153. Riflessjoni fuq Mattew 25: 1-13

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 25: 1-13

1102014712_univ_lsr_xl

L-Evanġelju skont San Mattew 25: 1-13

[Mt:25:1] “Mbagħad is-Saltna tas-Smewwiet ixebbhuha ma’ għaxar xebbiet li ħarġu bl-imsiebaħ tagħhom biex jilqgħu l-għarus.

[Mt:25:2] Ħamsa minnhom kienu boloh u ħamsa għaqlin,

[Mt:25:3] għax il-boloh ħadu l-imsiebaħ imma ma ħadux żejt magħhom,

[Mt:25:4] waqt li l-għaqlin ħadu mhux biss l-imsiebaħ iżda wkoll iż-żejt fil-kwies.

[Mt:25:5] L-għarus iddawwar ma ġie, u għalhekk ilkoll ħadhom in-ngħas u raqdu.

[Mt:25:6] Mbagħad f’nofs ta’ lejl instama’ min jgħajjat, ‘Ara l-għarus! Oħorġu ilqgħuh!’

[Mt:25:7] Dawk ix-xebbiet qamu lkoll u ħejjew l-imsiebaħ tagħhom.

[Mt:25:8] Iżda l-boloh qalu lill-għaqlin, ‘Agħtuna ftit żejt minn tagħkom, għax l-imsiebaħ tagħna jintfew.’

[Mt:25:9] Qabżu l-għaqlin u qalu, ‘Għandu mnejn ma jibqax biżżejjed, la għalina u lanqas għalikom! L-aħjar, morru għand tal-ħanut u ixtru għalikom.’

[Mt:25:10] Xħin dawk marru biex jixtru jiġi l-għarus; dawk li kienu lesti daħlu miegħu għall-festa tat-tieġ, u l-bieb ingħalaq.

[Mt:25:11] Saflaħħar waslu wkoll ix-xebbiet l-oħra, u bdew jgħidu, ‘Sinjur, Sinjur, iftħilna!’

[Mt:25:12] Iżda hu weġibhom u qal,’Tassew, ngħidilkom, lilkom ma nafkomx.’

[Mt:25:13] Ishru, mela, għaliex la tafu l-jum u lanqas is-siegħa.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Jista’ jkun li dak li hu l-aktar importanti huwa nieqes f’ħajtek?

Li wieħed ma jkunx ippreparat dan jista’ jwassal għall-inkwiet u anke għall-konsegwenzi diżastrużi. X’tiswa l-ġakketta tas-salvataġġ li ħallejtha warajk fuq ix-xatt fil-mument meta d-dgħajsa tiegħek tkun qed tegħreq?

L-istorja ta’ Ġesu’ llum dwar l-għaxar xebbiet li ħamsa minnhom kienu boloh, tinstema’ stramba għalina għax il-festa tat-tieġ tagħna ddum biss lejla waħda, imma f’dak iż-żmien kienu jdumu jiċċelebraw għal ġimgħa sħiħa. Kienet użanza li l-għarus ħin bla waqt kien jasal biex jieħu l-għarusa għall-festa tat-tieġ. Jekk jiġi billejl, l-imsiebaħ kienu ċertament indispensabbli. Li tmur għat-tieġ mhux liebes kif suppost jew mingħajr il-musbieħ jaqbad, kienu qishom bħal tipprova tidħol għaċ-ċinema bla post riservat jew bla biljett.

Ħsieb għal Qalbek …

Ġesu’ jwissina li hemm konsegwenzi għal min ma jkunx ippreparat. Li hemm affarijiet li ma tistax takkwistahom fl-aħħar minuta, eżempju student ma jistax imur għall-eżami mingħajr ma jkun ilu żmien twil jitgħallem u jistudja. Il-ġid etern tagħna jiddependi fuq jekk nisimgħux minn dak li qed jgħidilna l-Mulej f’ħajjitna llum u aħna ġieli drajna nagħlqu widnejna biex ma nisimgħux. Ma nkunux iperparati biex niltaqgħu mall-Mulej wiċċ imb’wiċċ meta isejjħilna f’jum il-ġudizzju jekk ma nisimgħux minnu llum. Il-Mulej qed jistieden lilek ukoll għall-festa tat-tieġ tiegħu. Int ipperparat?

Itlob …

Mulej, agħtini l-grazzja li nishar u nkun attent għall-vuċi tiegħek li qed isemmali llum f’ħajti hekk li nasal li nagħti widen għas-sejħat tiegħek f’kull ħin.

Marija, int li int ix-xebba kollok għaqal hekk kif insejjħulek fil-litanija, kun int li tiggwidani ħalli ngħix mhux bir-raġunamenti ta’ din d-dinja, imma bil-għaqal li jiġi mill-imħabba tiegħi lejn Alla. Ammen.