngħidlu, ‘agħmel dan’, u jagħmlu.”
[Mt:8:10] Ġesù baqa’ mistagħġeb meta sama’ dan, u qal lil dawk li kienu miexja warajh: “Tassew, ngħidilkom, f’ħadd minn Iżrael ma sibt fidi bħal din.
[Mt:8:11] Jiena ngħidilkom li għad jiġu ħafna mil-lvant u mill-punent u joqogħdu fuq il-mejda ma’ Abraham u ma’ Iżakk u ma’ Ġakobb fis-Saltna tas-Smewwiet,
[Mt:8:12] waqt li dawk li twieldu fis-Saltna jitkeċċew ‘il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien!”
[Mt:8:13] Mbagħad Ġesù qal liċ-ċenturjun: “Mur, ħa jsirlek kif emmint!” U l-qaddej fieq dak il-ħin stess.
[Mt:8:14] Ġesù mar fid-dar ta’ Pietru, u ra li omm il-mara ta’ Pietru kienet mixħuta bid-deni.
[Mt:8:15] Messilha idha, u d-deni ħallieha; mbagħad qamet u bdiet isservih.
[Mt:8:16] Fil-għaxija mbagħad ġibulu quddiemu bosta li kienu maħkuma mix-xitan, u bil-kelma tiegħu keċċa l-ispirti, u fejjaq il-morda kollha.
[Mt:8:17] Biex hekk seħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Isaija, meta qal: Hu ħa l-mard tagħna u refa l-uġigħ tagħna.
Kummentarju u Meditazzjoni Qasira
Fi żmien Ġesu’, il-Lhud kien jobgħodu lir-Rumani għax dawn jirrapreżenntaw dak kollu li kien kuntrarju għalihom inkluż id-dominazzjoni barranija u t-twemmin u l-pratiċi pagani. Għaliex mela Ġesu’ mhux biss laqa’ tajjeb lil dan iċ-ċenturjun imma wkoll faħħru u żammu b’mudell ta’ fidi u fiduċja f’Alla?
Fid-dinja Rumana, il-pożizzjoni ta’ Ċenturjun kienet importanti ħafna. Kien uffiċjal responsabbli minn mitt suldat. F’ċertu sens kien is-sinsla tal-armata Rumana, is-siment li kien iżomm l-armata flimkien. Iċ-ċenturjun li resaq lejn Ġesu’ ma kienx biss kuraġġuż kif kienet titlob il-pożizzjoni tiegħu, imma kien ukoll mimli bil-fidi. Hu rriskja ż-żeblieħ ta’ sħabu billi mar ifittex l-għajnuna minn għand għalliem mill-Galilija, kif ukoll inkejja minn naħa tal-Lhud. Madanakollu hu resaq lejn Ġesu’ bil-kunfidenza u bl-umilta’. Kien bniedem straordinarju għax kien iħobb lill-iskjav tiegħu.
Fid-dinja Rumana, l-iskjavi kienu trattati bħal annimali aktar milli bħala bnedmin. Iċ-ċenturjun kien ukoll bniedem straordinarju ta’ fidi kbira. Hu ried lil Ġesu’ jfejjaq lill-qaddej għażiż tiegħu. Ġesu’ jfaħħru għall-fidi tiegħu u minnufih ifejjaqlu l-qaddej kif xtaq.
Ħsieb għal Qalbek …
Inti lest li ssofri ż-żeblieħ tal-oħrajn fil-prattika tal-fidi tiegħek?
U meta jkollok bżonn l-għajnuna, tersaq lejn il-Mulej Ġesu’ bil-fidi li jistenna minna?
Itlob …
Mulej tas-sema, inti bgħatt lil Ibnek biex aħna nistgħu nkunu meħlusa mit-tirannija tad-dnub u l-mewt. Kabbar il-fidi tiegħi fil-qawwa ta’ Kelmtek li ssalvani u agħtini l-liberta’ li nħobb u nservi lill-oħrajn b’ġenerożita’ u ħniena kif ħabbejtni int. Ammen.