86. Riflessjoni fuq Ġwanni 20: 19-31

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Ġwanni 20: 19-31

bible-videos-jesus-resurrected-1426733-print

L-Evanġelju skont San Ġwann 20: 19-31

[Ġw:20:19] Dak in-nhar fil-għaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”

[Ġw:20:20] Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej.

[Ġw:20:21] Mbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom.”

[Ġw:20:22] Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu.

[Ġw:20:23] Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma.”

[Ġw:20:24] Tumas, wieħed mit-Tnax, jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù.

[Ġw:20:25] Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: “Rajna l-Mulej.” Iżda hu qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh il-marka ta’ l-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka ta’ l-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx.”

[Ġw:20:26] Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa, u Tumas magħhom. Il-bibien kienu magħluqa, imma Ġesù daħal, qagħad f’nofshom, u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”

[Ġw:20:27] Mbagħad qal lil Tumas: “Ġib sebgħek hawn u ara idejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen.”

[Ġw:20:28] Wieġeb Tumas u qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!”

[Ġw:20:29] Qallu Ġesù: “Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu.”

[Ġw:20:30] Hemm ħafna sinjali oħra li Ġesù għamel quddiem id-dixxipli tiegħu u li m’humiex imniżżla f’dan il-ktieb.

[Ġw:20:31] Iżda dawn inkitbu sabiex intom temmnu li Ġesù hu l-Messija l-Iben ta’ Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f’ismu.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

L-ewwel li ra lil Ġesu’ imqajjem mill-mewt ma kienx Pietru jew wieħed mill-appostli, imma Marija ta’ Magdala u n-nisa li kienu baqgħu ma’ Ġesu’ sa ħdejn is-salib u li marru ħdejn il-qabar kmieni l-Ħadd biex jaqdu l-aħħar doveri tagħhom lejn il-ġisem mejjet. Sfortunatament għad-dixxipli m’emmnux dak li rrakkuntawlhom in-nisa dwar il-qamwien mill-mewt tal-Imgħallem. Ġesu’ kellu jċanfar lill-appostli minħabba n-nuqqas ta’ twemmin tagħhom u l-qalb li kienet iebsa biex taċċetta l-qawmien.

Inti bħall-appostli jew bħal Marija Madalena u n-nisa l-oħra? Iebes biex temmen jew tiġri ħafif lejn Ġesu’? Int tiddubita għaliex ma tarax?

Il-Mulej jagħmel lilu nnifsu preżenti għalina bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Hu jagħtina d-don tal-fidi biex aħna nagħrfuh personalment u biex nifhmu l-misteru tal-mewt u l-qawmien tiegħu.

Inti temmen f’Kelmtu u tfittex li tisimgħu jkellmek? Temmen fil-preżenza tiegħu fl-Ewkaristija? Temmen li hu jkun jistenniek fit-Tabernakli siket?

It-tluq u l-assenzjoni ta’ Ġesu’ lejn is-sema kienet kemm tmiem kif ukoll il-bidu għad-dixxipli tiegħu. Filwaqt li kienet tmiem tal-preżenza fiżika ta’ Ġesu’ mall-għeżież dixxipli tiegħu mmarkat il-bidu tal-preżenza ta’ Ġesu’ magħhom b’mod ġdid. Ġesu’ wegħedhom li kien se jibqa’ magħhom dejjem sal-aħħar taż-żmien. Issa bħala l-Mulej u s-Salvatur imqajjem mill-mewt u igglorifikat, tela’ u qiegħed in-naħa tal-lemin tal-Missier fis-sema. Ġesu’ wiegħed li jibgħatilhom l-Ispirtu s-Santu li kien se jikkonsagrahom bil-qawwa tiegħu fil-festa ta’ Pentekoste, l-istess bħalma Ġesu’ kien ikkonsagrat għall-ministeru tiegħu fix-xmara Ġordan.

Meta l-Mulej Ġesu’ telaq b’mod fiżiku minn mall-appostli, ma ħallihomx imnikktin jew iddisprati, anzi huma kienu mimlija bil-ferħ u b’anteċipazzjoni kbira għall-miġja tal-Ispirtu s-Santu.

Ħsieb għal Qalbek …

L-aħħar kliem ta’ Ġesu’ lill-appostli jipponta lejn il-missjoni tas-Salvazzjoni tiegħu u lejn il-missjoni tagħhom li jkunu xhieda tal-mewt u l-qawmien tiegħu li bihom salvana u jxandru l-aħbar it-tajba tas-Salvazzjoni lid-dinja kollha. Il-ħidma tagħhom hi li jxandru l-aħbar it-tajba tas-Salvazzjoni mhux biss lill-poplu t’Iżrael imma lin-nazzjonijiet kollha. L-imħabba t’Alla u d-don tas-Salvazzjoni mhijix biss għal ftit min nies jew għan-nazzjon wieħed biss, imma hi għan-nies tad-dinja kollha u ta’ kull żmien. Hi għal dawk kollha li jaċċettawha.

L-Evanġelju hu l-qawwa t’Alla, il-qawwa li taħfer id-dnubiet, li tfejjaq, li teħles mill-ħażen u l-oppressjoni u li ġġedded il-ħajja. Inti temmen fil-qawwa tal-Evanġelju?

Ġesu’ m’afdax ix-xandir tal-Evanġelju u s-Sagramenti tal-fejqan u l-liberazzjoni  f’idejn il-Knisja permezz tas-saċerdoti biss, imma fdah ukoll lil kull min kien se jemmen. Ġesu’ mqajjem mill-mewt jagħti din il-kariga kbira lil kull membru fil-Knisja. Kull min jemmen għandu sehem min din il-ħidma glorjuża li jkun messaġġier tal-bxara t-tajba u ambaxxatur għal Kristu, l-uniku Salvatur tad-dinja.

Aħna ma tħallejniex waħedna f’din il-biċċa xogħol għax il-Mulej innifsu jaħdem fina u permezz tagħna bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Illum aħna nesperjenzaw Pentekoste ġdid filwaqt li l-Mulej iferra’ l-Ispirtu fuq il-poplu tiegħu l-Knisja biex iġġeddidha, isaħħaħha bħala l-ġisem tiegħu u biex jibniha ħalli taqdi ministeru effettiv u missjoni madwar id-dinja kollha.

U inti tagħti xhieda quddiem l-oħrajn tal-ferħ tal-Evanġelju u tat-tama tal-qawmien għall-ħajja?

Itlob …

Mulej Ġesu’, permezz tad-don tal-Ispirtu s-Santu, int timliena bi spirtu ta’ tifħir u ta’ ferħ li ebda prova ta’ din id-dinja ma jeħdulu postu. Imliena bil-ferħ tal-qamwien u għenna ngħixu ħajja ta’ tifħir u ta’ radd il-ħajr lejk u għall-glorja tiegħek.

Għażiża Marija, Omm il-Knisja, itlob magħna għall-miġja tal-Ispirtu s-Santu li ġġedded il-knisja, tfejjaqha, issaħħaħha u tibqa’ tibgħatha biex kull wieħed u waħda minna nkunu tassew xhieda quddiem kulħadd bla distinzjoni tal-Evanġelju afdat lilna minn Ġesu’ Ibnek. Ammen.